|
3.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 387/110 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1901
tad-29 ta’ Ottubru 2021
li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istatistika dwar nefqa u finanzjament għall-kura tas-saħħa
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) u l-Anness II, tal-punt (d) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Mir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 jirriżulta li d-data u l-metadata dwar in-nefqa u l-finanzjament għall-kura tas-saħħa jenħtieġ li jiġu stabbiliti minn miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2008, il-Kummissjoni wettqet analiżi kost-benefiċċji, filwaqt li ħadet kont tal-benefiċċji tad-disponibbiltà tad-data dwar in-nefqa u l-finanzjament għall-kura tas-saħħa. Jenħtieġ li jinġabru varjabbli dwar in-nefqa u l-finanzjament għall-kura tas-saħħa biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data madwar l-UE għad-deċiżjonijiet relatati mal-politika tas-saħħa u dik soċjali. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni (Eurostat) ipproduċiet flimkien mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, manwal statistiku ta’ referenza, is-System of Health Accounts 2011 (2) (Sistema tal-Kontijiet tas-Saħħa), sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-komparabbiltà tad-data. Dan il-manwal, li jistabbilixxi l-kunċetti, id-definizzjonijiet u l-metodi għall-ipproċessar tad-data relatati man-nefqa u mal-finanzjament għall-kura tas-saħħa, jenħtieġ li jifforma l-bażi għall-kwestjonarju dettaljat, flimkien mal-linji gwida li jakkumpanjaw l-eżerċizzju annwali konġunt tal-ġbir tad-data. |
|
(4) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea fil-qasam tan-nefqa u l-finanzjament għall-kura tas-saħħa, wieħed mis-suġġetti għall-istatistika dwar il-kura tas-saħħa fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1338/2008.
Artikolu 2
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jipprovdu data għall-oqsma u fil-livell ta’ aggregazzjoni speċifikat fl-Anness II.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data meħtieġa u l-metadata ta’ referenza standard assoċjata fuq bażi annwali. Il-perjodu ta’ referenza għandu jkun ta’ sena kalendarja. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2021.
2. Id-data u l-metadata ta’ referenza għas-sena ta’ referenza N għandhom jintbagħtu sat-30 ta’ April N+2.
3. Id-data u l-metadata ta’ referenza għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni (Eurostat) bis-servizzi tal-punt tad-dħul uniku jew għandhom ikunu disponibbli għall-irkupru mill-Kummissjoni (Eurostat) b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-metadata ta’ referenza meħtieġa, b’mod partikolari dwar:
|
(a) |
is-sorsi tad-data u l-kopertura tagħhom; |
|
(b) |
il-metodi ta’ kompilazzjoni użati; |
|
(c) |
l-informazzjoni dwar karatteristiċi ta’ nefqa u finanzjament tas-saħħa tal-kura nazzjonali, speċifiċi għall-Istati Membri u d-devjazzjonijiet mid-definizzjonijiet elenkati fl-Anness I; |
|
(d) |
ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fejn din tifforma l-bażi tan-nefqa u l-finanzjament għall-kura tas-saħħa; |
|
(e) |
l-informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fil-kunċetti statistiċi msemmija fl-Anness I. |
Artikolu 6
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.
(2) OECD, il-Eurostat u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, A System of Health Accounts 2011.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
ANNESS I
Definizzjonijiet
1.
“Kura tas-saħħa” tfisser l-attivitajiet kollha bl-għan ewlieni li jitjieb, jinżamm u jiġi pprevenut id-deterjorament tal-istat tas-saħħa ta’ persuni u li jittaffew il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ saħħa permezz tal-applikazzjoni ta’ għarfien tas-saħħa ikkwalifikat;
2.
“Nefqa kurrenti għall-kura tas-saħħa” tfisser in-nefqa tal-konsum aħħari ta’ unitajiet residenti fuq oġġetti u servizzi għall-kura tas-saħħa, inklużi l-oġġetti u s-servizzi għall-kura tas-saħħa pprovduti direttament lil persuni individwali kif ukoll is-servizzi tal-kura tas-saħħa kollettivi;
3.
“Funzjonijiet ta’ kura tas-saħħa” tfisser it-tip ta’ bżonn li l-oġġetti u s-servizzi tal-kura tas-saħħa għandhom l-għan li jissodisfaw jew it-tip ta’ objettiv tas-saħħa segwit;
4.
“Kura riabilitattiva u kurattiva inpatient”: “Kura inpatient” tfisser it-trattament u/jew il-kura pprovduta f’faċilità għall-kura tas-saħħa lil pazjenti formalment ammessi u li jkunu jeħtieġu soġġorn ta’ lejl; “Kura kurattiva” tfisser servizzi tal-kura tas-saħħa li matulhom l-intenzjoni prinċipali hija li jittaffew is-sintomi jew li titnaqqas il-gravità ta’ marda jew korriment, jew bħala ħarsien kontra l-aggravar tagħha jew kumplikazzjoni li tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja jew funzjoni normali; “Kura riabilitattiva” tfisser is-servizzi li jistabbilizzaw, itejbu jew jirkupraw funzjonijiet u strutturi tal-ġisem indeboliti, jikkumpensaw għan-nuqqas jew it-telf ta’ funzjonijiet u strutturi tal-ġisem, itejbu l-parteċipazzjoni u l-attivitajiet u jipprevjenu indebolimenti, kumplikazzjonijiet mediċi u riskji;
5.
“Kura riabilitattiva u kurattiva matul il-jum”: “Kura matul il-jum” tfisser is-servizzi mediċi u paramediċi ppjanati mogħtija f’faċilità għall-kura tas-saħħa lil pazjenti li jkunu ġew formalment ammessi għal dijanjożi, trattament jew tipi oħra ta’ kura tas-saħħa u li jitħallew jitilqu fl-istess jum; “Kura kurattiva” tfisser servizzi tal-kura tas-saħħa li matulhom l-intenzjoni prinċipali hija li jittaffew is-sintomi jew li titnaqqas il-gravità ta’ marda jew korriment, jew bħala ħarsien kontra l-aggravar tagħha jew kumplikazzjoni li tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja jew funzjoni normali; “Kura riabilitattiva” tfisser is-servizzi li jistabbilizzaw, itejbu jew jirkupraw funzjonijiet u strutturi tal-ġisem indeboliti, jikkumpensaw għan-nuqqas jew it-telf ta’ funzjonijiet u strutturi tal-ġisem, itejbu l-parteċipazzjoni u l-attivitajiet u jipprevjenu indebolimenti, kumplikazzjonijiet mediċi u riskji;
6.
“Kura riabilitattiva u kurattiva outpatient”: “Kura outpatient” tfisser is-servizzi mediċi u anċillari mogħtija f’faċilità għall-kura tas-saħħa lil pazjent li mhux formalment ammess u li ma jeħtieġx soġġorn ta’ lejl; “Kura kurattiva” tfisser servizzi tal-kura tas-saħħa li matulhom l-intenzjoni prinċipali hija li jittaffew is-sintomi jew li titnaqqas il-gravità ta’ marda jew korriment, jew bħala ħarsien kontra l-aggravar tagħha jew kumplikazzjoni li tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja jew funzjoni normali; “Kura riabilitattiva” tfisser is-servizzi li jistabbilizzaw, itejbu jew jirkupraw funzjonijiet u strutturi tal-ġisem indeboliti, jikkumpensaw għan-nuqqas jew it-telf ta’ funzjonijiet u strutturi tal-ġisem, itejbu l-parteċipazzjoni u l-attivitajiet u jipprevjenu indebolimenti, kumplikazzjonijiet mediċi u riskji;
7.
“Kura riabilitattiva u kurattiva d-djar”: “Kura d-djar” tfisser is-servizzi mediċi, anċillari u ta’ infermiera li huma kkunsmati minn pazjenti fi djarhom u jinvolvu l-preżenza fiżika tal-fornituri; “Kura kurattiva” tfisser servizzi tal-kura tas-saħħa li matulhom l-intenzjoni prinċipali hija li jittaffew is-sintomi jew li titnaqqas il-gravità ta’ marda jew korriment, jew bħala ħarsien kontra l-aggravar tagħha jew kumplikazzjoni li tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja jew funzjoni normali; “Kura riabilitattiva” tfisser is-servizzi li jistabbilizzaw, itejbu jew jirkupraw funzjonijiet u strutturi tal-ġisem indeboliti, jikkumpensaw għan-nuqqas jew it-telf ta’ funzjonijiet u strutturi tal-ġisem, itejbu l-parteċipazzjoni u l-attivitajiet u jipprevjenu indebolimenti, kumplikazzjonijiet mediċi u riskji;
8.
“Kura (tas-saħħa) inpatient fit-tul”: “Kura inpatient” tfisser it-trattament u/jew il-kura pprovduta f’faċilità għall-kura tas-saħħa lil pazjenti formalment ammessi u li jkunu jeħtieġu soġġorn ta’ lejl; “Kura (tas-saħħa) fit-tul” tfisser firxa ta’ servizzi mediċi jew ta’ infermiera u tal-kura personali li jipprovdu l-għajnuna b’attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum li huma kkunsmati bil-għan ewlieni li jtaffu l-uġigħ u t-tbatija u jnaqqsu jew jimmaniġġjaw id-deterjorament fl-istat tas-saħħa f’pazjenti bi grad ta’ dipendenza fit-tul;
9.
“Kura tas-saħħa fit-tul matul il-jum”: “Kura matul il-jum” tfisser is-servizzi mediċi u paramediċi ppjanati mogħtija f’faċilità għall-kura tas-saħħa lil pazjenti li jkunu ġew formalment ammessi għal dijanjożi, trattament jew tipi oħra ta’ kura tas-saħħa u li jitħallew jitilqu fl-istess jum; “Kura (tas-saħħa) fit-tul” tfisser firxa ta’ servizzi mediċi jew ta’ infermiera u tal-kura personali li jipprovdu l-għajnuna b’attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum li huma kkunsmati bil-għan ewlieni li jtaffu l-uġigħ u t-tbatija u jnaqqsu jew jimmaniġġjaw id-deterjorament fl-istat tas-saħħa f’pazjenti bi grad ta’ dipendenza fit-tul;
10.
“Kura (tas-saħħa) fit-tul outpatient”: “Kura outpatient” tfisser is-servizzi mediċi u anċillari mogħtija f’faċilità għall-kura tas-saħħa lil pazjent li mhux formalment ammess u li ma jeħtieġx soġġorn ta’ lejl; “Kura (tas-saħħa) fit-tul” tfisser firxa ta’ servizzi mediċi jew ta’ infermiera u tal-kura personali li jipprovdu l-għajnuna b’attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum li huma kkunsmati bil-għan ewlieni li jtaffu l-uġigħ u t-tbatija u jnaqqsu jew jimmaniġġjaw id-deterjorament fl-istat tas-saħħa f’pazjenti bi grad ta’ dipendenza fit-tul;
11.
“Kura (tas-saħħa) fit-tul d-djar”: “Kura d-djar” tfisser is-servizzi mediċi, anċillari u ta’ infermiera li huma kkunsmati minn pazjenti fi djarhom u jinvolvu l-preżenza fiżika tal-fornituri; “Kura (tas-saħħa) fit-tul” tfisser firxa ta’ servizzi mediċi jew ta’ infermiera u tal-kura personali li jipprovdu l-għajnuna b’attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum li huma kkunsmati bil-għan ewlieni li jtaffu l-uġigħ u t-tbatija u jnaqqsu jew jimmaniġġjaw id-deterjorament fl-istat tas-saħħa f’pazjenti bi grad ta’ dipendenza fit-tul;
12.
“Servizzi anċillari” (mhux speċifikata skont il-funzjoni) tfisser is-servizzi relatati ma’ kura tas-saħħa u kura fit-tul li mhumiex speċifikati permezz ta’ funzjoni u permezz tal-mezz ta’ forniment, li l-pazjent jikkonsma direttament, b’mod partikolari matul kuntatt indipendenti tas-sistema tas-saħħa u li mhumiex parti integrali minn pakkett ta’ servizzi tal-kura, bħal servizzi ta’ immaġni jew tal-laboratorju jew tat-trasportazzjoni ta’ pazjenti u salvataġġ ta’ emerġenza;
13.
“Oġġetti farmaċewtiċi u oġġetti mediċi durabbli oħra li ma jdumux iservu” (mhux speċifikati skont il-funzjoni) tfisser prodotti farmaċewtiċi u oġġetti mediċi mhux durabbli, maħsuba għall-użu fid-dijanjożi, il-kura, il-mitigazzjoni u t-trattament ta’ mard, inklużi mediċini preskritti u mediċini li jinxtraw mingħajr riċetta, fejn il-funzjoni u l-mod ta’ dispożizzjoni mhumiex speċifikati;
14.
“Apparat terapewtiku u oġġetti mediċi oħra (mhux speċifikati skont il-funzjoni)” tfisser oġġetti durabbli inkluż apparat ortotiku li jappoġġa jew jikkoreġi deformitajiet u/jew anormalitajiet tal-ġisem tal-bniedem, apparat ortopediku, prosteżi jew estensjonijiet li jieħdu post parti tal-ġisem nieqsa u apparat prostetiku ieħor, inklużi l-impjanti li jissostitwixxu jew jissupplimentaw il-funzjonalità ta’ struttura bijoloġika nieqsa u l-apparat medikotekniku, fejn il-funzjoni u l-mod ta’ proviżjoni mhumiex speċifikati;
15.
“Kura preventiva” tfisser kwalunkwe miżura li għandha l-għan li tevita jew tnaqqas in-numru jew is-severità tal-korrimenti u l-mard, l-eżitu u l-kumplikazzjonijiet tagħhom;
16.
“Governanza u amministrazzjoni tas-sistema tas-saħħa u tal-finanzjament” tfisser servizzi li jiffukaw fuq is-sistema tas-saħħa aktar milli fuq il-kura tas-saħħa diretta, il-funzjonament tas-sistema tas-saħħa dirett u ta’ appoġġ, u huma kkunsidrati bħala kollettivi, peress li mhumiex allokati għal individwi speċifiċi iżda huma ta’ benefiċċju għall-utenti kollha tas-sistema tas-saħħa;
17.
“Servizzi tas-saħħa oħra mhux ikklassifikati band’oħra (n.e.c., not elsewhere classified)” tinkludi kwalunkwe servizz ieħor tas-saħħa li mhux ikklassifikat fl-HC.1 sal-HC.7;
18.
“Skemi ta’ finanzjament tal-kura tas-saħħa” tfisser tipi ta’ arranġamenti ta’ finanzjament li permezz tiegħu persuni jiksbu servizzi tas-saħħa, inkluż kemm pagamenti diretti minn unitajiet domestiċi għal servizzi u oġġetti u arranġamenti ta’ finanzjament ma’ partijiet terzi;
19.
“Skemi tal-gvern” tfisser skemi ta’ finanzjament tal-kura tas-saħħa li l-karatteristiċi tagħhom huma ddeterminati mil-liġi jew mill-gvern u fejn baġit separat huwa stabbilit għall-programm u unità tal-gvern li jkollha responsabbiltà ġenerali għaliha;
20.
“Skemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa soċjali” tfisser arranġament ta’ finanzjament biex jiġi żgurat aċċess għall-kura tas-saħħa għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni obbligatorja determinata mil-liġi jew mill-gvern u l-eliġibbiltà bbażati fuq il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tas-saħħa minn jew f’isem l-individwi kkonċernati;
21.
“Skemi tal-assigurazzjoni privati obbligatorji” tfisser arranġament ta’ finanzjament biex jiġi żgurat aċċess għall-kura tas-saħħa għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni obbligatorja determinata mil-liġi jew mill-gvern u l-eliġibbiltà bbażati fuq ix-xiri ta’ polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa;
22.
“Skemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa volontarja” tfisser skemi bbażati fuq ix-xiri ta’ polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa, li ma jsirx obbligatorju mill-gvern u fejn il-premia tal-assigurazzjoni jistgħu jiġu ssussidjati b’mod dirett jew indirett mill-gvern;
23.
“Skemi ta’ finanzjament ta’ istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ” tfisser arranġamenti u programmi ta’ finanzjament mhux obbligatorji b’intitolament ta’ benefiċċju mhux kontributorju, ibbażati fuq donazzjonijiet mingħand il-pubbliku ġenerali, il-gvern jew korporazzjonijiet;
24.
“Skemi ta’ finanzjament tal-intrapriżi” primarjament tfisser arranġamenti fejn l-intrapriżi jipprovdu jew jiffinanzjaw direttament servizzi tas-saħħa għall-impjegati tagħhom mingħajr l-involviment ta’ xi skema tat-tip ta’ assigurazzjoni;
25.
“Ħlas mill-but tal-unitajiet domestiċi” tfisser ħlas dirett għal oġġetti u servizzi għall-kura tas-saħħa mill-introjtu primarju jew mit-tfaddil tal-unitajiet domestiċi, meta jsir il-pagament mill-utent fil-mument tax-xiri ta’ oġġetti jew l-użu tas-servizzi;
26.
“Skemi ta’ finanzjament tal-bqija tad-dinja” tfisser arranġamenti finanzjarji li jinvolvu jew li huma mmaniġġjati minn unitajiet istituzzjonali li huma residenti barra mill-pajjiż, iżda li jiġbru, jaggregaw ir-riżorsi u jixtru oġġetti u servizzi tal-kura tas-saħħa f’isem ir-residenti, mingħajr tranżitu tal-fondi tagħhom permezz ta’ skema tar-residenti;
27.
“Fornituri tal-kura tas-saħħa” tfisser l-organizzazzjonijiet u l-atturi li jwasslu l-oġġetti u s-servizzi tal-kura tas-saħħa bħala l-attività primarja tagħhom, kif ukoll dawk li għalihom il-provvediment tal-kura tas-saħħa huwa biss wieħed fost numru ta’ attivitajiet;
28.
“Sptarijiet” tfisser stabbilimenti liċenzjati li huma primarjament involuti fil-provvediment ta’ servizzi mediċi, dijanjostiċi u ta’ trattament li jinkludu servizzi ta’ tobba, infermiera u servizzi oħra tas-saħħa għall-inpatients u s-servizzi ta’ akkomodazzjoni speċjalizzati meħtieġa mill-inpatients u li jistgħu wkoll jipprovdu servizzi tal-kura tas-saħħa matul il-jum, outpatient u d-dar;
29.
“Faċilitajiet tal-kura fit-tul residenzjali” tfisser stabbilimenti li huma primarjament involuti fil-provvediment tal-kura fit-tul residenzjali li jikkombinaw kura mill-infermiera, superviżorja jew tipi oħra ta’ kura kif meħtieġ mir-residenti, fejn parti sinifikanti tal-proċess ta’ produzzjoni u l-kura pprovduta hija taħlita ta’ servizzi soċjali u servizzi tas-saħħa bis-servizzi tas-saħħa jkunu fil-biċċa l-kbira fil-livell tal-kura mill-infermiera flimkien ma’ servizzi ta’ kura personali;
30.
“Fornituri ta’ kura tas-saħħa ambulatorja” tfisser stabbilimenti li huma primarjament involuti fil-provvediment ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa direttament lil outpatients li ma jkunux jeħtieġu servizzi inpatient, inklużi kemm l-uffiċċji ta’ tobba ġeneralisti u speċjalisti mediċi u stabbilimenti li jispeċjalizzaw fit-trattament ta’ każijiet ta’ matul il-jum u fl-għoti ta’ servizzi tal-kura d-dar;
31.
“Fornituri ta’ servizzi anċillari” tfisser stabbilimenti li jipprovdu tip ta’ servizzi anċillari speċifiċi direttament lil outpatients taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti tas-saħħa u li mhumiex koperti f’każ ta’ trattament minn sptarijiet, faċilitajiet tal-kura mill-infermiera, fornituri ta’ kura ambulatorja jew fornituri oħrajn;
32.
“Bejjiegħa bl-imnut u fornituri oħra ta’ oġġetti mediċi” tfisser stabbilimenti li l-attività ewlenija tagħhom hija l-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti mediċi lill-pubbliku ġenerali għal użu jew konsum individwali jew tal-unità domestika, inkluż l-istallazzjoni u t-tiswija magħmula flimkien mal-bejgħ;
33.
“Fornituri ta’ kura preventiva” tfisser organizzazzjonijiet li primarjament jipprovdu programmi u kampanji preventivi kollettivi/programmi tas-saħħa pubblika għal gruppi speċifiċi ta’ individwi jew il-popolazzjoni inġenerali, bħall-promozzjoni tas-saħħa u l-aġenziji tal-protezzjoni jew istituti tas-saħħa pubblika kif ukoll stabbilimenti speċjalizzati li jipprovdu kura preventiva primarja bħala l-attività prinċipali tagħhom;
34.
“Fornituri tal-amministrazzjoni u l-finanzjament tas-sistema tal-kura tas-saħħa” tfisser stabbilimenti li huma primarjament involuti fir-regolazzjoni tal-attivitajiet ta’ aġenziji li jipprovdu kura tas-saħħa u fl-amministrazzjoni ġenerali tas-settur tal-kura tas-saħħa, inkluż l-amministrazzjoni tal-finanzjament tas-saħħa;
35.
“Il-bqija tal-ekonomija” tfisser fornituri tal-kura tas-saħħa residenti oħra li mhumiex ikklassifikati band’oħra, inklużi unitajiet domestiċi bħala fornituri ta’ servizzi tas-saħħa fid-dar personali għall-membri tal-familja, f’każijiet fejn jikkorrispondu għal pagamenti ta’ trasferiment soċjali mogħtija għal dan il-għan kif ukoll l-industriji l-oħra kollha li joffru l-kura tas-saħħa bħala attività sekondarja;
36.
“Il-bqija tad-dinja” tfisser l-unitajiet mhux residenti kollha li jfornu oġġetti u servizzi tal-kura tas-saħħa kif ukoll dawk involuti f’attivitajiet relatati mas-saħħa.
ANNESS II
Suġġetti li għandhom jiġu koperti u l-karatteristiċi tagħhom, kontraklassifikazzjoni tad-data u diżaggregazzjonijiet
|
(1) |
Kontraklassifikazzjoni tan-nefqa kurrenti għall-kura tas-saħħa fuq funzjonijiet tal-kura tas-saħħa (HC) u skemi ta’ finanzjament (HF) Id-data kollha għandha tintbagħat f’miljuni tal-munita nazzjonali.
|
|
(2) |
Kontraklassifikazzjoni tan-nefqa kurrenti għall-kura tas-saħħa b’funzjonijiet tal-kura tas-saħħa (HC) u l-fornituri tal-kura tas-saħħa (HP) Id-data kollha għandha tintbagħat f’miljuni tal-munita nazzjonali.
|
|
(3) |
Kontraklassifikazzjoni tan-nefqa kurrenti għall-kura tas-saħħa mill-fornituri tal-kura tas-saħħa (HP) u skemi ta’ finanzjament (HF) Id-data kollha għandha tintbagħat f’miljuni tal-munita nazzjonali.
|