29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 384/84


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1891

tas-26 ta’ Ottubru 2021

li jemenda l-Annessi XIV u XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni u t-tranżitu minnha ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 41(3), u il-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 42(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għar-regoli dwar is-saħħa pubblika u tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inkluż mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa u l-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati.

(2)

B’mod partikolari, il-Kapitolu II tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi għall-importazzjoni lejn l-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati għal użijiet barra mill-katina tal-għalf għal annimali mrobbijin fi rziezet għajr l-annimali mrobbija għall-pil. Tali konsenji huma meħtieġa jikkonformaw ma’, inter alia, ir-regoli stabbiliti fit-Tabella 2 tat-Taqsima 1 ta’ dak il-Kapitolu.

(3)

B’mod aktar speċifiku, il-filliera 14 tat-Tabella 2 tistabbilixxi, inter alia, il-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati għal użijiet barra mill-katina tal-għalf, inkluż konsenji ta’ pil għall-manifattura ta’ prodotti derivati, materjali tal-kategorija 3, imsemmija fil-punt (n) tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009. Ċerti Stati Membri talbu li l-filliera 14 tat-Tabella 2 tiġi emendata sabiex tinkludi lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ pil għall-manifattura ta’ prodotti derivati. Ma hemmx lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ prodotti tal-annimali mrobbija għall-pil, iżda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ laħam frisk tal-ungulati. Wara evalwazzjoni tat-talba tal-Istati Membri, jixraq li fil-filliera 14 tat-Tabella 2 tiġi inkluża lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom jista’ jiġi importat fl-Unjoni pil għall-manifattura ta’ prodotti derivati. Peress li l-pajjiżi terzi li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk tal-ungulati joffru livell għoli ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali, huwa xieraq li jiġu permessi l-importazzjonijiet tal-pil għall-manifattura ta’ prodotti derivati minn dawk il-pajjiżi terzi.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(5)

Barra minn hekk, il-Kapitolu 3(F) u l-Kapitolu 8 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxu l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-importazzjonijiet fl-Unjoni jew għat-tranżitu minnha, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali għall-manifattura tal-ikel għall-annimali domestiċi u għal dawk li jintużaw għal skopijiet barra mill-katina tal-għalf jew għall-kampjuni tal-kummerċ, rispettivament. Dawk il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa jinkludu, fost l-oħrajn, ir-rekwiżit li l-annimali li minnhom jiġu derivati l-prodotti sekondarji tal-annimali jridu jkunu qagħdu f’azjenda waħda għal 40 jum qabel it-tbiċċir. Mill-perspettiva tas-saħħa tal-annimali, tali perjodu ta’ residenza ta’ qabel it-tbiċċir ta’ 40 jum jiżgura s-sikurezza tal-prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati meta jiġu importati fl-Unjoni. Il-ħelsien mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer mingħajr tilqim huwa l-aktar status favorevoli tas-saħħa tal-annimali skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), u l-pajjiżi terzi b’dak l-istatus tas-saħħa tal-annimali huma awtorizzati għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ konsenji ta’ laħam frisk mingħajr dan il-perjodu ta’ residenza ta’ 40 jum, sakemm jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħra kollha tas-saħħa tal-annimali. Ċerti pajjiżi terzi li huma ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer mingħajr tilqim talbu lill-Kummissjoni li jkunu awtorizzati għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati mingħajr il-perjodu ta’ residenza ta’ qabel it-tbiċċir ta’ 40 jum. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jenħtieġ li jiġu allinjati mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti sekondarji tal-annimali għall-manifattura ta’ ikel għall-annimali domestiċi, stabbiliti fil-Kapitolu 3(F) tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, u għall-prodotti sekondarji tal-annimali biex jintużaw għal skopijiet barra mill-katina tal-għalf jew għall-kampjuni tal-kummerċ, stabbiliti fil-Kapitolu 8 tal-Anness XV ta’ dak ir-Regolament jiġu emendati skont dan.

(7)

Barra minn hekk, il-Kapitolu V tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistipula li l-prodotti derivati ta’ materjal tal-Kategorija 1 jew tal-Kategorija 2 jenħtieġ li jiġu mmarkati b’mod permanenti b’markatur kimiku biex jiġi evitat id-dħul tagħhom fil-katina tal-għalf u biex jiġu żgurati l-kontrolli uffiċjali tal-għalf. L-immarkar b’markatur kimiku mhuwiex meħtieġ għax-xaħmijiet imdewba tal-Kategorija 3. Għalhekk jeħtieġ li jiġi kkoreġut il-kliem żbaljat fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu 10(B) tal-Anness XV ta’ dak ir-Regolament għall-importazzjonijiet tax-xaħmijiet imdewba mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem biex jintużaw għal ċerti skopijiet barra mill-katina tal-għalf, maħsuba għad-dispaċċ fl-Unjoni jew għat-tranżitu minnha.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(9)

Sabiex jiġi evitat kull tfixkil tal-kummerċ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi perjodu tranżitorju li matulu l-prodotti kkonċernati mill-emendi li saru lir-Regolament (UE) Nru 142/2011, permezz ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ ikomplu jiġu aċċettati għall-importazzjoni lejn l-Unjoni u għat-tranżitu minnha, dejjem jekk dawk il-prodotti jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 142/2011 qabel l-emendi magħmula b’dan ir-Regolament.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi XIV u XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Mejju 2022, il-konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa mimli u ffirmat kif xieraq skont il-mudell rilevanti taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu 3(F), fil-Kapitolu 8 u fil-Kapitolu 10(B) tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, fil-verżjoni li tapplika qabel l-emendi previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikomplu jiġu aċċettati għall-importazzjoni lejn l-Unjoni jew għat-tranżitu minnha, sakemm tali ċertifikati tas-saħħa jkunu mtlew u ġew iffirmati kif xieraq mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tat-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).


ANNESS

Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat kif ġej:

1.

fil-kolonna “Lista ta’ pajjiżi terzi” fil-filliera 14 tat-Tabella 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

Fil-każ tal-pil għall-manifattura ta’ prodotti derivati:

Il-pajjiż terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness XIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (*1) li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk tal-ungulati.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).”."

2.

L-Anness XV huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Kapitolu 3(F) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 3(F)

Ċertifikat tas-saħħa

Għall-prodotti sekondarji tal-annimali(3) għall-manifattura ta’ ikel għall-annimali domestiċi, maħsubin biex jintbagħtu fl-Unjoni Ewropea jew għat-tranżitu minnha(2)

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

Image 6
“;

(b)

Il-Kapitolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 8

Ċertifikat tas-saħħa

Għall-prodotti sekondarji tal-annimali biex jintużaw għal skopijiet barra mill-katina tal-għalf jew bħala kampjuni tal-kummerċ (2), maħsubin biex jintbagħtu fl-Unjoni Ewropea jew għat-tranżitu minnha (2)

Image 7

Image 8

Image 9

Image 10

Image 11

Image 12
“;

(c)

Il-Kapitolu 10(B) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 10(B)

Ċertifikat tas-saħħa

Għax-xaħmijiet imdewba mhux maħsubin għall-konsum mill-bniedem biex jintużaw għal ċerti skopijiet barra mill-katina tal-għalf, maħsubin biex jintbagħtu fl-Unjoni Ewropea jew għat-tranżitu minnha(2)

Image 13

Image 14

Image 15

Image 16

Image 17
“.


(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1).”.”