11.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 359/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1783
tat-2 ta’ Lulju 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li fihom mudell ta’ dokument għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ir-regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn meħtieġ, li jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw taħt dak ir-Regolament f’pajjiżi terzi. L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni jistgħu jiġu konklużi biss jekk l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata taħthom tkun soġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali mill-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament, u tali skambji għandhom ikunu maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti inkwistjoni. |
(2) |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, fejn ikun possibbli, jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi responsabbli għal swieq tal-kontanti relatati skont l-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament. |
(3) |
Fil-konklużjoni ta’ arranġamenti ġodda ta’ kooperazzjoni u fl-aġġornament ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni eżistenti ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, l-awtoritajiet kompetenti fejn possibbli għandhom jużaw id-dokument mudell adottat skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. |
(4) |
Sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni tad-data personali li huma konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi għandu jsir f’konformità sħiħa ma’ dak ir-Regolament. Mod wieħed ta’ skambju ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi huwa permezz ta’ arranġamenti amministrattivi li jiżguraw salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi li persuna fiżiċi jkollhom fuq id-data personali tagħhom. Għat-trasferiment ta’ data personali bejn l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji taż-Żona Ekonomika Ewropea (“iż-ŻEE”) u awtoritajiet superviżorji finanzjarji mhux taż-ŻEE, tali arranġament amministrattiv ġie abbozzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) u mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ESMA), (3) u rċieva l-opinjoni pożittiva tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (l-EDPB) (4). L-awtoritajiet superviżorji finanzjarji kollha taż-ŻEE u għadd ta’ awtoritajiet superviżorji finanzjarji mhux taż-ŻEE ffirmaw l-arranġament amministrattiv ESMA-IOSCO. Fid-dawl tal-kunsens istituzzjonali wiesa’ dwar is-salvagwardji tad-data personali pprovduti fl-arranġament amministrattiv ESMA-IOSCO, dan jipprovdi mudell għal arranġamenti simili futuri li jsawru t-trasferiment ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi li mhumiex partijiet għall-Arranġament Amministrattiv ESMA-IOSCO. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jużaw il-mudell tal-Arranġament Amministrattiv ESMA-IOSCO xorta jkollhom bżonn jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtorità tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) 2016/679. |
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati mill-ESMA u li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni. |
(6) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta’ tali standards, għax kieku għamlet dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt ta’ dawk l-istandards, filwaqt li jitqies il-fatt li d-destinatarji tal-istandards ikunu biss l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. |
(7) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Arranġamenti ta’ kooperazzjoni
Il-mudell tad-dokument li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn possibbli għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 26(1) jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huwa stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Trasferimenti ta’ data personali
Fejn l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu salvagwardji xierqa għat-trasferiment ta’ data personali lill-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fil-forma ta’ arranġament amministrattiv skont l-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, dak l-arranġament għandu jiġi anness ma’ u jikkostitwixxi parti mill-arranġament ta’ kooperazzjoni li jkunu daħlu għalih f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(3) Arranġament amministrattiv għat-trasferiment ta’ data personali bejn kull Awtorità taż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) stabbilit fl-Appendiċi A u Kull waħda mill-Awtoritajiet mhux taż-ŻEE stabbilit fl-Appendiċi B, disponibbli fuq https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/administrative_arrangement_aa_for_the_transfer_of_personal_data_between_eea_and_non-eea_authorities.pdf
(4) Opinjoni 4/2019 dwar l-abbozz ta’ Arranġament Amministrattiv għat-trasferiment ta’ data personali bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Finanzjarji taż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) u l-Awtoritajiet Superviżorji Finanzjarji mhux taż-ŻEE, disponibbli fuq https://edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/opinion-board-art-64/opinion-42019-draft-aa-between-eea-and-non-eea_en
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
ANNESS
Mudell tad-dokument għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet f’pajjiżi terzi u l-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 f’pajjiżi terzi
1. Introduzzjoni
Deskrizzjoni tal-bażi legali ta’ kull awtorità firmatarja għall-iskambju ta’ informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom fir-rigward tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom relatati mal-abbuż tas-suq.
Dikjarazzjoni li skont il-liġijiet u r-regolamenti li jikkostitwixxu l-bażi legali għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni, l-awtoritajiet firmatarji jistgħu jipprovdu assistenza reċiproka lil xulxin fuq bażi reċiproka.
2. Definizzjonijiet
Lista xierqa ta’ definizzjonijiet li jkopru t-termini użati fl-arranġamenti.
3. Kontenut tal-assistenza li għandha tingħata
Deskrizzjoni tat-tip ta’ assistenza li għandha tingħata skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) bħal:
(a) |
il-kisba ta’ informazzjoni miżmuma fil-fajls tal-awtorità firmatarja li tirċievi t-talba |
(b) |
il-kisba ta’ dikjarazzjonijiet jew informazzjoni minn kwalunkwe persuna; |
(c) |
il-kisba ta’ dokumenti minn persuni jew entitajiet inkluż permezz tat-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post; |
(d) |
il-kisba ta’ rekords tad-data tat-traffiku, sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali u, fejn applikabbli, bl-assistenza tal-awtorità ġudizzjarja xierqa skont l-implimentazzjoni tal-Artikolu 23(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew kwalunkwe setgħa ekwivalenti skont il-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti; |
(e) |
il-kisba jew l-assistenza fil-kisba tal-iffriżar jew is-sekwestru ta’ assi f’konformità mal-Artikolu 23(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew kwalunkwe setgħa ekwivalenti skont il-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti; |
(f) |
il-kisba jew l-assistenza fil-kisba ta’ waqfien temporanju ta’ kwalunkwe prattika li tmur kontra l-liġijiet u r-regolamenti relatati mal-abbuż tas-suq f’konformità mal-Artikolu 23(2)(k) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jew kwalunkwe setgħa ekwivalenti skont il-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti; |
4. Dispożizzjonijiet ġenerali - ċaħda ta’ assistenza
Elenka l-każijiet li fihom talbiet għal kooperazzjoni jistgħu jiġu miċħuda bħal:
(a) |
it-talba ma ssirx f’konformità mal-arranġamenti; |
(b) |
it-talba tkun teħtieġ li l-awtorità firmatarja li tirċievi t-talba taġixxi b’mod li jikser il-liġi domestika; |
(c) |
il-komunikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti tista’ taffettwa ħażin is-sigurtà tal-ġurisdizzjoni indirizzata, b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu jew reati serji oħra; |
(d) |
il-konformità mat-talba x’aktarx li taffettwa ħażin l-investigazzjoni, l-attivitajiet ta’ infurzar jew, fejn applikabbli, investigazzjoni kriminali tal-awtorità riċeventi stess; |
(e) |
proċeduri ġudizzjarji jkunu diġà nbdew fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet rilevanti tal-ġurisdizzjoni indirizzata; |
(f) |
diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward tal-istess persuni għall-istess azzjonijiet fil-ġurisdizzjoni indirizzata. |
L-assistenza ma tiġix miċħuda abbażi tal-fatt li t-tip ta’ kondotta taħt investigazzjoni ma tkunx ksur tal-liġijiet u r-regolamenti relatati mal-abbuż tas-suq tal-awtorità li tirċievi t-talba.
5. Kif jintbagħtu u jiġu pproċessati t-talbiet għall-assistenza
Deskrizzjoni tal-proċedura biex jintbagħtu u jiġu pproċessati t-talbiet għall-assistenza.
6. Użu permessibbli tal-informazzjoni
Deskrizzjoni tar-regoli dwar l-użu permissibbli tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u b’mod partikolari li l-informazzjoni pprovduta trid tkun maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet firmatarji biex tiġi żgurata l-konformità ma’ u l-infurzar tal-liġijiet u r-regolamenti relatati mal-abbuż tas-suq. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-finijiet stabbiliti fit-talba għall-assistenza.
Jekk awtorità firmatarja li tagħmel it-talba jkollha l-intenzjoni li tuża l-informazzjoni pprovduta taħt l-arranġament għal kwalunkwe skop ieħor għajr dawk imsemmija f’din it-taqsima, hija għandha tikseb il-kunsens minn qabel tal-awtorità firmatarja li tirċievi t-talba.
7. Restrizzjonijiet tal-kunfidenzjalità
Deskrizzjoni tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni żvelata, riċevuta, skambjata jew trażmessa. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin:
(a) |
l-informazzjoni kollha skambjata bejn il-firmatarji taħt l-arranġamenti li jikkonċernaw in-negozju jew kondizzjonijiet operattivi jew affarijiet oħra ekonomiċi jew personali għandha titqies kunfidenzjali u tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali, ħlief fejn l-awtorità li tipprovdi l-informazzjoni tiddikjara fil-ħin tal-komunikazzjoni li din l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata jew tali żvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali; |
(b) |
l-obbligu tas-segretezza professjonali japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-firmatarji jew għal kwalunkwe awtorità jew impriża tas-suq li lilhom kwalunkwe wieħed mill-firmatarji jkun iddelega s-setgħat tiegħu, inklużi awdituri u esperti kkuntrattati mill-firmatarju. L-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tistax tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra ħlief bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jew permezz ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti tal-anqas ekwivalenti għal tali dispożizzjonijiet. |
L-informazzjoni skambjata ma tridx tiġi żvelata lil xi awtorità jew entità oħra ħlief bil-qbil minn qabel tal-firmatarju li oriġinarjament ipprovdiha.
8. Dispożizzjonijiet ġenerali — identifikazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt
Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni taħt l-arranġamenti, il-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt mill-awtoritajiet firmatarji.
9. Dispożizzjonijiet ġenerali - klawsola ta’ reviżjoni
Reviżjoni perjodika mill-awtoritajiet firmatarji tal-funzjonament u l-effettività tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bil-ħsieb li jitwessa’ jew jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni jew it-tħaddim tal-arranġamenti, jekk dan jitqies neċessarju.
10. Dispożizzjonijiet oħra - Mixellanji
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).