6.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1761

tal-5 ta’ Ottubru 2021

li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta, il-fond minimu tal-baħar u l-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti għat-tartaruni tal-kosta tas-sajd fl-ibħra territorjali tal-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(5) u l-Artikolu 13(5) u (10) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1586 (2) li jistabbilixxi deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta, il-fond minimu tal-baħar u l-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti għat-tartaruni tal-kosta tas-sajd fl-ibħra territorjali tal-Kroazja. Id-deroga kienet tikkonċerna l-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica” tas-sajd għall-arżnell (Spicara smaris), kif ukoll għall-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali bid-daqs tal-malja kbir “šabakun” tas-sajd għall-aċċol (Seriola dumerili), it-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “oližnica” tas-sajd għall-kurunell (Atherina boyeri) fl-ibħra territorjali tal-Kroazja. Id-deroga tiskadi fis-26 ta’ Ottubru 2021.

(2)

Fit-22 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Kroazja għal estensjoni ta’ dik id-deroga li tikkonċerna l-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “oližnica” tas-sajd għall-kurunell (Atherina boyeri) u t-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica” li jistadu għall-arżnell (Spicara smaris) fl-ibħra territorjali tal-Kroazja. Fl-istess talba, il-Kroazja talbet għall-estensjoni tad-deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, fir-rigward tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica”, tas-sajd għall-arżnell (Spicara smaris).

(3)

Il-Kroazja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għall-estensjoni ta’ dik id-deroga.

(4)

Fil-15 ta’ Settembru 2021, il-Kroazja adottat il-pjan ta’ ġestjoni bid-Deċiżjoni Ministerjali (3) f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (“il-pjan ta’ ġestjoni Kroat”).

(5)

It-talba għandha x’taqsam mal-attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Kroazja u tkopri bastimenti li għandhom esperjenza vasta ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u joperaw skont il-pjan ta ġestjoni Kroat.

(6)

It-talba tkopri 71 bastiment elenkati fil-pjan ta’ ġestjoni Kroat li jirregola l-operazzjonijiet ta’ tartaruni tradizzjonali fl-ibħra territorjali Kroati, u l-pjan ta’ ġestjoni Kroat jiggarantixxi li ma jkun hemm l-ebda żieda ulterjuri fl-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(7)

Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(8)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ivvaluta l-estensjoni tad-deroga mitluba mill-Kroazja u l-abbozz relatat tal-pjan ta’ ġestjoni Kroat fis-sessjoni plenarja tiegħu li saret mit-22 sas-26 ta’ Marzu 2021 (4).

(9)

L-STECF innota li l-pjan ta’ ġestjoni jippreżenta titjib kbir meta mqabbel ma’ dak preċedenti, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjib fis-selettività, u l-attentati biex jitwettqu valutazzjonijiet esploratorji tal-istokkijiet u l-punti ta’ referenza.

(10)

L-estensjoni tad-deroga li talbet il-Kroazja hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(11)

L-estensjoni tad-deroga li talbet il-Kroazja taffettwa għadd limitat ta’ bastimenti, meta mqabbel maż-żona tad-distribuzzjoni kbira tal-flotta nazzjonali totali, li jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-flotta tas-sajd Kroata kollha u inqas minn 1 % tat-tunnellaġġ gross (“TG”) tal-flotta nazzjonali kollha.

(12)

Hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi li jillimitaw iż-żoni tas-sajd meta wieħed iqis l-istruttura morfoloġika distinta tal-Kroazja, magħmula minn kosta twila li fiha bosta gżejjer u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira, li hija limitata esklussivament f’ċerti siti speċifiċi u f’żoni kostali f’fond ta’ inqas minn 50 metru.

(13)

Fir-rigward tas-sajd għall-arżnell bit-tartaruni tal-kosta “girarica” u “migavica”, it-talba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti li huma twal 12-il metru jew inqas, bil-potenza tal-magna ta’ 85 kW jew inqas u bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jintużaw tradizzjonalment fejn tikber il-Posidonia, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Barra minn hekk, l-attività tas-sajd fir-rigward tal-arżnell taffettwa madwar 4 % taż-żona fejn f’qiegħ il-baħar tikber l-alka Posidonia oceanica fiż-żona koperta mill-pjan ta’ ġestjoni u inqas minn 3 % ta’ din l-alka fl-ibħra territorjali tal-Kroazja, f’konformità mar-rekwiżiti tal-punti (ii) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(14)

Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, peress li t-tartaruni tal-kosta biss għandhom il-karatteristika teknika meħtieġa biex iwettaq dan it-tip ta’ sajd.

(15)

Barra minn hekk, is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, peress li t-tartaruni huma rkapti selettivi ħafna. Il-pjan ta’ ġestjoni Kroat jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti kollha fuq is-sajd ikkonċernat u jiggarantixxi li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lill-71 bastiment speċifikat li huma awtorizzati għas-sajd mill-Kroazja. F’dan ir-rigward, huwa nnutat li f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni Kroat u mad-Digriet Ministerjali, iż-żoni tas-sajd għat-tartaruni “miavica”, “girarica” u “oližnica” huma stabbiliti fl-Anness II tal-pjan ta’ ġestjoni Kroat, filwaqt li t-tartaruni tal-kosta “oližnica” tas-sajd għall-kurunell, għandhom jiġu permessi biss fiż-żona ddefinita tas-subżona tas-sajd “E4” u f’parti tas-subżona “F2”. Barra minn hekk, l-użu tat-tartaruni tal-kosta huwa pprojbit fiż-żoni identifikati bħala parkijiet nazzjonali u ħabitats speċjali.

(16)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, peress li t-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar.

(17)

Ir-rekwiżiti tal-punt (h) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwit mill-Artikolu 8(1) u mit-Taqsima I, Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), mhumiex applikabbli peress li huma relatati mal-bastimenti tat-tkarkir.

(18)

Il-Kroazja awtorizzat deroga mill-qies minimu tal-malji fir-rigward tal-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “oližnica” tas-sajd għall-kurunell (Atherina boyeri) stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(19)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1241. Madankollu, skont il-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, id-derogi mill-qisien minimi tal-malji adottati abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, li kienu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019, jistgħu jkomplu japplikaw, dment li ma jwasslux għaż-żieda fil-qabdiet tal-ħut li għadu qed jikber. L-estensjoni tad-deroga mitluba mill-Kroazja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fil-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, peress li ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber, eżistenti fl-14 ta’ Awwissu 2019, u għandha l-għan li tikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament.

(20)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Kroazja ma awtorizzatx deroga fil-pjan ta’ ġestjoni tagħha mir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwit mill-Artikolu 8(1) u mill-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, fir-rigward tal-użu tat-tartaruni tal-kosta tradizzjonali “girarica” u “migavica”, tas-sajd għall-arżnell (Spicara smaris).

(21)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f’500 m mill-kosta u għaldaqstant ma jfixklux l-attivitajiet ta’ bastimenti oħra.

(22)

Il-pjan ta’ ġestjoni Kroat jiżgura li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fil-Parti A tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi peress li l-ispeċijiet fil-mira huma l-kurunell (Atherina boyeri) u l-arżnell (Spicara smaris), li mhumiex imsemmija fil-Parti A tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(23)

L-attivitajiet tas-sajd huma selettivi ħafna u mhumiex immirati lejn iċ-ċefalopodi.

(24)

Il-pjan ta’ ġestjoni Kroat fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(5) u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(25)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (6).

(26)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-derogi mitluba jiġu estiżi għal sentejn.

(27)

Jenħtieġ li l-Kroazja tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Kroat.

(28)

Jekk it-tul tad-deroga jkun limitat, ikunu jistgħu jiġu żgurati miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront, f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri status dgħajjef tal-konservazzjoni tal-istokkijiet sfruttati, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar.

(29)

Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1586 tiskadi fis-26 ta’ Ottubru 2021, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mis-27 ta’ Ottubru 2021.

(30)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(31)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità mal-attività koperta b’din id-deroga ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (7).

(32)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

1.   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ibħra territorjali tal-Kroazja għall-bastimenti tas-sajd għall-arżnell (Spicara smaris) bit-tartaruni tal-kosta “girarica” u “migavica”.

2.   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ibħra territorjali tal-Kroazja għat-tipi ta’ speċijiet li ġejjin:

(a)

il-kurunell (Atherina boyeri) bit-tartaruni tal-kosta “oližnica”; kif ukoll

(b)

l-arżnell (Spicara smaris) bit-tartaruni tal-kosta “girarica” u “migavica”

3.   It-tartaruni tal-kosta msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw minn bastimenti li:

(a)

ikollhom numru ta’ reġistrazzjoni stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni Kroat adottat mill-Kroazja

(b)

ikollhom esperjenza vasta ta’ aktar minn ħames snin f’dan it-tip ta’ sajd u mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-futur; kif ukoll

(c)

ikollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Kroat li adottat il-Kroazja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar

Sas-26 ta’ Ottubru 2023, il-Kroazja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jkun imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni Kroat imsemmi fl-Artikolu 1(3)(c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-27 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Ottubru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1586 tat-22 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta, il-fond minimu tal-baħar u l-projbizzjoni tas-sajd fuq ħabitats protetti għat-tartaruni tal-kosta li jistadu fl-ibħra territorjali tal-Kroazja (ĠU L 264, 23.10.2018, p. 16).

(3)  “Pravilnik o obavljanju gospodarskog ribolova na moru obalnim mrežama potegačama, ĠU 30/18 u l-emendi tiegħu 49/18, 78/18, 54/19, 27/21 u 100/21”

(4)  Scientific, Technical, and Economic Committee for Fisheries — 66th Plenary Report (PLEN-21-01). EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, disponibbli hawn: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary/-/asset_publisher/oS6k/document/id/2851300

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).