8.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 357/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1755 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Ottubru 2021

li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 322(1), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perijodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ skada fil-31 ta’ Diċembru 2020. Matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) bdew negozjati formali dwar relazzjoni futura.

(2)

Wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, l-ostakli għall-kummerċ, għall-iskambji transfruntiera u għall-moviment liberu tal-persuni, is-servizzi u l-kapital bejn l-Unjoni u r-Renju Unit saru realtà b’konsegwenzi wiesgħa u estensivi għan-negozji, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u l-ħaddiema tagħhom, kif ukoll għall-komunitajiet lokali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u ċ-ċittadini. Peress li dawk il-konsegwenzi ma jistgħux jiġu evitati, jeħtieġ li jittaffew kemm jista’ jkun, u l-partijiet interessati jeħtieġ li jiżguraw li jkunu lesti għalihom.

(3)

L-Unjoni hija impenjata li ttaffi l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn rilevanti, ambjentali negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u li turi solidarjetà mal-Istati Membri kollha, inklużi r-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħhom, kif ukoll is-setturi ekonomiċi tagħhom, speċjalment dawk l-aktar affettwati ħażin f’ċirkostanzi daqshekk eċċezzjonali.

(4)

L-Unjoni hija impenjata wkoll favur ġestjoni tas-sajd sostenibbli skont l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), inkluż il-prinċipju li jintlaħaq ir-rendiment massimu sostenibbli għall-istokkijiet kollha skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, kif ukoll it-tmiem tas-sajd eċċessiv, ir-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, kif previst ukoll mill-impenji internazzjonali.

(5)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ir-“Riżerva”) biex tipprovdi appoġġ għall-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-Istati Membri, fir-reġjuni u fis-setturi, b’mod partikolari dawk li huma l-aktar milquta mill-ħruġ, bil-għan li jittaffa l-impatt negattiv tiegħu fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Jenħtieġ li tkopri kompletament jew parzjalment in-nefqa addizzjonali mġarrba u mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri għal miżuri speċifikament meħuda biex itaffu dawk il-konsegwenzi. Il-perijodu ta’ referenza, kif definit f’dan ir-Regolament, li jiddetermina l-eliġibbiltà tan-nefqa, jenħtieġ li japplika għall-pagamenti li jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi l-pagamenti lil entitajiet pubbliċi jew privati, għall-miżuri mwettqa. Fid-dawl tal-importanza tas-settur tas-sajd f’ċerti Stati Membri, huwa xieraq li parti mir-riżorsi tar-Riżerva tiġi ddedikata għal appoġġ speċifiku lill-komunitajiet kostali lokali u reġjonali.

(6)

Meta jagħżlu li jappoġġjaw miżuri għaż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn impjiegi ta’ kwalità.

(7)

L-objettivi tar-Riżerva jenħtieġ li jiġu segwiti f’konformità mal-objettiv tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), filwaqt li jitqiesu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (7) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), li kien approvat mill-Unjoni fil-5 ta’ Ottubru 2016 (8) u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali, kif ukoll il-prinċipju ta’ sħubija u l-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż il-kontribut inerenti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali.

(8)

Sabiex jiġu miġġielda l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-Istati Membri, meta jfasslu miżuri ta’ appoġġ u jallokaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, jenħtieġ li jappoġġaw entitajiet privati u pubbliċi milquta ħażin mill-ħruġ, inklużi l-SMEs u l-ħaddiema tagħhom, kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom, peress li issa qed jiffaċċjaw ostakli għall-flussi tal-kummerċ, żieda fil-proċeduri amministrattivi u doganali, u piż regolatorju u finanzjarju akbar, inkluż tfixkil fi kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni u skambju. Għalhekk huwa xieraq li tiġi pprovduta lista mhux eżawrjenti tat-tip ta’ miżuri li huma l-aktar probabbli li jilħqu dak l-objettiv.

(9)

Biex jirriflettu l-importanza li t-tibdil fil-klima jiġi indirizzat b’mod determinat f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-fondi tal-Unjoni u l-programmi huma maħsuba biex jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u għall-ilħuq tal-mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni b’appoġġ għall-objettivi klimatiċi. Ir-Riżerva hija wkoll mistennija tikkontribwixxi għall-objettivi tal-klima skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-kontribuzzjoni għall-klima abbażi tal-informazzjoni disponibbli fir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tar-Riżerva.

(10)

Huwa importanti li tiġi speċifikata b’mod ċar kwalunkwe esklużjoni mill-appoġġ ipprovdut mir-Riżerva. Minbarra l-esklużjoni tal-entitajiet li jibbenefikaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, inklużi dawk mis-settur finanzjarju, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jenħtieġ li tiġi eskluża mill-appoġġ ipprovdut mir-Riżerva, peress li din tikkostitwixxi dħul ta’ Stat Membru, li jagħmel tajjeb għall-ispiża relatata għall-baġit tal-Istat Membru. F’konformità mal-approċċ ġenerali għall-politika ta’ koeżjoni, jenħtieġ li mill-appoġġ ipprovdut mir-Riżerva tkun eskluża wkoll in-nefqa marbuta mar-rilokazzjonijiet jew li tmur kontra kwalunkwe liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli.

(11)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, tista’ tiġi implimentata assistenza teknika għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-kontroll u l-awditjar tar-Riżerva permezz ta’ rata fissa bbażata fuq l-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettata mill-Kummissjoni. L-assistenza teknika tista’ tintuża biex l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiġu megħjuna jimplimentaw ir-Riżerva billi jassistu lill-SMEs, b’mod partikolari, li minħabba d-daqs tagħhom ma għandhomx ir-riżorsi u l-għarfien biex jegħlbu ż-żieda fil-piż u fl-ispejjeż amministrattivi relatata mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(12)

Sabiex jitqiesu kemm l-impatt tal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn rilevanti, ambjentali negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-Istati Membri u l-ekonomiji tagħhom kif ukoll, fejn xieraq, il-miżuri mwettqa mill-Istati Membri biex ittaffu l-effetti negattivi mistennija tal-ħruġ qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-perijodu ta’ referenza jenħtieġ li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u jkun ikkonċentrat għal perijodu limitat ta’ 4 snin.

(13)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’valutazzjoni li tanalizza l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq in-negozji u s-setturi ekonomiċi tal-Unjoni filwaqt li tqis l-effetti tal-fluttwazzjonijiet tal-munita fuq il-kummerċ.

(14)

Għandu jiġi speċifikat li l-baġit allokat għar-Riżerva jenħtieġ li jiġi implimentat mill-Kummissjoni b’ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Għalhekk huwa xieraq li jiġu ddeterminati l-prinċipji u l-obbligi speċifiċi li l-Istati Membri jenħtieġ li jirrispettaw, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess.

(15)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-użu koordinat tar-Riżerva ma’ fondi u programmi oħra tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti, skont il-każ.

(16)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u jipprovdu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jinkludu wkoll ir-reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(17)

Għall-fini ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal impenji baġitarji, pagamenti, riporti u l-irkupru tar-Riżerva. Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju li l-baġit tal-Unjoni jiġi stabbilit kull sena, dan ir-Regolament jenħtieġ li, minħabba n-natura eċċezzjonali u speċifika tar-Riżerva, jipprevedi possibbiltajiet ta’ riport ta’ fondi mhux użati lil hinn minn dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, u b’hekk jimmassimizza l-kapaċità tar-Riżerva li tiġġieled il-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-Istati Membri, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali, u l-ekonomiji tagħhom.

(18)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw ir-riżorsi addizzjonali u jiżguraw mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jimplimentaw malajr il-miżuri taħt ir-Riżerva, jenħtieġ li jiġi żborżat ammont sostanzjali minnhom bħala prefinanzjament, fi tliet pagamenti, fl-2021, fl-2022, u fl-2023. Fil-metodoloġija ta’ allokazzjoni għar-riżorsi tar-Riżerva jenħtieġ li jitqiesu l-importanza tas-sajd fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit, l-importanza tal-kummerċ mar-Renju Unit u l-importanza tar-rabtiet tal-viċinat għar-reġjuni tal-fruntieri marittimi mar-Renju Unit u għall-komunitajiet tagħhom, abbażi ta’ statistika affidabbli u uffiċjali. Minħabba n-natura unika tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u l-inċertezza madwar aspetti ewlenin tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, huwa diffiċli li jiġu antiċipati l-miżuri xierqa li l-Istati Membri se jkollhom jieħdu malajr biex jilqgħu għall-effetti tal-ħruġ. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà u b’mod partikolari li l-Kummissjoni titħalla tadotta d-deċiżjoni ta’ finanzjament li tipprovdi l-prefinanzjament mingħajr l-obbligu skont l-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju li tipprovdi deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati.

(19)

Fi żmien xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u qabel il-ħlas tal-ewwel pagament tal-prefinanzjament, l-Istati Membri jeħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-identità tal-korpi maħtura u tal-korp li lilu għandu jitħallas il-prefinanzjament, u jikkonfermaw li d-deskrizzjonijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva jkunu tfasslu.

(20)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jkun hemm skadenza waħda applikabbli għall-Istati Membri kollha għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva. In-natura speċifika tar-Riżerva u l-perijodu ta’ implimentazzjoni relattivament qasir jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ perijodu ta’ referenza mfassal apposta u jrendu sproporzjonat ir-rekwiżit għall-Istati Membri li jipprovdu, fuq bażi annwali, id-dokumenti meħtieġa fl-Artikolu 63(5), (6) u (7) tar-Regolament Finanzjarju. Peress li fl-istess ħin, ir-riskji għall-baġit tal-Unjoni huma mitigati mir-rekwiżit li jsir użu għar-Riżerva minn sistema affidabbli ta’ ġestjoni u kontroll diġà eżistenti fl-Istati Membri jew, fejn xieraq, li tiġi stabbilita mill-Istati Membri, huwa ġġustifikat li tingħata deroga mill-obbligu tal-Istati Membri li jiġu ppreżentati d-dokumenti meħtieġa sa Frar jew Marzu ta’ kull sena. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika l-korrettezza tal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati wkoll jissottomettu, bħala parti mill-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, rapporti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu aktar dettall dwar l-azzjonijiet iffinanzjati, li jiddeskrivu l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq in-negozji u s-setturi ekonomiċi, l-elementi tal-kontijiet, sommarju tar-rapporti tal-awditjar finali u l-kontrolli mwettqa, dikjarazzjoni ta’ ġestjoni kif ukoll opinjoni ta’ korp indipendenti tal-awditjar, imfassla f’konformità standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

(21)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12), ir-Riżerva jenħtieġ li tiġi evalwata abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġi evitat il-piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u r-regolamentazzjoni żejda. Fejn ikun xieraq, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu indikaturi kwantifikabbli, bħala bażi tal-evalwazzjoni tal-effetti tar-Riżerva fuq il-post.

(22)

Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-Istati Membri kollha u konsistenza fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-applikazzjonijiet bħala pakkett. Jenħtieġ li tħares b’mod partikolari lejn l-eliġibbiltà u l-preċiżjoni tan-nefqa ddikjarata, ir-rabta diretta tal-konsegwenzi ħżiena tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni bil-miżuri mwettqa u l-arranġamenti stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat biex jiġi evitat finanzjament doppju. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-kontenut tar-rapport ta’ implimentazzjoni b’mod proporzjonat filwaqt li tqis in-nefqa totali inkluża fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni mir-Riżerva. Wara l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tapprova l-prefinanzjament imħallas, tirkupra l-ammonti mhux użati, u tiddeċiedi dwar pagamenti addizzjonali sal-limiti tal-allokazzjoni proviżorja. Minħabba l-firxa tax-xokk ekonomiku mistenni, l-ammonti mhux użati mill-allokazzjoni proviżorja jenħtieġ li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja rispettiva tagħhom.

(23)

Minħabba n-natura eċċezzjonali u speċifika tar-Riżerva u l-għanijiet tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri sabiex tgħinhom jidentifikaw miżuri biex jikkumbattu l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, inkluż dwar kif trid tiġi vvalutata r-rabta diretta tan-nefqa mal-ħruġ.

(24)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva. Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew, fejn meħtieġ mill-qafas kostituzzjonali tal-Istat Membru, korpi responsabbli għall-ġestjoni tar-Riżerva, u korp tal-awditjar indipendenti u separat, u jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-korp jew korpi maħtura. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-korpi maħtura eżistenti, fil-livell territorjali xieraq, u mis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li jkunu diġà stabbiliti għall-fini tal-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni jew tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (13). Jeħtieġ li jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti speċifiċi għall-korpi maħtura.

(25)

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni sistema integrata u interoperabbli ta’ informazzjoni u monitoraġġ li tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u l-valutazzjoni tar-riskju għal finijiet ta’ aċċess u analiżi tad-data rilevanti, u tħeġġeġ l-użu tagħha bil-ħsieb ta’ applikazzjoni ġeneralizzata min-naħa tal-Istati Membri.

(26)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-Istati Membri jistgħu jirrimborżaw lil dawk li jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva permezz ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati, bħal rati fissi, somom f’daqqa jew spejjeż unitarji fejn dawn huma indikatur affidabbli għall-ispejjeż reali.

(27)

Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (15), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) u (UE) 2017/1939 (17), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inklużi miżuri relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, sal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew li ntużaw b’mod mhux korrett u, fejn ikun xieraq, l-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, fejn rilevanti, li jinvestiga u jressaq reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, fejn rilevanti, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(28)

Bil-għan li jittaffa l-impatt negattiv fuq in-negozji u s-setturi ekonomiċi u jiġu evitati ostakli amministrattivi, jenħtieġ li l-Istati Membri u r-reġjuni jimmiraw il-kampanji ta’ informazzjoni tagħhom b’tali mod li jqajmu kuxjenza dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mir-Riżerva u, peress li l-attivitajiet ta’ trasparenza, komunikazzjoni u viżibbiltà huma essenzjali biex l-attività tal-Unjoni tkun viżibbli fuq il-post, jinfurmaw lill-pubbliku kif xieraq. Dawk l-attivitajiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża u aġġornata.

(29)

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi rapport finali dwar l-implimentazzjoni tar-Riżerva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(30)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-istabbiliment tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għal kull Stat Membru, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(31)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u ta l-opinjoni tiegħu fl-14 ta’ April 2021.

(32)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tinżamm il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li tiġi pprovduta għodda ta’ solidarjetà għall-Istati Membri meta jittrattaw l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni li jaffettwa lill-Unjoni kollha kemm hi, għalkemm b’severità differenti fost ir-reġjuni u s-setturi, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(33)

Fid-dawl tal-ħtieġa prevalenti li jiġu miġġielda mingħajr dewmien il-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn xieraq, ambjentali tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-Istati Membri, inklużi r-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħhom, u setturi, b’mod partikolari dawk li huma l-iktar affettwati ħażin mill-irtirar, u biex itaffu l-impatt negattiv relatat fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ir-“Riżerva”).

2.   Huwa jistabbilixxi l-objettivi tar-Riżerva, ir-riżorsi tagħha, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli dwar l-implimentazzjoni tagħha, inkluż dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa, il-ġestjoni u l-kontroll, u l-ġestjoni finanzjarja.

Artikolu 2

Għanijiet

1.   Ir-Riżerva għandha tipprovdi appoġġ biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn xieraq, ambjentali negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-Istati Membri, inkluż fir-reġjuni, il-komunitajiet lokali tagħhom, u s-setturi, b’mod partikolari dawk li huma milquta l-agħar mill-ħruġ, u biex jittaffa l-impatt negattiv relatat fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

2.   L-għanijiet tar-Riżerva għandhom jiġu segwiti f’konformità mal-objettiv li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TFUE, filwaqt li jitqiesu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“perijodu ta’ referenza” tfisser il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 63(5), il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, li għandu jkun mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023;

(2)

“liġi applikabbli” tfisser il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha;

(3)

“irregolarità” tfisser kull ksur tal-liġi applikabbli, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn kwalunkwe entità pubblika jew privata involuta fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jkollu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni;

(4)

“irregolarità sistemika” tfisser kwalunkwe irregolarità, li tista’ tkun ta’ natura rikorrenti, bi probabbiltà kbira ta’ okkorrenza f’tipi ta’ miżuri simili;

(5)

“żbalji totali” tfisser is-somma tal-iżbalji aleatorji pproġettati u, jekk applikabbli, l-iżbalji sistemiċi delimitati u l-iżbalji anomali mhux ikkoreġuti;

(6)

“rata ta’ żball totali” tfisser l-iżbalji totali diviżi bil-popolazzjoni tal-awditjar;

(7)

“rata ta’ żball residwu” tfisser l-iżbalji totali wara li jitnaqqsu l-korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-Istat Membru biex inaqqas ir-riskji identifikati mill-korp tal-awditjar, diviża bin-nefqa li trid tiġi ddikjarata fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva;

(8)

“rilokazzjoni” tfisser trasferiment tal-istess attività jew attività simili jew parti minnha skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (61a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (20);

(9)

“territorji bi status speċjali”, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, tfisser, fejn xieraq, it-Territorji Brittaniċi extra-Ewropej u d-Dipendenzi tal-Kuruna.

Artikolu 4

Kopertura ġeografika u riżorsi tar-Riżerva

1.   L-Istati Membri kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mir-Riżerva.

2.   Ir-riżorsi massimi tar-Riżerva għandhom ikunu ta’ EUR 5 470 435 000 fi prezzijiet attwali.

3.   Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati b’mod proviżorju, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll ta’ ħlas, skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I. Għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni kif ġej:

(a)

ammont ta’ prefinanzjament ta’ EUR 4 321 749 000 fi prezzijiet attwali għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni u jitħallas fi tliet pagamenti ta’ EUR 1 697 933 000 fl-2021, EUR 1 298 919 000 fl-2022 u EUR 1 324 897 000 fl-2023 f’konformità mal-Artikolu 9;

(b)

ammont rimanenti u allokat proviżorjament ta’ EUR 1 148 686 000 fi prezzijiet attwali għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni fl-2025 f’konformità mal-Artikolu 12.

L-ammonti msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitqiesu bħala prefinanzjament fis-sens tal-Artikolu 115(2), il-punt (b)(i), tar-Regolament Finanzjarju.

4.   L-Istati Membri li l-allokazzjoni proviżorja tagħhom mir-riżorsi tar-Riżerva tinkludi ammont li jaqbeż l-EUR 10 miljun iddeterminat abbażi tal-fattur marbut mal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit għandhom jonfqu tal-anqas 50 % ta’ dak l-ammont jew 7 % tal-ammont allokat proviżorjament, skont liema minnhom ikun l-aktar wieħed baxx, għal miżuri b’appoġġ għall-komunitajiet kostali lokali u reġjonali, inkluż is-settur tas-sajd, partikolarment is-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira li jiddependi mill-attivitajiet tas-sajd.

Meta l-allokazzjoni proviżorja ma tintużax kompletament, l-ammonti li jkunu meħtieġa jintefqu għall-iskop imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jitnaqqsu proporzjonalment.

Meta l-ammont li jkun meħtieġ jintefaq b’appoġġ għall-komunitajiet kostali lokali u reġjonali ma jintużax kollu għal dak l-iskop, 50 % tal-ammont inutilizzat għandu jitnaqqas fil-kalkolu tal-ammont totali aċċettat.

L-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettat, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2), il-punt (a), għandu jispeċifika, fejn applikabbli, l-ammont aċċettat tan-nefqa b’appoġġ għall-komunitajiet kostali lokali u reġjonali.

L-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandha tinkludi tqassim tan-nefqa mġarrba u mħallsa għal miżuri li jappoġġaw il-komunitajiet kostali lokali u reġjonali, f’konformità mal-Anness II.

5.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ammonti provviżorji allokati lil kull Stat Membru abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabbilixxi wkoll l-ammont minimu ta’ riżorsi li għandhom jintefqu skont il-paragrafu 4.

KAPITOLU II

Eliġibbiltà, assistenza teknika u esklużjoni mill-appoġġ

Artikolu 5

Eliġibbiltà

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandha tappoġġa miżuri mwettqa speċifikament mill-Istati Membri, inkluż fil-livelli tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jikkontribwixxu għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u tista’ tkopri, b’mod partikolari, dan li ġej:

(a)

miżuri li jagħtu appoġġ lin-negozji privati u pubbliċi, b’mod partikolari lill-SMEs, dawk li jaħdmu għal rashom, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet lokali milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(b)

miżuri li jappoġġaw is-setturi ekonomiċi li huma dawk l-aktar milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(c)

miżuri ta’ appoġġ għan-negozji, għall-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali, inkluż is-sajd kostali fuq skala żgħira, li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, fl-ilmijiet tat-territorji bi status speċjali u fl-ilmijiet koperti minn ftehimiet tas-sajd ma’ stati kostali fejn l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotot tal-Unjoni naqsu minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(d)

miżuri li jappoġġaw il-ħolqien u l-protezzjoni tal-impjiegi, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, taħriġ mill-ġdid u taħriġ fis-setturi l-aktar li huma milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(e)

miżuri li jiżguraw il-funzjonament tal-kontrolli tal-fruntieri, doganali, sanitarji u fitosanitarji, tas-sigurtà u tas-sajd, kif ukoll il-ġbir ta’ tassazzjoni indiretta, inkluż bis-saħħa ta’ persunal, it-taħriġ tiegħu u infrastruttura addizzjonali;

(f)

miżuri biex jiffaċilitaw ir-reġimi għaċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti, biex jassistu fl-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ stabbiliment, biex jiffaċilitaw it-tikkettar u l-immarkar, pereżempju għal standards tas-sikurezza, tas-saħħa u ambjentali, kif ukoll biex jassistu fir-rikonoxximent reċiproku;

(g)

miżuri għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji dwar il-bidliet għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(h)

miżuri mmirati lejn ir-reintegrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni li telqu mir-Renju Unit, bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

2.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva jekk issir u titħallas mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi pagamenti lil entitajiet pubbliċi jew privati, matul il-perijodu ta’ referenza għall-miżuri mwettqa fi, jew għall-benefiċċju ta’, l-Istat Membru kkonċernat.

3.   Meta jfasslu l-miżuri ta’ appoġġ, l-Istati Membri għandhom iqisu l-impatt varjat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq reġjuni u komunitajiet lokali differenti u jiffukaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva fuq dawk l-aktar milquta ħażin mill-ħruġ, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta’ sħubija u jinkoraġġixxu djalogu f’diversi livelli mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-komunitajiet tar-reġjuni u s-setturi li jkunu ntlaqtu l-agħar mill-ħruġ, kif ukoll is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, fejn rilevanti, u skont il-qafas istituzzjonali, legali u finanzjarju tagħhom.

4.   Meta jkunu qed ifasslu l-miżuri ta’ appoġġ fil-qasam tas-sajd, l-Istati Membri għandhom iqisu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd, filwaqt li jiżguraw li dawk il-miżuri jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u għandhom jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw lis-sajjieda li jkunu ntlaqtu l-agħar mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, inkluż fil-qasam tas-sajd fuq skala żgħira.

5.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konformi mal-liġi applikabbli.

6.   Miżuri eliġibbli skont il-paragrafu 1 jistgħu jirċievu appoġġ minn fondi u programmi oħrajn tal-Unjoni sakemm dak l-appoġġ ma jkunx ikopri l-istess spiża.

7.   L-Istati Membri għandhom iħallsu lura l-kontribuzzjoni mir-Riżerva għal azzjoni li tkun tikkonsisti f’investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv, jekk fi żmien 5 snin mill-pagament finali lir-riċeventi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva jew fil-perijodu ta’ żmien stabbilit fir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, fejn ikun applikabbli, dik l-operazzjoni tkun soġġetta għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

waqfien ta’ attività produttiva jew trasferiment ta’ attività produttiva barra mill-Istat Membru fejn tkun irċeviet il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva;

(b)

bidla tas-sjieda ta’ oġġett infrastrutturali li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku;

(c)

bidla sostanzjali li taffettwa n-natura, l-objettivi jew il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha, li jirriżulta fl-imminar tal-objettivi oriġinali tagħha.

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għal 3 snin f’dawk il-każijiet li jikkonċernaw iż-żamma ta’ investimenti jew impjiegi maħluqin mill-SMEs.

Dan il-paragrafu ma għandu japplika għal ebda azzjoni li tgħaddi minn waqfien ta’ attività produttiva minħabba falliment mhux frawdolenti.

Artikolu 6

Assistenza teknika

1.   2,5 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għal kull Stat Membru għandha titħallas bħala assistenza teknika għall-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-kontroll u l-awditjar tar-Riżerva, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali, skont il-każ.

2.   L-assistenza teknika għandha tiġi kkalkulata bħala rata fissa bl-applikazzjoni tal-fattur ta’ 25/975 għall-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(2), il-punt (a).

Artikolu 7

Esklużjoni mill-appoġġ

Ir-Riżerva ma għandhiex tappoġġa l-VAT u n-nefqa li tappoġġa r-rilokazzjoni kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (8).

KAPITOLU III

Ġestjoni finanzjarja

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva lil Stat Membru għandha tiġi implimentata fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva biex jimplimentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 biex jipprovdu forom ta’ appoġġ li ma jitħallsux lura. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-forma ta’ rimborż tal-ispejjeż eliġibbli effettivament imġarrbin u mħallsin mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri, inklużi l-pagamenti magħmula lil entitajiet pubbliċi jew privati, għall-miżuri mwettqa, u finanzjament b’rata fissa għal assistenza teknika.

3.   L-impenji u l-pagamenti skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

4.   B’deroga mill-Artikolu 63(5), (6) u (7) tar-Regolament Finanzjarju, id-dokumenti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati darba, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.

5.   B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jintużaw sal-31 ta’ Diċembru 2026. L-approprjazzjonijiet riportati għandhom jiġu kkonsmati l-ewwel fis-sena finanzjarja ta’ wara.

Artikolu 9

Prefinanzjament

1.   Soġġett għall-wasla tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 14(1), il-punt (d), ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi t-tqassim tar-riżorsi msemmijin fl-Artikolu 4(3), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament għal kull Stat Membru. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-impenn legali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. B’deroga mill-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju, dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament ma għandhiex ikun fiha deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati.

2.   L-impenji baġitarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ kull Stat Membru għandhom isiru mill-Kummissjoni f’pagamenti annwali matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2023.

B’deroga mill-Artikolu 111(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-impenji baġitarji għall-ewwel pagament għandhom isegwu l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jikkostitwixxi l-impenn legali mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tħallas il-pagament tal-prefinanzjament għall-2021 fi żmien 30 jum mid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-pagamenti għall-2022 u l-2023 għandhom jitħallsu sat-30 ta’ April 2022 u t-30 ta’ April 2023, rispettivament. Il-prefinanzjament għandu jiġi approvat f’konformità mal-Artikolu 12.

4.   L-ammonti allokati iżda mhux imħallsin bħala prefinanzjament għandhom jiġu riportati u għandhom jintużaw għal pagamenti addizzjonali skont l-Artikolu 12(6).

Artikolu 10

Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

1.   Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva sat-30 ta’ Settembru 2024. Il-Kummissjoni għandha teżamina dawk l-applikazzjonijiet u tistabbilixxi jekk ikunx hemm allokazzjoni proviżorja rimanenti u ammonti addizzjonali dovuti lill-Istati Membri jew jekk hemmx xi ammonti li għandhom jiġu rkuprati mingħand l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 12.

2.   Meta Stat Membru ma jippreżentax applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva sat-30 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha tirkupra l-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament lil dak l-Istat Membru.

Artikolu 11

Kontenut tal-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

1.   L-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandha tkun ibbażata fuq il-mudell stabbilit fl-Anness II. L-applikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar in-nefqa totali mġarrba u mħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, inkluża d-distribuzzjoni territorjali tan-nefqa fir-reġjuni tal-livell NUTS 2, fejn rilevanti, u l-valuri tal-indikaturi tal-output għall-miżuri mwettqa. Din għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 63(5), (6) u (7) tar-Regolament Finanzjarju u minn rapport ta’ implimentazzjoni.

2.   Ir-rapport ta’ implimentazzjoni għar-Riżerva għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-impatt negattiv tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni f’termini ekonomiċi, soċjali, territorjali u, fejn xieraq, ambjentali, inkluża identifikazzjoni tas-setturi, ir-reġjuni, l-oqsma u l-komunitajiet lokali li jkunu ntlaqtu l-agħar mill-ħruġ;

(b)

deskrizzjoni tal-miżuri mwettqa biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ta’ kemm dawk il-miżuri taffew l-impatt reġjonali u settorjali msemmi fil-punt (a), u kif ġew implimentati;

(c)

ġustifikazzjoni tal-eliġibbiltà tan-nefqa mġarrba u mħallsa u r-rabta diretta tagħha mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

(d)

deskrizzjoni tal-arranġamenti stabbiliti biex jiġi evitat finanzjament doppju u biex tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ strumenti oħrajn tal-Unjoni u mal-finanzjament nazzjonali;

(e)

deskrizzjoni tal-kontribut tal-miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

3.   Is-sommarju msemmi fl-Artikolu 63(5), il-punt (b), tar-Regolament Finanzjarju għandu jistabbilixxi r-rata ta’ żball totali u r-rata ta’ żbalji residwi għan-nefqa mdaħħla fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva ppreżentata lill-Kummissjoni, b’riżultat tal-azzjonijiet korrettivi meħudin.

Artikolu 12

Approvazzjoni tal-prefinanzjament tal-allokazzjoni proviżorja li jifdal u kalkolu tal-ammonti addizzjonali dovuti lill-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 għandha tissodisfa ruħha li l-applikazzjoni tkun kompluta, preċiża u veritiera. Meta tikkalkula l-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva dovuta lill-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni n-nefqa għall-miżuri li ġew implimentati jew li saru żborżi għalihom bi ksur tal-liġi applikabbli.

2.   Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi dan li ġej:

(a)

l-ammont tan-nefqa eliġibbli aċċettat;

(b)

l-ammont ta’ assistenza teknika kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 6(2);

(c)

is-somma tal-ammonti msemmija fil-punti (a) u (b) (“ammont aċċettat totali”);

(d)

jekk l-ammont allokat b’mod proviżorju f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 4(5) (“allokazzjoni proviżorja”) huwiex dovut lill-Istat Membru, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jew jekk hemmx bżonn li jiġu rkuprati xi ammonti skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Meta l-ammont aċċettat totali jaqbeż l-ammont ta’ prefinanzjament imħallas, għandu jkun dovut lil dak l-Istat Membru ammont mill-allokazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(3), il-punt (b), sal-ammont tal-allokazzjoni proviżorja għal dak l-Istat Membru.

4.   Fir-rigward tal-ammonti dovuti skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-impenn legali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni għandha tapprova l-prefinanzjament u tħallas kwalunkwe ammont dovut lill-Istati Membri fi żmien 30 jum mill-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

6.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli kwalunkwe riżorsa mhux użata mill-allokazzjonijiet proviżorji bħala pagamenti addizzjonali billi żżid proporzjonalment il-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva lill-Istati Membri li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja tagħhom. Ir-riżorsi mhux użati għandhom jikkonsistu fl-ammonti riportati skont l-Artikolu 9(4), il-parti li jifdal tal-allokazzjoni proviżorja ta’ Stat Membru li l-ammont aċċettat totali tiegħu huwa inqas mill-allokazzjoni proviżorja tiegħu u l-ammonti li jirriżultaw mill-irkupri mwettqa skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Meta l-ammont aċċettat totali jkun inqas mill-prefinanzjament imħallas lill-Istat Membru kkonċernat, id-differenza għandha tiġi rkuprata f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. L-ammonti rkuprati għandhom jiġu ttrattati bħala dħul assenjat intern f’konformità mal-Artikolu 21(3), il-punt (b), tar-Regolament Finanzjarju.

Meta s-somma tal-ammonti addizzjonali kkalkulata għall-Istati Membri kollha li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja tagħhom tkun aktar għolja mir-riżorsi disponibbli skont l-ewwel subparagrafu, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mir-Riżerva għall-ammonti li jaqbżu l-allokazzjonijiet proviżorji għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonali.

Meta l-pagamenti addizzjonali lill-Istati Membri li l-ammont aċċettat totali tagħhom jaqbeż l-allokazzjoni proviżorja tagħhom jkunu saru b’rata ta’ 100 %, kwalunkwe ammont li jkun fadal għandu jingħata lura lill-baġit tal-Unjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ammonti addizzjonali dovuti skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-impenn legali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tħallas kull ammont addizzjonali dovut fi żmien 30 jum mill-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni.

8.   Qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafi 2 u 7, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bil-valutazzjoni tagħha u tistieden lil dak l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta l-Istat Membru jiġi infurmat dwar il-valutazzjoni tagħha.

Artikolu 13

L-użu tal-euro

Kwalunkwe ammont iddikjarat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandu jkun denominat f’euro. L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għandhom jikkonvertu l-ammonti fl-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju tal-kontabbiltà mensili stabbilita mill-Kummissjoni, fix-xahar li matulu n-nefqa tkun reġistrata fis-sistemi ta’ kontabilità tal-korp jew korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

KAPITOLU IV

Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva

Artikolu 14

Ġestjoni u kontroll

1.   Meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tar-Riżerva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inklużi miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri billi:

(a)

jaħtru korp jew, fejn ikun meħtieġ mill-qafas kostituzzjonali tal-Istat Membru, korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva u korp tal-awditjar indipendenti f’konformità mal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Finanzjarju, u s-superviżjoni ta’ tali korpi;

(b)

jistabbilixxu sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva f’konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u l-iżgurar li dawk is-sistemi jiffunzjonaw b’mod effettiv;

(c)

ifasslu deskrizzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness III, iżommu d-deskrizzjoni aġġornata u jagħmluha aċċessibbli għall-Kummissjoni meta din titlobha;

(d)

jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-identità tal-korp jew tal-korpi maħtura u tal-korp li l-prefinanzjament għandu jitħallas lilu, u jikkonfermaw li d-deskrizzjonijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva jkunu tfasslu, sal-10 ta’ Diċembru 2021;

(e)

jiżguraw li n-nefqa appoġġata taħt fondi u programmi oħrajn tal-Unjoni ma tkunx inkluża għall-appoġġ mir-Riżerva;

(f)

jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-irregolaritajiet u l-frodi, u jevitaw il-kunflitti ta’ interess; dawk l-azzjonijiet jikkonsistu fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament skont il-punt 4(a) tal-Anness III; ir-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta’ tali data għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

(g)

jikkooperaw mal-Kummissjoni, mal-OLAF, mal-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa, mal-UPPE skont ir-Regolament (UE) 2017/1939.

L-użu u l-aċċess għad-data msemmija fil-punt (f) għandhom ikunu limitati għall-korpi msemmija fil-punt (a), il-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, għall-UPPE.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jitħallew jipproċessaw id-data personali biss fejn ikun meħtieġ għall-fini li jwettqu l-obbligi rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament, u għandhom jipproċessaw id-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) jew ir-Regolament (UE) 2018/1725, skont liema minnhom ikun applikabbli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-korpi, fil-livell territorju xieraq, u mis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll diġà fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni jew tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-korp jew il-korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva għandhom:

(a)

jiżguraw il-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti;

(b)

jistabbilixxu kriterji u proċeduri għall-għażla tal-miżuri li jridu jiġu ffinanzjati u jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva;

(c)

jivverifikaw li l-miżuri ffinanzjati mir-Riżerva jkunu implimentati f’konformità mal-liġi applikabbli u l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, u li n-nefqa tkun ibbażata fuq dokumenti ta’ sostenn verifikabbli;

(d)

jistabbilixxu miżuri effettivi biex jiġi evitat finanzjament doppju tal-istess kostijiet mir-Riżerva u minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni;

(e)

jiżguraw l-pubblikazzjoni ex post f’konformità mal-paragrafi tal-Artikolu 38(2) sa (6) tar-Regolament Finanzjarju;

(f)

jużaw sistema kontabilistika biex jirreġistraw u jaħżnu elettronikament id-data dwar in-nefqa mġarrba li trid tkun koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva li tipprovdi informazzjoni preċiża, kompluta u affidabbli fil-ħin;

(g)

iżommu d-dokumenti ta’ sostenn kollha rigward in-nefqa li trid tiġi koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva disponibbli għal perijodu ta’ ħames snin wara l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, u jinkludu dak l-obbligu fi ftehimiet ma’ entitajiet oħrajn involuti fl-implimentazzjoni tar-Riżerva;

(h)

għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (f), jiġbru l-informazzjoni f’format elettroniku standardizzat biex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tar-riċeventi ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva u tas-sidien benefiċjarji tagħhom f’konformità mal-Anness III.

4.   Il-korp tal-awditjar indipendenti għandu jivverifika s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva u jwettaq verifiki ta’ miżuri ffinanzjati sabiex jipprovdi assigurazzjoni indipendenti lill-Kummissjoni rigward il-funzjonament effettiv ta’ dik is-sistema u l-legalità u r-regolarità tan-nefqa inkluża fil-kontijiet ippreżentati lill-Kummissjoni.

Ix-xogħol tal-awditjar għandu jitwettaq f’konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

Il-verifiki tal-miżuri ffinanzjati għandhom ikopru n-nefqa abbażi ta’ kampjun. Dak il-kampjun għandu jkun rappreżentattiv u għandu jkun ibbażat fuq metodi tal-kampjunar statistiku.

Meta l-popolazzjoni tkun tikkonsisti f’inqas minn 300 unità tal-kampjunar, ikun jista’ jintuża metodu ta’ kampjunar mhux statistiku bbażat fuq il-ġudizzju professjonali tal-korp tal-awditjar indipendenti. F’każijiet bħal dawn id-daqs tal-kampjun għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-korp tal-awditjar indipendenti jfassal opinjoni tal-awditjar valida. Il-metodu tal-kampjunar mhux statistiku għandu jkopri minimu ta’ 10 % tal-unitajiet tal-kampjunar fil-popolazzjoni tal-perijodu ta’ referenza, magħżula b’mod aleatorju.

5.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq awditjar fuq il-post fl-istabbilimenti ta’ kwalunkwe entita’ involuta fl-implimentazzjoni tar-Riżerva fir-rigward tal-miżuri ffinanzjati mir-Riżerva u għandu jkollha aċċess għad-dokumenti ta’ sostenn rigward in-nefqa li trid tiġi koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

6.   Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva fejn l-Istati Membri ma jagħmlux użu mill-korpi eżistenti maħtura għall-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni jew tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. Jekk jiġu identifikati riskji, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni biex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva taħdem b’mod effettiv biex tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat bil-konklużjonijiet proviżorji tagħha u tistieden lil dak l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta tkun informat lill-Istat Membru konċernat bil-konklużjonijiet proviżorji tagħha.

Artikolu 15

Korrezzjonijiet finanzjarji

1.   Il-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (f), għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha mir-Riżerva. L-Istati Membri għandu jirkupra kwalunkwe ammont mitluf b’riżultat ta’ xi irregolarità li tinstab.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa biex tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-esklużjoni tal-ammonti irregolari ppreżentati lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament mill-finanzjament tal-Unjoni u jekk jiġu sussegwentement identifikati irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsin indebitament f’konformità mal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta’ irregolarità identifikati u għandha tqis jekk l-irregolarità tkunx sistemika. Meta ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat b’mod preċiż l-ammont ta’ nefqa irregolari, jew meta l-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva ma tkunx qed taħdem b’mod effettiv biex tissalvagwardja l-legalità u r-regolarità tan-nefqa, il-Kummissjoni għandha tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tal-irregolarità u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha għall-baġit tal-Unjoni.

4.   Qabel l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsin indebitament, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bil-valutazzjoni tagħha u tistieden lil dak l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn minn meta hija tinforma lill-Istat Membru dwar il-valutazzjoni tagħha.

KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 16

Informazzjoni u komunikazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, fejn xieraq, għandhom ikunu responsabbli biex jinfurmaw u jippubbliċizzaw liċ-ċittadini tal-Unjoni, inklużi dawk li potenzjalment jibbenefikaw mir-Riżerva, tar-rwol, ir-riżultati u l-impatt tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mir-Riżerva permezz ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u, f’dak il-kuntest, iqajmu kuxjenza dwar il-bidliet li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

Artikolu 17

Evalwazzjoni u rapportar

1.   Sa Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2027, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni biex teżamina l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni tar-Riżerva. Il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni rilevanti kollha diġà disponibbli f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Sat-30 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Riżerva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)   ĠU C 155, 30.4.2021, p. 52.

(2)   ĠU C 175, 7.5.2021, p. 69.

(3)   ĠU C 101, 23.3.2021, p. 1.

(4)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2021.

(5)  Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(7)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).

(12)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ANNESS I

METODOLOĠIJA TA’ ALLOKAZZJONI GĦAR-RIŻORSI TAR-RIŻERVA DESKRITTI FL-ARTIKOLU 4(3)

Ir-riżorsi tar-Riżerva għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri skont il-metodoloġija li ġejja:

1.

Is-sehem ta’ kull Stat Membru tar-riżorsi tar-Riżerva huwa ddeterminat bħala s-somma ta’ fattur marbut mal-ħut maqbud żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit, fattur marbut mal-kummerċ mar-Renju Unit, u fattur marbut mal-popolazzjoni tar-reġjuni marittimi mal-fruntiera tar-Renju Unit.

2.

Il-fattur marbut mal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit jintuża biex jiġu allokati EUR 656 452 200. Il-fattur marbut mal-kummerċ mar-Renju Unit jintuża biex jiġu allokati EUR 4 540 461 050. Il-fattur marbut mar-reġjuni marittimi mal-fruntiera mar-Renju Unit jintuża biex jiġu allokati EUR 273 521 750. Kull wieħed minn dawk l-ammonti huwa espress fi prezzijiet attwali.

3.

Il-fattur marbut mal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit huwa miksub abbażi tal-kriterji li ġejjin u billi jiġu applikati l-passi li ġejjin:

(a)

is-sehem ta’ kull Stat Membru mill-valur totali tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit;

(b)

dawk l-ishma jiżdiedu għall-Istati Membri b’sajd li għandu dipendenza ogħla mill-medja fuq il-qbid tal-ħut fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit u jonqsu għall-Istati Membri li għandhom dipendenza taħt il-medja kif ġej:

(i)

għal kull Stat Membru, il-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit bħala perċentwal tal-valur totali tal-ħut maqbud minn dak l-Istat Membru huwa espress bħala indiċi tal-medja tal-Unjoni (‘indiċi tad-dipendenza’);

(ii)

is-sehem inizjali tal-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit jiġi aġġustat billi jiġi mmultiplikat bl-indiċi ta’ dipendenza tal-Istat Membru b’ponderazzjoni ta’ 75 %;

(iii)

dawk l-ishma aġġustati jiġu riaġġustati biex jiġi żgurat li s-somma tal-ishma tal-Istati Membri kollha tkun ta’ 100 %.

4.

Il-fattur marbut mal-kummerċ mar-Renju Unit jinkiseb billi jiġu applikati l-passi li ġejjin:

(a)

il-kummerċ ta’ kull Stat Membru mar-Renju Unit huwa espress bħala sehem tal-kummerċ tal-Unjoni mar-Renju Unit (il-kummerċ huwa s-somma tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi);

(b)

biex tiġi vvalutata l-importanza relattiva tal-flussi kummerċjali mar-Renju Unit għal kull Stat Membru, is-somma ta’ dawk il-flussi kummerċjali hija espressa bħala perċentwal tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istat Membru u sussegwentement espressa bħala indiċi tal-medja tal-Unjoni (“indiċi tad-dipendenza”);

(c)

is-sehem inizjali tal-kummerċ mar-Renju Unit jiġi aġġustat billi jiġi mmultiplikat bl-indiċi ta’ dipendenza tal-Istat Membru b’ponderazzjoni ta’ 75 %;

(d)

dawk l-ishma aġġustati jiġu riklassifikati biex jiġi żgurat li s-somma tal-ishma tal-Istati Membri kollha tkun ta’ 100 %;

(e)

l-ishma hekk miksuba jiġu aġġustati billi jiġu diviżi bl-introjtu nazzjonali gross (ING) per capita tal-Istat Membru (f’paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist) espressi bħala perċentwal tal- ING medju per capita tal-Unjoni (medja espressa bħala 100 %);

(f)

l-ishma li jirriżultaw jiġu riaġġustati biex jiġi żgurat li s-somma tal-ishma tkun ugwali għal 100 %, fejn jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru ma jista’ jkollu sehem ogħla minn 25 % tat-total tal-Unjoni; ir-riżorsi mnaqqsa minħabba dak il-limitu massimu jitqassmu mill-ġdid lill-Istati Membri l-oħra, proporzjonalment mal-ishma mhux limitati tagħhom;

(g)

jekk dak il-kalkolu jwassal għal allokazzjoni li taqbeż 0,36 % tal-ING ta’ Stat Membru (imkejjel f’euro), l-allokazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tiġi limitata għal-livell ta’ 0,36 % tal-ING tiegħu; ir-riżorsi mnaqqsa minħabba dan il-limitu massimu jitqassmu mill-ġdid lill-Istati Membri l-oħra, proporzjonalment mal-ishma mhux limitati tagħhom;

(h)

jekk il-kalkolu msemmi fil-punt (g) jirriżulta f’intensità ta’ għajnuna ta’ aktar minn EUR 195/kull abitant, l-allokazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tiġi limitata għal-livell li jikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ EUR 195/kull abitant; ir-riżorsi mnaqqsa minħabba dak il-limitu massimu jitqassmu lill-Istati Membri li ma jkun impost fuqhom limitu taħt il-punti (g) jew (h), proporzjonalment għall-ishma tagħhom kif ikkalkulati fil-punt (g).

5.

Il-fattur marbut mar-reġjuni marittimi tal-fruntiera mar-Renju Unit jinkiseb billi jiġi kkalkulat is-sehem ta’ kull Stat Membru fil-popolazzjoni totali tar-reġjuni marittimi mal-fruntiera mar-Renju Unit. Ir-reġjuni marittimi mal-fruntiera mar-Renju Unit jinsabu fil-livell NUTS 3 tul il-fruntieri tal-kosta u ta’ reġjuni oħra tal-livell NUTS 3 li mill-inqas nofs il-popolazzjoni tagħhom tgħix mhux aktar minn 25 km minn dawn il-fruntieri tal-kosta. Il-fruntieri tal-kosta jikkostitwixxu kosta li qiegħda mhux aktar minn 150 km mill-kosta tar-Renju Unit.

6.

Għall-finijiet tal-kalkolu tad-distribuzzjoni tar-riżorsi tar-Riżerva:

(a)

għall-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2015 sal-2018;

(b)

għall-valur tal-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit bħala sehem mill-valur totali tal-ħut maqbud minn Stat Membru, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2015 sal-2018;

(c)

għall-kummerċ, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2017 sal-2019;

(d)

għall-ING il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2017 sal-2019;

(e)

għall-ING/per capita (f’paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist) il-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2016 sal-2018;

(f)

għall-PDG u għall-popolazzjoni totali tal-Istati Membri l-perijodu ta’ referenza għandu jkun mill-2017 sal-2019;

(g)

għall-popolazzjoni tar-reġjuni fil-livell NUTS 3, il-perijodu ta’ referenza għandu jkun l-2017.


ANNESS II

Mudell ta’ applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja, inklużi elementi relatati mal-kontijiet

1.

Stat Membru

 

2.

Data tal-applikazzjoni

 

3.

Data tal-ewwel nefqa

Data mġarrba

Data tal-ħlas

4.

Data tal-aħħar nefqa

Data mġarrba

Data tal-ħlas

5.

Ammont ta’ prefinanzjament riċevut (f’EUR)

 

6.

Korp  (1) jew korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

Persuna responsabbli u funzjoni

Dettalji ta’ kuntatt

 

7.

Korp tal-awditjar indipendenti

Persuna responsabbli u funzjoni

Dettalji ta’ kuntatt

 

8.

Korp jew korpi li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti, meta applikabbli

 

9.

Deskrizzjoni qasira taż-żoni u s-setturi affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u tal-miżuri ta’ rispons imdaħħla fis-seħħ

 

10.

Meta jitwettaq, deskrizzjoni qasira tad-djalogu f’diversi livelli

 

11.

Nefqa totali mġarrba u mħallsa qabel it-tnaqqis

 

12.

Ammonti mnaqqsa mill-Istat Membru u r-raġunijiet għat-tnaqqis

 

13.

B’mod partikolari, mill-ammonti mnaqqsa taħt il-punt 12., l-ammonti kkoreġuti bħala riżultat tal-verifiki tal-miżuri ffinanzjati

 

14.

Nefqa totali sottomessa għall-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (EUR) (14 = 11 – 12)

 

15.

F’munita nazzjonali

(jekk applikabbli)

Għal Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro: jekk jogħġbok ikkonverti l-ammonti kollha f’euro bir-rati tal-kambju tal-kontabbiltà ta’ kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni ppubblikati fuq:

https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/how-eu-funding-works/information-contractors-and-beneficiaries/exchange-rate-inforeuro_mt

16.

Rati tal-kambju tal-kontabbiltà ta’ kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni

 

17.

Distribuzzjoni territorjali tan-nefqa fir-reġjuni tal-livell NUTS 2, fejn rilevanti

 

18.

Tqassim tan-nefqa sottomessa għall-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva inkluż l-ammont ta’ riżorsi minfuqa f’konformità mal-Artikolu 4(4) (jekk jogħġbok ipprovdi lista tal-azzjonijiet individwali ffinanzjati taħt kull miżura u n-nefqa relatata għal kull azzjoni)

Kull punt ta’ nefqa għandu jiddaħħal darba biss.

EUR

Munita nazzjonali (jekk applikabbli)

Indikaturi tal-output (jekk jogħġbok ipprovdi numru)

18.1.

Miżuri li jagħtu appoġġ lin-negozji privati u pubbliċi, b’mod partikolari lill-SMEs, lil dawk li jaħdmu għal rashom, lill-komunitajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet affettwati ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

Popolazzjoni li qed tibbenefika

18.2.

Miżuri li jagħtu appoġġ lis-setturi ekonomiċi l-aktar affettwati ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

18.3.

Miżuri ta’ appoġġ għan-negozji, għall-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali, inkluż is-sajd kostali fuq skala żgħira, li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, fl-ilmijiet tat-territorji tiegħu bi status speċjali u fl-ilmijiet koperti minn ftehimiet tas-sajd ma’ stati kostali fejn l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotot tal-Unjoni naqsu minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

Popolazzjoni li qed tibbenefika

18.4.

Miżuri li jappoġġjaw il-ħolqien u l-protezzjoni tal-impjiegi, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, taħriġ mill-ġdid u taħriġ fis-setturi l-aktar affettwati ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

 

 

Parteċipanti

18.5.

Miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-fruntieri, u l-kontrolli tas-sigurtà, inkluż persunal addizzjonali u t-taħriġ tagħhom u infrastruttura

 

 

Persunal Addizzjonali (f’FTE)

Infrastruttura fiżika adattata (m2)

18.6.

Miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tad-dwana u l-ġbir tat-tassazzjoni indiretta, inkluż persunal addizzjonali u t-taħriġ tagħhom u infrastruttura

 

 

Persunal Addizzjonali (f’FTE)

Infrastruttura fiżika adattata (m2)

18.7.

Miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-kontrolli sanitarji u fitosanitarji u tas-sajd, inkluż persunal addizzjonali u t-taħriġ tagħhom u infrastruttura

 

 

Persunal Addizzjonali (f’FTE)

Infrastruttura fiżika adattata (m2)

18.8.

Miżuri li jiffaċilitaw reġimi għaċ-ċertifikazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ prodotti, biex jassistu fis-sodisfazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ stabbiliment, biex jiġu ffaċilitati t-tikkettar u mmarkar, pereżempju għas-sigurtà, is-saħħa, l-istandards ambjentali, u kif ukoll biex jassistu fir-rikonoxximent reċiproku

 

 

Impriżi (mgħejjuna)

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

18.9.

Miżuri għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji dwar il-bidliet għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

 

 

Intrapriżi mgħejjuna (avżati)

Popolazzjoni koperta

18.10.

Miżuri mmirati lejn ir-reintegrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE kif ukoll tal-persuni li għandhom id-dritt li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni li telqu mir-Renju Unit, bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

 

 

Persuni

18.11.

Oħra (jekk jogħġbok speċifika)

 

 

 

19.

Kwalunkwe finanzjament komplementari tal-Unjoni riċevut jew mitlub għal nefqa mhux inkluża f’din l-applikazzjoni

Deskrizzjoni qasira/ammont (eż l-użu ta’ finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni/REACT-EU/JTF/RRF/oħrajn - jekk jogħġbok speċifika)

 

20.

Jekk jogħġbok indika l-entità legali u n-numru sħiħ tal-kont bankarju u d-detentur f’każ ta’ pagament ulterjuri

☐ Kont li qabel kien jintuża biex jirċievi pagamenti mill-UE

☐ Kont ġdid

Mudell għad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li għandha takkumpanja l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

Jien/Aħna, is-sottoskritt(i) [kunjom/kunjomijiet, isem/ismijiet, titolu/i jew funzjoni(jiet)], Kap/i tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva, abbażi tal-implimentazzjoni tar-Riżerva matul il-perijodu ta’ referenza, abbażi tal-ġudizzju tiegħi/tagħna stess u tal-informazzjoni kollha disponibbli għalija/għalina fid-data tal-applikazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni, inklużi r-riżultati mill-verifiki mwettqa u mill-awditi b’rabta mal-infiq inklużi fl-applikazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza, u fil-kunsiderazzjoni l-obbligu tiegħi/tagħna skont ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b’dan niddikjaraw li:

(a)

l-informazzjoni fl-applikazzjoni hija ppreżentata sewwa, kompluta u hija preċiż skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju,

(b)

in-nefqa mniżżla fl-applikazzjoni hija konformi mal-liġi applikabbli u ntużat għall-iskop maħsub tagħha,

(c)

is-sistemi ta’ kontroll stabbiliti jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

Jiena/aħna nikkonferma/w li l-irregolaritajiet identifikati fl-awditu finali u fir-rapporti ta’ kontroll għar-rigward tal-perijodu referenzjarju ġew ittrattati kif xieraq fl-applikazzjoni. Barra minn hekk, jiena/aħna nikkonferma(w) l-affidabbiltà tad-data relatata mal-implimentazzjoni tar-Riżerva. Jiena/Aħna nikkonferma(w) wkoll li miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi qegħdin fis-seħħ u li dawk il-miżuri jieħdu kont tar-riskji identifikati f’dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, jiena/aħna nikkonferma(w) li jiena/aħna ma naf/nafu bl-ebda kwistjoni mhux żvelata relatata mal-implimentazzjoni tar-Riżerva li tista’ tkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tar-Riżerva.

Mudell għall-opinjoni tal-awditjar li għandha takkumpanja l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

Lill-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

1.   INTRODUZZJONI

Jien, hawn taħt iffirmat, li nirrappreżenta [l-isem tal-korp tal-awditjar indipendenti], awditjajt

(i)

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni għall-perijodu ta’ referenza;

(ii)

il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha intalab rimborż mill-Kummissjoni; u

(iii)

il-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva, u vverifikajt id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni,

sabiex ikun nista’ noħroġ opinjoni ta’ awditjar.

2.   RESPONSABBILTAJIET TAL-KORP (3) RESPONSABBLI GĦALL-ĠESTJONI TAL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MIR-RIŻERVA

[isem il-korp] qiegħed jiġi identifikat bħala l-korp responsabbli għall-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva fir-rigward tal-funzjonijiet u l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 14.

Barra minn hekk, [isem il-korp] huwa responsabbli biex jiżgura u jiddikjara l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-applikazzjoni.

Barra minn hekk, hija r-responsabbiltà tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva li jikkonferma li n-nefqa mniżżla fl-applikazzjoni tkun legali u regolari u konformi mal-liġi applikabbli.

3.   RESPONSABBILTAJIET TAL-KORP TAL-AWDITJAR INDIPENDENTI

Kif stabbilit fl-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju, ir-responsabbiltà tiegħi hija li nesprimi opinjoni indipendenti dwar il-kompletezza, il-veraċità u l-preċiżjoni tal-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni, dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha ntalab rimborż mill-Kummissjoni, u dwar il-funzjonament kif suppost tas-sistema stabbilita ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva.

Ir-responsabbiltà tiegħi hija wkoll li ninkludi fl-opinjoni dikjarazzjoni dwar jekk ix-xogħol tal-awditjar iqajjimx dubju dwar l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni.

L-awditi fir-rigward tar-Riżerva twettqu skont standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. Dawk l-istandards jeżiġu li l-korp tal-awditjar indipendenti jikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li jippjana u jwettaq ix-xogħol ta’ awditjar sabiex jinkiseb aċċertament raġonevoli għall-fini tal-opinjoni tal-awditjar.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza xierqa suffiċjenti sabiex tiġi appoġġata l-opinjoni stabbilita hawn taħt. Il-proċeduri mwettqa jiddependu fuq id-deċiżjoni professjonali tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Il-proċeduri tal-awditjar li wettaqt huma dawk li nemmen huma xierqa fiċ-ċirkostanzi u huma konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju.

Jiena tal-fehma li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tiegħi [[f’każ li jkun hemm xi limitazzjonijiet fuq l-ambitu:], ħlief għal dak li jissemma fil-Punt 4 “Limitazzjonijiet fuq l-ambitu”].

Il-ġabra fil-qosor tar-riżultati mill-awditi fir-rigward tar-Riżerva huma rrappurtati fir-rapport mehmuż skont il-punt (b) tal-Artikolu 63(5) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   LIMITAZZJONIJIET FUQ L-AMBITU

Jew

Ma kien hemm l-ebda limitazzjoni fl-ambitu tal-awditjar.

jew

L-ambitu tal-awditjar kien limitat mill-fatturi li ġejjin:

(a)

…;

(b)

…;

(c)

….

[Indika kull limitazzjoni fuq l-ambitu tal-awditjar, pereżempju kull nuqqas ta’ dokumentazzjoni ġustifikattiva, każijiet taħt proċeduri legali, u agħti stima taħt “Opinjoni kkwalifikata” hawn taħt, tal-ammonti tan-nefqa u tal-kontribuzzjoni mir-Riżerva affettwati u tal-impatt tal-limitazzjoni tal-ambitu fuq l-opinjoni tal-awditjar. Spjegazzjonijiet ulterjuri f’dan ir-rigward għandhom jingħataw fir-rapport, kif xieraq.]

5.   OPINJONI

Jew (Opinjoni mhux ikkwalifikata)

Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:

(i)

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni jagħtu stampa reali u xierqa;

(ii)

in-nefqa inkluża fl-applikazzjoni hija legali u regolari; u

(iii)

is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva tiffunzjona sew.

Il-ħidma tal-awditjar li saret ma tpoġġix f’dubju l-asserzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni.

Jew (Opinjoni bi kwalifikazzjoni)

Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:

(1)

L-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni jagħtu stampa reali u xierqa [fejn il-kwalifika tapplika għall-applikazzjoni, jiżdied it-test li ġej:] ħlief fl-aspetti materjali li ġejjin: ….

(2)

Il-legalità u r-regolarità tan-nefqa inkluża fl-applikazzjoni

in-nefqa inkluża fl-applikazzjoni hija legali u regolari [fejn il-kwalifika tapplika għall-applikazzjoni, jiżdied it-test li ġej:] ħlief f’dawn l-aspetti li ġejjin: ….

L-impatt tal-kwalifikazzjoni huwa limitat [jew sinifikanti] u jikkorrispondi għal …. (ammont f’EUR tal-ammont totali tan-nefqa).

(3)

Is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva fis-seħħ fid-data ta’ din l-opinjoni tal-awditjar

is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva fis-seħħ tiffunzjona kif suppost [fejn il-kwalifika tapplika għas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll għar-Riżerva, jiżdied it-test li ġej:] ħlief f’dawn l-aspetti li ġejjin: ….

L-impatt tal-kwalifikazzjoni huwa limitat [jew sinifikanti] u jikkorrispondi għal …. (ammont f’EUR tal-ammont totali tan-nefqa).

Il-ħidma tal-awditjar imwettqa ma tpoġġix/tpoġġi [ħassar kif xieraq] fid-dubju l-istqarrijiet magħmulin fid-dikjarazzjoni tal-amministrazzjoni.

[Meta x-xogħol tal-awditjar iqajjem dubju dwar l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, il-korp tal-awditjar indipendenti għandu jiżvela f’dan il-paragrafu l-aspetti li jwasslu għal din il-konklużjoni.]

Jew (Opinjoni avversa)

Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:

(i)

l-elementi relatati mal-kontijiet fl-applikazzjoni jagħtu/ma jagħtux [ħassar skont kif japplika] stampa reali u xierqa; u/jew

(ii)

in-nefqa fl-applikazzjoni li għaliha jkun intalab rimborż mill-Kummissjoni hija/mhijiex [ħassar skont kif japplika] legali u regolari; u/jew

(iii)

is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva stabbiliti tiffunzjona/ma tiffunzjonax [ħassar skont kif japplika] kif suppost.

Din l-opinjoni avversa hija bbażata fuq dawn l-aspetti:

fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mal-applikazzjoni: [jekk jogħġbok speċifika]

u/jew [ħassar skont kif japplika]

fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mal-legalità u r-regolarità tan-nefqa fl-applikazzjoni li għalihom ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni: [jekk jogħġbok speċifika]

u/jew [ħassar skont kif japplika]

fir-rigward ta’ kwistjonijiet materjali relatati mal-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll u ta’ ġestjoni għar-Riżerva: [jekk jogħġbok speċifika].

Il-ħidma tal-awditjar imwettqa tpoġġi f’dubju l-asserzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni rigward l-aspetti li ġejjin:

[Il-korp tal-awditjar indipendenti jista’ jdaħħal ukoll osservazzjonijiet, li ma jkunux jaffettwaw l-opinjoni tiegħu, kif stabbilit fl-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. Tista’ tingħata ċaħda ta’ opinjoni f’każijiet eċċezzjonali.]

Data:

Firma:


(1)  Fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(1), il-punt (a), l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-korpi kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1).

(3)  Fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(1), il-punt (a), l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-korpi kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.


ANNESS III

Mudell għad-deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva

1.   ĠENERALI

1.1.

Informazzjoni mressqa minn:

(a)

L-Istat Membru:

(b)

L-isem u l-posta elettronika tal-punt ewlieni ta’ kuntatt (il-korp responsabbli mid-deskrizzjoni):

1.2.

L-informazzjoni mogħtija tiddeskrivi s-sitwazzjoni fi: (jj/xx/ssss)

1.3.

L-istruttura tas-sistema (l-informazzjoni ġenerali u l-flowchart li turi r-relazzjoni organizzattiva bejn il-korpi involuti fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għar-Riżerva)

(a)

Korp (1) responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (isem, indirizz u punt ta’ kuntatt fil-korp):

(b)

Il-korp jew il-korpi li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti (isem, indirizz u punt ta’ kuntatt fil-korp), fejn applikabbli:

(c)

Il-korp tal-awditjar indipendenti (l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt fil-korp):

(d)

Indika kif il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-korpi msemmija fil-punti (a) u (c) jiġi rrispettat:

2.   IL-KORP RESPONSABBLI GĦALL-ĠESTJONI TAL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA MIR-RIŻERVA

2.1.

Il-korp responsabbli mill-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva u l-funzjonijiet ewlenin tiegħu

(a)

L-istatus tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (korp nazzjonali jew reġjonali) u l-korp li minnu jagħmel parti:

(b)

Qafas biex jiġi żgurat li jitwettaq eżerċizzju xieraq ta’ ġestjoni tar-riskju meta jkun meħtieġ, u b’mod partikulari fl-eventwalità ta’ modifiki maġġuri fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll:

2.2.

Deskrizzjoni tal-organizzazzjoni u l-proċeduri relatati mal-funzjonijiet u l-kompiti tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva

(a)

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-kompiti mwettqa mill-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva:

(b)

Deskrizzjoni ta’ kif jiġi organizzat ix-xogħol u liema proċeduri se jiġu applikati b’mod partikolari fit-twettiq tal-verifiki (amministrattivi u fuq il-post) u biex jiġi żgurat rekord tal-awditjar adegwat rigward id-dokumenti kollha relatati man-nefqa:

(c)

Indikazzjoni tar-riżorsi ppjanati li jkunu se jiġu allokati fir-rigward tad-diversi funzjonijiet tal-korp responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva (inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe esternalizzazzjoni prevista u l-ambitu tagħha, fejn xieraq):

3.   KORP TAL-AWDITJAR INDIPENDENTI

L-istatus u deskrizzjoni tal-organizzazzjoni u tal-proċeduri relatati mal-funzjonijiet tal-korp tal-awditjar indipendenti

(a)

L-istatus tal-korp tal-awditjar indipendenti (korp nazzjonali jew reġjonali) u l-korp li minnu jagħmel parti, fejn relevanti:

(b)

Deskrizzjoni tal-funzjonijiet, u l-kompiti mwettqa mill-korp tal-awditjar indipendenti:

(c)

Deskrizzjoni ta’ kif inhu organizzat ix-xogħol (flussi tax-xogħol, proċessi, diviżjonijiet interni), liema proċeduri japplikaw u meta, kif dawn jiġu sorveljati, indikazzjoni tar-riżorsi ppjanati li għandhom jiġu allokati b’rabta mad-diversi kompiti tal-awditjar:

4.   SISTEMA ELETTRONIKA

Deskrizzjoni tas-sistema jew sistemi elettroniċi inkluża flowchart (sistema ta’ netwerk ċentrali jew komuni jew sistema deċentralizzata b’rabtiet bejn is-sistemi) biex issir:

(a)

Id-dokumentazzjoni u l-preservazzjoni, f’forma elettronika, ta’ data dwar kull miżura ffinanzjata mir-Riżerva:

l-isem tar-riċevitur u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva,

l-isem tal-kuntrattur (2) u s-subkuntrattur (3), fejn ir-riċevitur ikun awtorità kontraenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jew nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, u l-valur tal-kuntratt,

l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid tas-sid benefiċjarju (4), kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), tar-riċevitur jew tal-kuntrattur imsemmi fl-ewwel u fit-tieni inċiż ta’ dan il-punt,

fejn xieraq, data dwar parteċipanti individwali;

(b)

L-iżgurar li r-rekords kontabilistiċi għal kull miżura ffinanzjata mir-Riżerva tiġi ddokumentata u ppreżervata, u li din id-dokumentazzjoni ssostni d-data meħtieġa għat-tfassil tal-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni;

(c)

Iż-żamma ta’ rekords kontabilistiċi tan-nefqa mġarrba u mħallsa;

(d)

Indikazzjoni dwar jekk is-sistemi elettroniċi jkunux qed jiffunzjonaw b’mod effettiv u jekk jistgħux jiddokumentaw b’mod affidabbli d-data kif kienet fid-data msemmija fil-punt 1.2;

(e)

Id-deskrizzjoni tal-proċeduri li jiżguraw is-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tas-sistemi elettroniċi.


(1)  Fejn applikabbli skont l-Artikolu 14(1), il-punt (a), l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-korpi kollha responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mir-Riżerva.

(2)  Informazzjoni meħtieġa biss fejn huma kkonċernati l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jissuperaw il-limiti tal-Unjoni.

(3)  Informazzjoni meħtieġa biss fl-ewwel livell tas-sottokuntrattar, biss fejn tiġi dokumentata informazzjoni dwar il-kuntrattur rispettiv, u biss għas-sottokuntratti li jissuperaw il-valur totali ta’ EUR 50 000.

(4)  L-Istati Membri jistgħu jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit billi jużaw id-data miżmuma fir-reġistri kif imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).