23.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1696

tal-21 ta’ Settembru 2021

li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Waqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021–2027 (il-programm “Pericles IV”) li japplika fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati. L-Artikolu 139 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-miżuri li jirregolaw l-użu tal-euro msemmija fl-Artikolu 133 tiegħu m’għandhomx japplikaw għall-Istati Membri b’deroga.

(2)

Madankollu, l-iskambju tal-informazzjoni u l-persunal u l-miżuri ta’ assistenza u taħriġ implimentati taħt il-programm Pericles IV jenħtieġ li jkunu uniformi fl-Unjoni kollha. Għaldaqstant, jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-euro fl-Istati Membri fejn il-euro mhijiex il-munita uffiċjali tagħhom.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV biex dan jibda mill-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’mod retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/840 għandha tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex l-Istati Membri parteċipanti kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 (3).

Entitajiet minn dawk l-Istati Membri għandhom jitqiesu eliġibbli għal finanzjament meta dawn ikunu awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/840.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  L-Approvazzjoni tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021–2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 (ĠU L 186, 27.5.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).