17.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 329/2 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1527
tal-31 ta’ Mejju 2021
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar ir-rikonoxximent kuntrattwali ta’ setgħat ta’ tnaqqis fil-valur u ta’ konverżjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(6) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 55(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li meta istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d) ta’ dik id-Direttiva tilħaq id-determinazzjoni li huwa legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli li jiġi inkluż, fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti, it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE (“it-terminu kuntrattwali”), jenħtieġ li dik l-istituzzjoni jew l-entità tinnotifika d-determinazzjoni tagħha lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. |
(2) |
Il-kundizzjonijiet li taħthom ikun legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli għal istituzzjoni jew entità li tinkludi t-terminu kuntrattwali f’ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet jenħtieġ li jiġu definiti b’mod li jippermetti livell xieraq ta’ konverġenza, filwaqt li fl-istess ħin l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jqisu d-differenzi fis-swieq rilevanti. |
(3) |
Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ma jkunux meħtieġa jinkludu, fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti, it-terminu kuntrattwali, fejn tali inklużjoni tkun illegali fil-pajjiż terz rilevanti. Dan jista’ jkun il-każ fejn, pereżempju, il-liġijiet, jew l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ma jippermettux tali termini. Jenħtieġ li jitqies ukoll bħala imprattikabbli għal istituzzjoni jew entità li tinkludi t-terminu kuntrattwali fi ftehim jew strument meta dik l-istituzzjoni jew entità ma tkunx tista’ temenda dawk id-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Dan spiss ikun il-każ fejn ftehimiet jew strumenti jiġu konklużi skont termini jew protokolli standardizzati internazzjonali li jistabbilixxu termini u kundizzjonijiet uniformi għal tali tipi ta’ ftehimiet jew strumenti. Prodotti ta’ finanzjament tal-kummerċ, bħal garanziji, kontrogaranziji, ittri ta’ kreditu jew strumenti oħra użati fil-kuntest ta’ appoġġ jew finanzjament ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali tipikament jinħarġu soġġetti għal termini jew regoli standard rikonoxxuti internazzjonalment stabbiliti minn organizzazzjoni tal-industrija rikonoxxuta internazzjonalment jew żviluppati abbażi ta’ prattiċi bilaterali standard. L-imprattikabbiltà tista’ tirriżulta wkoll meta l-istituzzjoni jew l-entità tikkonkludi kuntratti ta’ forniment ta’ servizzi finanzjarji ma’ korpi mhux tal-Unjoni, inklużi fornituri ta’ servizzi finanzjarji, ċentri tan-negozjar, infrastrutturi tas-suq finanzjarju jew kustodji li jużaw termini standard li ma jistgħux jiġu nnegozjati mill-istituzzjoni jew l-entità. |
(4) |
Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ rieda tal-kontroparti li tinkludi t-termini kuntrattwali jew żieda fil-prezz tal-istrument jew tal-ftehim biss jenħtieġ li ma jitqiesx bħala kundizzjoni ta’ imprattikabbiltà tal-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali. |
(5) |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, anki fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà, awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddeċiedi li ma teħtieġx li l-istituzzjoni jew l-entità rilevanti tinkludi t-terminu kuntrattwali fejn tqis li tali inklużjoni mhijiex meħtieġa biex tiżgura r-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni jew l-entità. Il-konklużjonijiet tal-analiżi tal-impatt fuq ir-riżolvibbiltà għall-finijiet tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2014/59/UE, jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’ dawk taħt il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà kif stabbilit fit-Titolu II, Kapitolu II, ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-impatt fuq ir-riżolvibbiltà skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, ftehimiet jew strumenti li joħolqu obbligazzjonijiet b’maturitajiet twal jew valuri nominali għoljin jenħtieġ li jitqiesu neċessarji biex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà. L-inklużjoni ta’ tali termini kuntrattwali, għalhekk, jenħtieġ li ma tiġix rinunzjata meta tali inklużjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà. Fir-rigward ta’ ftehimiet jew strumenti oħra li joħolqu obbligazzjonijiet, meta jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq ir-riżolvibbiltà, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jqisu kif dovut għadd ta’ elementi rilevanti iżda jenħtieġ li jitħallew, kif xieraq skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi, jivvalutaw kwalunkwe element addizzjonali li jistgħu jqisu neċessarju. |
(6) |
Wara li tirċievi notifika sħiħa ta’ imprattikabbiltà, awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkollha perjodu ta’ żmien raġonevoli biex tevalwaha. In-notifiki jistgħu jvarjaw fil-kumplessità. Huwa għalhekk xieraq li awtorità ta’ riżoluzzjoni titħalla testendi l-perjodu ta’ żmien biex tirrikjedi l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali għal perjodu ta’ żmien determinat minn qabel fir-rigward ta’ notifiki kumplessi. Tali estensjoni jenħtieġ li tiġi nnotifikata kif xieraq lill-istituzzjoni jew l-entità rilevanti. Meta titqies in-natura ġdida tan-notifika u l-valutazzjoni tagħha, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jitħallew jestendu l-perjodu ta’ żmien biex jivvalutaw notifiki kumplessi għal sitt xhur addizzjonali matul l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan il-perjodu, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jenħtieġ li jitħallew jestendu l-perjodu ta’ żmien għall-valutazzjoni ta’ notifiki kumplessi għal tliet xhur. |
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea. |
(8) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kundizzjonijiet li taħthom ma jkunx prattikabbli li t-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jiġi inkluż f’ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet
1. Il-kundizzjonijiet li taħthom ikun legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli għal istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), punt (b), (c) jew (d), tad-Direttiva 2014/59/UE li tinkludi, fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw l-obbligazzjoni rilevanti, it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali tikkostitwixxi ksur tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz li jirregolaw l-obbligazzjoni; |
(b) |
l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali tmur kontra struzzjoni espliċita u vinkolanti minn awtorità ta’ pajjiż terz; |
(c) |
l-obbligazzjoni tirriżulta minn strumenti jew ftehimiet konklużi skont termini jew protokolli standardizzati internazzjonali li l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx tista’ temenda; |
(d) |
l-obbligazzjoni tkun irregolata minn termini kuntrattwali li l-istituzzjoni jew l-entità trid taċċetta sabiex tkun tista’ tipparteċipa fi jew tuża s-servizzi ta’ korp mhux tal-Unjoni, u li l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx tista’ temenda; |
(e) |
l-obbligazzjoni hija dovuta lil kreditur kummerċjali jew tan-negozju u hija relatata mal-forniment ta’ oġġetti jew servizzi li, filwaqt li mhumiex kritiċi, jintużaw għall-funzjonament operattiv ta’ kuljum tal-istituzzjoni jew l-entità u l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx tista’ temenda t-termini tal-ftehim. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (c), (d) u (e), istituzzjoni jew entità għandha titqies li ma tistax temenda l-istrumenti jew il-ftehimiet jew it-termini kuntrattwali fejn l-istrument, il-ftehim jew it-termini kuntrattwali jistgħu jiġu konklużi biss skont it-termini stabbiliti mill-kontroparti jew mill-kontrapartijiet jew mit-termini jew protokolli standard applikabbli.
Artikolu 2
Kundizzjonijiet għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex teħtieġ l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE f’ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet
1. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha teħtieġ l-inklużjoni fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti tat-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE meta tkun ikkonkludiet, abbażi tan-notifika tal-istituzzjoni jew tal-entità, li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà notifikati u msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ma tiġi ssodisfata u dment li tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ammont nominali tal-obbligazzjoni maħluqa mill-ftehim jew strument rilevanti jkun daqs jew aktar minn EUR 20 miljun; |
(b) |
il-maturità li jifdal tal-ftehim jew tal-istrument tkun ugwali għal jew itwal minn sitt xhur. |
2. Fejn meħtieġ biex tiġi żgurata r-riżolvibbiltà, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ teħtieġ l-inklużjoni fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti tat-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE fejn tkun ikkonkludiet, abbażi tan-notifika tal-istituzzjoni jew tal-entità, li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ imprattikabbiltà notifikati u msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ma tkun issodisfata u dment li ma tiġi ssodisfata l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.
Meta tivvaluta jekk l-inklużjoni tat-terminu kuntrattwali hijiex meħtieġa biex tiżgura r-riżolvibbiltà, skont l-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha b’mod partikolari tqis mill-inqas wieħed mill-elementi li ġejjin:
(a) |
l-ammont u t-tip tal-ftehim jew tal-istrument; |
(b) |
il-fattibbiltà tal-użu tal-għodod tar-riżoluzzjoni; |
(c) |
il-kredibilità tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni b’mod li jissodisfa l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni, b’kont meħud tal-impatti possibbli fuq il-kredituri, il-kontropartijiet, il-klijenti u l-impjegati, u l-azzjonijiet possibbli tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi; |
(d) |
il-klassifikazzjoni tal-obbligazzjoni fi proċedimenti normali ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali; |
(e) |
il-maturità tal-obbligazzjoni u n-natura rotanti tal-kuntratt. |
Artikolu 3
Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli biex l-awtorità tar-riżoluzzjoni titlob l-inklużjoni ta’ terminu kuntrattwali
1. Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli msemmi fl-Artikolu 55(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE għandu jkun ta’ tliet xhur mill-jum li fih l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 55(2), l-ewwel subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva.
2. Meta n-notifika msemmija fl-Artikolu 55(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE ma tkunx kompluta, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tindika lill-istituzzjoni jew l-entità notifikanti liema informazzjoni hija nieqsa. Il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jibda meta tkun ġiet ippreżentata l-informazzjoni kollha nieqsa.
3. Sas-6 ta’ Ottubru 2022, fejn in-notifika tkun kumplessa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b’sitt xhur.
Mis-7 ta’ Ottubru 2022, fejn in-notifika tkun kumplessa, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 bi tliet xhur.
4. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinforma lill-istituzzjoni jew lill-entità notifikanti dwar l-estensjoni u r-raġunijiet għaliha.
Artikolu 4
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).