13.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/12


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1465

tas-6 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-definizzjoni ta’ allużjonijiet għall-ismijiet ġuridiċi ta’ xorb spirituż jew Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż u l-użu tagħhom fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż għajr ix-xorb spirituż li għalih issir l-allużjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/787 ikkjarifika u rriformula sostanzjalment ċerti dispożizzjonijiet relattivi għall-produzzjoni u għat-tikkettar tax-xorb spirituż u tal-oġġetti tal-ikel prodotti minn xorb spirituż bħala ingredjenti.

(2)

B’mod partikolari, id-definizzjoni u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ allużjonijiet għall-isem ġuridiku ta’ kategorija waħda jew aktar ta’ xorb spirituż jew ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż kif stabbiliti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 110/2008 (2) u l-Artikolu 2(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 (3), ġew riveduti fundamentalment bir-Regolament (UE) 2019/787, li jħassar u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 110/2008 b’effett mill-25 ta’ Mejju 2021. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet korrispondenti l-ġodda fl-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/787 jippermettu l-użu ta’ allużjonijiet biss fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel għajr ix-xorb spirituż u l-likuri. Konsegwentement, kwalunkwe allużjoni fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż għajr likuri mhix koperta mid-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-allużjonijiet fir-Regolament (UE) 2019/787. Dik l-għażla leġiżlattiva saret biex tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-allużjonijiet, regolati mill-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/787, u t-taħlitiet, irregolati mill-Artikoli 13(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament. Tabilħaqq, il-kombinazzjoni ta’ xarba spirituża ma’ xarba spirituża oħra tikkwalifika bħala taħlita u konsegwentement jenħtieġ li ma tiġix ittikkettata f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar għall-allużjonijiet. Madankollu, iddaħħlet eċċezzjoni fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/787 biex tippermetti l-allużjonijiet għal xorb spirituż ieħor fuq likuri, bil-ħsieb li jiġi ppreservat it-tikkettar ta’ għadd konsiderevoli ta’ prodotti li huwa meqjus bħala tradizzjonali u ġeneralment rikonoxxut mill-konsumaturi. Madankollu, id-definizzjoni l-ġdida u r-rekwiżiti għall-allużjonijiet ma ħadux kont ta’ żewġ każijiet addizzjonali ta’ metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali fejn l-allużjoni ssir għal xorb spirituż li jkun l-uniku ingredjent alkoħoliku ta’ xorb spirituż ieħor jew għal xorb spirituż li fil-bettija tiegħu jkun ġie mmaturat xorb spirituż ieħor, li l-ebda wieħed minnhom ma jikkwalifika bħala taħlita. Għalhekk, jekk ma jiġux irregolati bħala allużjonijiet, dawk il-każijiet isiru illegali skont ir-Regolament (UE) 2019/787.

(3)

Skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament (UE) 2019/787, l-użu ta’ isem ġuridiku ta’ kategorija ta’ xorb spirituż jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika ta’ xorb spirituż fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni jew it-tikkettar ta’ kwalunkwe xarba li ma tikkonformax mar-rekwiżiti rispettivi huma pprojbiti ħlief fil-każ ta’ termini komposti, allużjonijiet u listi tal-ingredjenti.

(4)

B’konsegwenza ta’ dan u wara konsultazzjoni mal-industrija tax-xorb spirituż u l-Istati Membri, kien ċar li r-riformulazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-allużjonijiet tirriżulta fil-preklużjoni tal-possibbiltà li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali fl-użu għall-produzzjoni ta’ ċertu xorb spirituż, meta tali informazzjoni tkun relatata mal-isem ta’ xorb spirituż ieħor. Dawk il-metodi jikkonsistu fl-użu ta’ xarba spirituża bħala l-bażi alkoħolika unika, mingħajr iż-żieda ta’ oġġetti tal-ikel oħra jew id-dilwizzjoni bl-ilma taħt il-qawwa alkoħolika meħtieġa għall-ipproċessar ulterjuri biex issir xarba spirituża differenti, u l-ħżin ta’ ċertu xorb spirituż għall-perjodu sħiħ ta’ maturazzjoni jew parti minnu fi btieti tal-injam li preċedentement kien fihom xarba spirituża oħra. Fil-każ tal-aħħar, għal dawk il-kategoriji ta’ xorb spirituż jew Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż li għalih iż-żieda ta’ alkoħol hija pprojbita, il-btieti jridu jitbattlu mill-kontenut preċedenti tagħhom qabel ma tiġi introdotta x-xarba spirituża li tkun trid tiġi sussegwentement immaturata ġo fihom.

(5)

Metodi bħal dawn kienu tradizzjonalment użati fis-settur tax-xorb spirituż għal żmien twil u jenħtieġ li jkunu koperti mir-Regolament (UE) 2019/787. Fil-fatt, meta jintużaw metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali bħal dawn, l-indikazzjoni tagħhom fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tax-xorb spirituż korrispondenti tipprovdi lill-konsumaturi b’informazzjoni importanti u utli dwar il-prodott li jagħżlu li jixtru u jikkunsmaw u sservi bħala differenzjatur bejn marki differenti fi ħdan il-kategoriji. B’mod partikolari, biex tiġi spjegata xi ftit mill-kumplessità f’dik ix-xarba spirituża huwa essenzjali li wieħed ikun jaf x’tip ta’ btieti mmaturat fihom ix-xarba spirituża.

(6)

Sabiex il-produtturi jibqa’ jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu informazzjoni dwar il-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali, huwa xieraq li l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/787 jiġu emendati biex jippermettu allużjonijiet għall-ismijiet ġuridiċi ta’ xorb spirituż jew għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż ieħor prodott skont il-metodi tranżizzjonali li ġejjin.

(7)

Barra minn hekk, fil-każ ta’ allużjonijiet għal xorb spirituż li qabel kien jinsab fi btieti li sussegwentement intużaw biex jimmaturaw xorb spirituż ieħor, id-dispożizzjoni tat-tikkettar introdotta bl-Artikolu 12(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/787, li tirrikjedi li l-allużjoni tidher f’daqs ta’ tipa li ma jkunx akbar minn nofs id-daqs tat-tipa użat għall-isem tax-xorb alkoħoliku u kwalunkwe terminu kompost, timponi piż sproporzjonat fuq l-industrija tal-ispirti, għax din tirrikjedi li eluf ta’ tikketti u kaxxi tal-kartun jinbidlu u tirrikjedi tibdil inutli fid-disinn li l-konsumaturi ilhom li drawh is-snin. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet tali rekwiżit l-allużjoni jagħmilha bilkemm viżibbli għall-għajn sakemm id-daqs tat-tipa tal-isem ġuridiku ma jkunx tkabbar b’mod drammatiku, li m’għandux ikun meħtieġ meta l-isem ġuridiku jkun sempliċi u b’referenza ċara għal waħda mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament jew għall-isem ta’ Indikazzjoni Ġeografika ta’ xorb spirituż fejn ma tinħoloq l-ebda konfużjoni potenzjali. Għalhekk, huwa xieraq li ssir deroga minn dan ir-rekwiżit ta’ tikkettar u minflok ikun rikjest li l-allużjonijiet jidhru b’tipa ta’ daqs li ma jkunx akbar u mhux aktar prominenti mill-isem ġuridiku tax-xarba spirituża u, fejn jintuża, ta’ kwalunkwe terminu kompost.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/787 jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Jenħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti għall-allużjonijiet bir-Regolament (UE) 2019/787 għall-allużjonijiet fuq xorb spirituż għajr likuri. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2022 biex jippermettu li x-xorb spirituż ikkonċernat ittikkettat qabel dik id-data f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013 ikompli jitqiegħed fis-suq mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi ttikkettat mill-ġdid.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2019/787 u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ vojt regolatorju, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika retroattivament mill-25 ta’ Mejju 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/787 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3, il-punt 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“(3)

“allużjoni” tfisser ir-referenza diretta jew indiretta għal isem ġuridiku wieħed jew iktar previsti fil-kategoriji ta’ xorb spirituż stabbiliti fl-Anness I, jew għal Indikazzjoni Ġeografika waħda jew iktar ta’ xorb spirituż, għajr għal referenza f’terminu kompost jew f’lista ta’ ingredjenti kif imsemmija fl-Artikolu 13(2) sa (4) fid-deskrizzjoni, l-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’:

(a)

oġġett tal-ikel li mhux xarba spirituża,

(b)

xarba spirituża li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kategoriji 33 sa 40 tal-Anness I; jew

(c)

xarba spirituża li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(3a);”

(2)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   B’deroga mill-paragrafu 1, fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xarba spirituża għajr xorb spirituż li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-kategoriji 33 sa 40 tal-Anness I, l-allużjoni għal isem ġuridiku previst f’kategorija ta’ xorb spirituż stabbilita f’dak l-Anness jew għal Indikazzjoni Ġeografika ta’ xorb spirituż għandha tkun permessa bil-kundizzjoni li:

(a)

ix-xarba spirituża msemmija fl-allużjoni:

(i)

tkun intużat bħala l-bażi alkoħolika unika għall-produzzjoni tax-xarba spirituża finali, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ kategorija ta’ xorb spirituż stipulata fl-Anness I,

(ii)

ma tkunx ġiet ikkombinata ma’ xi oġġetti tal-ikel għajr l-oġġetti tal-ikel użati għall-produzzjoni tagħha jew il-produzzjoni tax-xarba spirituża finali, f’konformità mal-Anness I jew l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti, u

(iii)

ma tkunx ġiet dilwita bl-ilma sabiex il-qawwa alkoħolika tagħha tkun taħt il-qawwa minima prevista fil-kategorija ta’ xorb spirituż stabbilita fl-Anness I jew l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-Indikazzjoni Ġeografika li tkun tappartjeni għaliha x-xarba spirituża msemmija fl-allużjoni; jew

(b)

ix-xarba spirituża tkun inħażnet għall-perjodu sħiħ ta’ maturazzjoni jew parti minnu f’bettija tal-injam li qabel tkun intużat biex timmatura x-xarba spirituża msemmija fl-allużjoni, bil-kundizzjoni li:

(i)

il-bettija tal-injam tkun tbattlet mill-kontenut preċedenti tagħha għal dawk il-kategoriji ta’ xorb spirituż jew Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż li għalihom iż-żieda ta’ alkoħol, dilwit jew mhux, hija pprojbita,

(ii)

l-allużjoni ssir fid-deskrizzjoni tal-bettija użata biex timmatura x-xarba spirituża li tirriżulta,

(iii)

l-allużjoni tidher b’mod inqas prominenti mill-isem ġuridiku tax-xarba spirituża jew kwalunkwe terminu kompost użat, u

(iv)

b’deroga mill-paragrafu 4, punt (b), l-allużjoni tidher b’tipa ta’ daqs mhux akbar mid-daqs tat-tipa użat għall-isem ġuridiku tax-xarba spirituża jew kwalunkwe terminu kompost użat.”;

(b)

fil-paragrafu 4, il-fażi introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

“4.   L-allużjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a għandhom:”.

Artikolu 2

Ix-xorb spirituż imsemmi fl-Artikolu 12(3a) tar-Regolament (UE) 2019/787 li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti f’dak l-Artikolu u fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2019/787 kif emendat b’dan ir-Regolament iżda li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013 u li jkun ġie ttikkettat qabel il-31 ta’ Diċembru 2022 jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 21).