8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1456

tat-2 ta’ Ġunju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kundizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom it-termini kummerċjali għas-servizzi tal-ikklerjar għal derivattivi OTC jitqiesu bħala ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3a), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dawn l-emendi, daħħlu, fost l-oħrajn, obbligu fuq il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar, sew hux direttament jew indirettament (“fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar”) li jipprovdu dawn is-servizzi skont termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti (“FRANDT”). Sabiex tingħata ċ-ċertezza tad-dritt lill-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar u għall-klijenti prospettivi jew eżistenti tagħhom, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet skont liema t-termini kummerċjali għandhom jitqiesu bħala FRANDT.

(2)

Filwaqt li jitqies li l-objettiv tal-Artikolu 4(3a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa li jiffaċilita l-aċċess għall-ikklerjar lill-klijenti li għandhom volum ta’ attività limitat fis-suq tad-derivattivi OTC u li jaffaċċaw diffikultajiet biex jaċċessaw l-ikklerjar ċentrali, u minħabba l-importanza tal-aċċess għall-ikklerjar ċentrali għal kontropartijiet soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar b’relazzjoni mal-kuntratt tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u li l-klijenti fl-Unjoni jibbenefikaw minn termini kummerċjali FRANDT, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika meta dawk is-servizzi tal-ikklerjar jiġu pprovduti fl-Unjoni.

(3)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar jiddeskrivu l-proċess li jwassal għall-ftehim dwar it-termini kuntrattwali u jistabbilixxu proċessi operazzjonali għas-servizzi tal-ikklerjar (“proċess ta’ on-boarding”) u jipprovdu formola għal talba għal proposta fuq is-siti web tagħhom. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-fornituri kollha tas-servizzi tal-ikklerjar jiżvelaw informazzjoni dwar termini kummerċjali ewlenin lill-klijenti prospettivi.

(4)

Filwaqt li l-fornituri ta’ servizzi tal-ikklerjar jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkontrollaw ir-riskji involuti fil-forniment tas-servizzi tal-ikklerjar, valutazzjoni tar-riskju armonizzata tal-klijenti prospettivi u eżistenti jenħtieġ li tiżgura li t-termini kummerċjali jkunu ġusti u mhux diskriminatorji, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż u r-riskji. Xi fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar diġà huma soġġetti għal obbligu li jivvalutaw ir-riskju ppreżentat mill-klijenti f’konformità mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 (3). Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni tar-riskju armonizzata tal-klijenti, huwa u jitnaqqas il-piż regolatorju fuq il-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar u jiġu evitati regoli duplikati u kunfliġġenti, jenħtieġ li l-fornituri kollha tas-servizzi tal-ikklerjar jivvalutaw lill-klijenti fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament Delegat.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li t-termini kummerċjali jkunu raġonevoli, u jiżguraw arranġamenti kuntrattwali imparzjali u razzjonali, jenħtieġ li t-tariffi, il-prezzijiet u l-iskontijiet ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, inklużi l-volumi kklerjati, ix-xejriet tal-ikklerjar u l-bżonnijiet u r-rekwiżiti ta’ klijent. Sabiex jiġu evitati strutturi ta’ pprezzar żbilanċjati u kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li t-tariffi, il-prezzijiet u l-iskontijiet jitfasslu bir-reqqa. Jenħtieġ li t-tariffi li jżommu l-ispejjeż lill-klijenti jiddistingwu b’mod ċar bejn il-kostijiet direttament relatati mal-forniment tas-servizzi tal-ikklerjar lill-klijent ikkonċernat u l-kostijiet relatati mal-forniment tas-servizzi tal-ikklerjar inġenerali, b’mod separat għal kull entrata tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-IT, spejjeż tal-liċenzjar u spejjeż għall-ġestjoni tal-kollateral.

(6)

Jenħtieġ li t-termini kuntrattwali jispeċifikaw il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ tranżazzjonijiet sottomessi mill-klijenti għall-ikklerjar u għad-dritt tal-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar li jissospendi s-servizzi tal-ikklerjar u li jillikwida jew jagħlaq il-pożizzjonijiet tal-klijenti. Jenħtieġ li tkun possibbli deroga minn dawk il-kundizzjonijiet u l-kriterji meta tkun raġonevoli u debitament ġustifikata, inkluż biex jiġu kkontrollati r-riskji involuti fil-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u l-kontinwità tas-servizzi tal-ikklerjar, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar japplikaw perjodu ta’ avviż ta’ mhux anqas minn sitt xhur għat-terminazzjoni tal-kuntratti jew għal tibdil li jaffettwa materjalment it-termini u kundizzjonijiet miftiehma. Jenħtieġ li jkun possibbli perjodu iqsar ta’ terminazzjoni meta jkun raġonevoli u debitament ġustifikat, inkluż biex jikkontrolla r-riskji involuti fil-forniment ta’ servizz tal-ikklirjar.

(8)

Kemm il-klijenti prospettivi kif ukoll dawk eżistenti jenħtieġ li jibbenefikaw minn termini kummerċjali FRANDT. Filwaqt li l-klijenti prospettivi se jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet il-ġodda mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar u l-klijenti eżistenti jingħataw biżżejjed żmien li jirrieżaminaw u, fejn xieraq, jadattaw it-termini kummerċjali maqbula qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(9)

L-Artikolu 4(3a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 diġà daħal fis-seħħ u japplika mill-18 ta’ Ġunju 2021. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt dwar il-kundizzjonijiet skont liem it-termini kummerċjali għandhom jitqiesu bħala FRANDT, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. Madankollu, sabiex il-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar ikollhom biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-membri u l-klijenti tal-ikklerjar li jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni, sew jekk dawn is-servizzi jiġux ipprovduti direttament jew indirettament (“fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar”), meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti b’relazzjoni ma’ kuntratti tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti

It-termini kummerċjali għass-servizzi tal-ikklerjar ipprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar għandhom jitqiesu bħala ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti meta jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Dispożizzjoni tranżizzjonali

It-termini kummerċjali għal servizzi tal-ikklerjar miftiehma qabel id-9 ta’ Settembru 2021 għandhom jiġu rieżaminati u, fejn meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stipulati fl-Anness, modifikati sad-9 ta’ Settembru 2022.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-9 ta’ Marzu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 42).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 tad-19 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti organizzattivi tad-ditti ta’ investiment involuti f’negozjar algoritmiku (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 417).


ANNESS

1.   Trasparenza tal-proċess ta’ on-boarding

1.1.

Il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar jippubblika fis-sit web tiegħu deskrizzjoni tal-proċess li jwassal għall-ftehim dwar it-termini kuntrattwali u li jistabbilixxi l-proċessi operazzjonali għas-servizzi tal-ikklerjar (“proċess ta’ on-boarding”). Id-deskrizzjoni tinkludi dan li ġej:

(a)

il-passi differenti ta’ dan il-proċess;

(b)

l-iskeda ta’ żmien stmata biex jitlestew il-passi differenti ta’ dan il-proċess;

(c)

formola biex tintalab proposta mill-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar biex wieħed isir klijent (“formola għal talba għal proposta”), kif stipulat fil-punt 2;

(d)

id-dokumentazzjoni ewlenija li l-klijent prospettiv għandu jippreżenta lill-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar flimkien mal-formola għal talba għal proposta.

1.2.

Il-klijenti prospettivi għandhom l-għażla jużawx jew le l-formola għal talba għal proposta stipulata fil-punt 2, jew kwalunkwe formola oħra għal talba għal proposta.

1.3.

Fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar li jiddeċiedi li ma jagħmilx proposta bi tweġiba għal talba għal proposta jinforma lill-klijent prospettiv dwarha mingħajr dewmien żejjed.

2.   Formola għal talba għal proposta

2.1.

Il-formola għal talba għal proposta tinkludi dan li ġej:

(a)

informazzjoni dwar il-klijent prospettiv:

(i)

isem ġuridiku;

(ii)

identifikatur ta’ entità ġuridika (legal entity identifier, LEI);

(iii)

jekk il-klijent prospettiv jew kontroparti finanzjarja jew mhux finanzjarja u jekk huwiex soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar f’konformità mal-Artikoli 4a jew 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(iv)

is-settur ta’ attività;

(b)

informazzjoni dwar id-dokumentazzjoni li l-klijent prospettiv għandu jipprovdi lill-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar bħala parti mill-proċess ta’ on-boarding;

(c)

informazzjoni dwar il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikkonċernati, inkluż jekk dawn il-kuntratti humiex soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(d)

kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-klijent prospettiv lill-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar sabiex il-fornitur ta’ servizzi tal-ikklerjar ikun jista’ jagħmel proposta infurmata tajjeb u dettaljata dwar dan li ġej:

(i)

l-ambitu ta’ kwalunkwe servizz tal-ikklerjar f’termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC;

(ii)

it-tariffi, l-ispejjeż, u l-iskontijiet;

(iii)

ir-riżultat tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/589;

(iv)

it-termini u kundizzjonijiet kuntrattwali;

(v)

il-kollateral aċċettat;

(vi)

il-haircuts applikabbli;

(vii)

il-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-ordnijiet;

(viii)

il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni ta’ kwalunkwe servizzi tal-ikklerjar jew il-likwidazzjoni jew l-għeluq ta’ kwalunkwe pożizzjoni;

(ix)

il-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-ftehim għall-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar;

(x)

Rekwiżiti tal-IT.

3.   Divulgazzjoni ta’ termini kummerċjali

3.1.

Proposta li ssir mill-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar b’risposta għal talba għal proposta tinkludi, b’mod ċar u strutturat, dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni msemmija fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(ii)

l-Artikolu 39(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

it-termini u kundizzjonijiet skont liema l-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar joffri s-servizzi tal-ikklerjar tiegħu, inklużi termini u kundizzjonijiet li jkunu speċifiċi għall-klijent prospettiv;

(c)

il-kollateral aċċettat;

(d)

il-haircuts applikabbli;

(e)

il-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-ordnijiet;

(f)

il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni ta’ kwalunkwe servizzi tal-ikklerjar jew il-likwidazzjoni jew l-għeluq ta’ kwalunkwe pożizzjoni;

(g)

il-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-ftehim għall-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar;

(h)

kwalunkwe soluzzjonijiet u rekwiżiti tal-IT applikabbli.

4.   Valutazzjoni tal-kontroll tar-riskju

4.1.

Il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar jagħmel valutazzjoni tal-kljient prospettiv jew tal-klijent f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/589.

4.2.

Il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar jinforma lill-klijent prospettiv jew lill-klijent dwar l-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-punt 4.1.

Meta dak l-eżitu jkun negattiv, il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar jinforma lill-klijent prospettiv jew lill-klijent, fuq talba, dwar ir-raġunijiet ewlenin għall-valutazzjoni negattiva u dwar il-kriterji stipulati fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/589 li ma jkunux ġew issodisfati.

5.   Termini kummerċjali

5.1.

It-termini kummerċjali għall-forniment tas-servizzi tal-ikklerjar miftiehma bejn il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar u l-klijent ikunu stipulati bil-miktub, ikunu ċari u kompluti, u jkopru t-termini u kundizzjonijiet essenzjali kollha għall-forniment tas-servizzi tal-ikklerjar.

6.   Tariffi u spejjeż trasferiti

6.1.

It-tariffi, il-prezzijiet u l-iskontijiet huma trasparenti u bbażati fuq kriterji oġġettivi.

6.2.

Fit-termini kummerċjali tingħata informazzjoni dwar kwalunkwe tariffi miżmuma lill-klijenti li jgħaddulhom l-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar (“spejjeż trasferiti”).

6.3.

It-tariffi, il-prezzijiet, l-iskontijiet u l-ispejjeż trasferiti kollha, kif maqbul bejn il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar u l-klijent, huma speċifikati ċarament fit-termini kummerċjali.

7.   Rifjut ta’ ordnijiet tal-ikklerjar, sospensjoni, likwidazzjoni jew għeluq ta’ pożizzjonijiet tal-klijenti u perjodi ta’ avviż

7.1.

Il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar ma jistax jiċħad it-talba tal-klijent għall-ikklerjar ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC (“ordni tal-ikklerjar”) li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet u l-kriterji miftiehma għall-aċċettazzjoni ta’ tali ordnijiet, dment li tali ċaħda ma tkunx raġonevoli u debitament ġustifikata, f’liema każ il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar, fuq talba, jipprovdi lill-klijent bir-raġunijiet għaċ-ċaħda bil-miktub.

7.2.

Il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar jista’ jissospendi biss is-servizzi tal-ikklerjar, jillikwida jew jagħlaq pożizzjonijiet tal-kljient meta l-kundizzjonijiet u l-kriterji għal tali sospensjoni, likwidazzjoni jew għeluq ikunu ssodisfati, sakemm tali sospensjoni, likwidazzjoni jew għeluq ma jkunux raġonevoli u debitament ġustifikati, f’liema każ il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar, fuq talba, jipprovdi lill-klijent bir-raġunijiet għal dan bil-miktub.

7.3.

Il-klijent jiġi infurmat, mill-inqas sitt xhur bil-quddiem, sakemm ma jkunx raġonevoli u debitament ġustifikat perjodu ta’ notifika iqsar, dwar dan li ġej:

(a)

it-terminazzjoni tal-ftehim għall-forniment ta’ servizzi tal-ikklerjar;

(b)

kwalunkwe bidla materjali fit-termini u l-kundizzjonijiet skont liem jiġi pprovdut is-servizz tal-ikklerjar.