6.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1444

tas-17 ta’ Ġunju 2021

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards għall-punti tal-iċċarġjar għal-karozzi tal-linja elettriċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(14) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/94/UE tistabbilixxi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà tal-punti tal-iċċarġjar u ta’ riforniment jenħtieġ li jiġu speċifikati fi standards Ewropej jew internazzjonali. Għall-istandards li għadhom ma ġewx adottati, jenħtieġ li l-istandardizzazzjoni tkun abbażi ta’ standards li qed jiġu żviluppati.

(2)

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni talbet (3) lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (is-CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (is-CENELEC) biex jiżviluppaw u jadottaw standards Ewropej xierqa, jew biex jemendaw l-istandards Ewropej eżistenti, għall-provvista tal-elettriku għat-trasport bit-triq, għat-trasport marittimu u għan-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern; għall-provvista tal-idroġenu għat-trasport bit-triq; għall-provvista tal-gass naturali, inkluż il-bijometan, għat-trasport bit-triq, għat-trasport marittimu u għan-navigazzjoni fuq il-passaġġi fuq l-ilma intern.

(3)

Wara l-implimentazzjoni tat-talba tal-Kummissjoni M/533, is-CEN u s-Cenelec żviluppaw l-istandards li fihom l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tal-iċċarġjar għall-karozzi tal-linja elettriċi msemmija fil-punt 1.6 tal-Anness II tad-Direttiva 2014/94/UE.

(4)

Is-CEN u s-Cenelec infurmaw lill-Kummissjoni li l-konnetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN 62196-2 huma l-aktar tip xieraq għall-punti tal-iċċarġjar b’potenza normali u qawwija b’kurrent alternanti (AC) għall-karozzi tal-linja elettriċi.

(5)

Is-CEN u s-Cenelec infurmaw lill-Kummissjoni li jenħtieġ li jintużaw il-konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunti “Combo2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196-3, għall-punti tal-iċċarġjar b’potenza normali u qawwija b’kurrent dirett (DC) għall-karozzi tal-linja elettriċi.

(6)

Is-CEN u s-Cenelec infurmaw lill-Kummissjoni li jenħtieġ li jiġi applikat l-istandard EN 50696 għal tagħmir awtomatizzat bl-interfaċċa tal-kuntatt għall-karozzi tal-linja elettriċi li jiċċarġjaw b’mod konduttiv fil-modalità 4, skont l-EN 61851–23–1, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà. Dan l-istandard, flimkien mal-istandards imsemmija hawn fuq, se jkollu rwol kruċjali għall-installazzjoni tal-karozzi tal-linja elettriċi fl-ibliet.

(7)

Skont id-Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-ishma nazzjonali minimi tal-akkwist pubbliku li jkunu sa 22,5 % għall-2021-2025 u sa 32,5 % għall-2026-2030, huma riżervati għall-karozzi tal-linja mingħajr emissjonijiet. Minħabba li l-awtoritajiet tat-trasport pubbliku u l-operaturi qed jaqilbu dejjem aktar għall-karozzi tal-linja mingħajr emissjonijiet sabiex jilħqu dawn il-miri, l-interoperabbiltà sħiħa tal-infrastruttura tal-vetturi u tal-iċċarġjar qed issir essenzjali.

(8)

Jenħtieġ li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tat-tipi differenti ta’ ċċarġjar għall-karozzi tal-linja elettriċi biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi u għall-operaturi u jkunu jistgħu jsiru l-ekonomiji ta’ skala filwaqt li jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi jiġu milqugħa. Jenħtieġ li dan ikompli jtejjeb l-użu ta’ ċċarġjar intelliġenti inkluż is-servizzi mill-vettura għall-grilja.

(9)

L-esperti tal-Istati Membri, ikkonsultati permezz tal-Kumitat dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi, u l-Attachés tal-Istati Membri dwar it-Trasport, taw il-parir tagħhom dwar l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej li huma s-suġġett ta’ dan l-att delegat.

(10)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissupplimenta l-punt 1.6 tal-Anness II tad-Direttiva 2014/94/UE skont dan, bir-referenzi għall-istandards Ewropej u bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi żviluppati mis-CEN u mis-CENELEC.

(11)

Meta għandhom ikunu implimentati speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda fl-Anness II tad-Direttiva 2014/94/UE permezz ta’ atti delegati, għandu japplika perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 24 xahar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punti tal-iċċarġjar għall-karozzi tal-linja elettriċi msemmija fil-punt 1.6 tal-Anness II tad-Direttiva 2014/94/UE għandhom ikunu mgħammra, għall-finijiet ta’ interoperabbiltà, kif ġej:

il-punti tal-iċċarġjar b’potenza normali u qawwija b’kurrent alternanti (AC) għall-karozzi tal-linja elettriċi għandhom ikunu mgħammra tal-inqas b’konnetturi tat-Tip 2 kif deskritt fl-istandard EN 62196-2;

il-punti tal-iċċarġjar b’potenza normali u qawwija b’kurrent dirett (DC) għall-karozzi tal-linja elettriċi għandhom ikunu mgħammra tal-inqas b’konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunti “Combo 2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196-3;

l-apparat awtomatizzat tal-interfaċċa tal-kuntatt għall-karozzi tal-linja elettriċi li jiċċarġjaw b’mod konduttiv fil-modalità 4, skont l-EN 61851-23-1, li jikkonċerna l-apparat awtomatizzat ta’ konnessjoni (ACD) immuntat fuq l-infrastruttura (pantografu), l-ACD immuntat fuq is-saqaf tal-vettura, l-ACD immuntat taħt il-vettura u l-ACD immuntat fuq l-infrastruttura u konness mal-ġenb jew fuq is-saqaf tal-vettura, għandu jkun mgħammar b’interfaċċi mekkaniċi u elettriċi, kif definit fl-istandard EN 50696.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta’ Settembru 2023.

Dan ir-regolament japplika biss għall-punti tal-iċċarġjar għall-karozzi tal-linja elettriċi li jiġu installati wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament ma japplikax għall-iċċarġjar tal-infrastruttura għall-kejbils fil-għoli (katenarji) tat-trolleybuses.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(3)  M/533 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 1330 final tat-12 ta’ Marzu 2015, dwar talba tal-istandardizzazzjoni indirizzata lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex jiġu abbozzati standards Ewropej għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 116).