1.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1423

tal-21 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati skont id-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-iskambju sistematiku, b’mezzi elettroniċi, ta’ informazzjoni dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew il-pussess ta’ ċerti armi tan-nar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(5), tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva (UE) 2021/555 jipprevedu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew il-pussess ta’ armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A jew fil-kategorija B, inklużi għotjiet magħmula bil-konferma, it-tiġdid jew it-titwil ta’ awtorizzazzjoni eżistenti. Il-Kapitolu 2 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi wkoll għar-rieżami perjodiku u l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet.

(2)

L-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2021/555 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni rigward ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet kif previst fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dik id-Direttiva, għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ affidabbiltà tal-persuna kkonċernata. Peress li d-Direttiva (UE) 2021/555 ma tiddefinix il-kunċetti ta’ “raġunijiet ta’ sigurtà jew b’rabta mal-affidabbiltà tal-persuna kkonċernata”, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-objettivi tad-Direttiva (UE) 2021/555, b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1)(b) tagħha huma u jinterpretaw dawk il-kunċetti.

(3)

L-obbligu skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2021/555 fir-rigward tar-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet huwa mifhum li jkopri kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja meħuda minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, li l-għan jew l-effett tagħha jkun li persuna tiġi prekluża milli takkwista jew ikollha arma tan-nar li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 jew 10 ta’ dik id-Direttiva, kemm jekk bħala segwitu għal talba għall-awtorizzazzjoni kif ukoll jekk le, kemm jekk relatata ma’ armi tan-nar speċifiċi kif ukoll jekk le u kemm jekk tittieħed skont is-setgħat li jirriżultaw taħt dik id-Direttiva speċifikament kif ukoll jekk le. Pereżempju, l-obbligu jkopri projbizzjoni ġenerali fuq l-akkwist jew il-pussess ta’ armi tan-nar minn persuna partikolari, irrispettivament minn jekk dik il-persuna tkunx applikat qabel għal awtorizzazzjoni. Huwa jkopri wkoll kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li tirtira awtorizzazzjoni eżistenti jew li tirrifjuta li tikkonferma, iġġedded jew ittawwal awtorizzazzjoni eżistenti. L-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2021/555 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni dwar dawn id-diversi tipi kollha ta’ deċiżjoni, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tkun ittieħdet għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ affidabbiltà tal-persuna.

(4)

L-Artikolu 18(5) tad-Direttiva (UE) 2021/555 jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprevedi sistema għall-iskambju ta’ kwalunkwe informazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu. Dan għalhekk jinkludi sistema għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet.

(5)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fl-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2021/555 rigward it-trasferiment ta’ armi tan-nar minn Stat Membru għall-ieħor huma s-suġġett ta’ proġett pilota skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern stabbilita b’dak ir-Regolament tista’ tkun ukoll għodda effettiva biex tiġi implimentata d-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2021/555 dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1427 (3)tagħmel dik id-dispożizzjoni soġġetta għal proġett pilota skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012. Sabiex tipproteġi d-data personali tal-individwi u d-drittijiet tagħhom għall-privatezza, dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tispeċifika li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern se tippermetti biss lill-awtoritajiet nazzjonali jiċċekkjaw jekk tkunx inkluża informazzjoni dwar individwi speċifiċi fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, u mhux li jfittxu b’referenza għal kriterji aktar ġenerali. Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jinkludi wkoll salvagwardji speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għad-data personali fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u l-ipproċessar tagħha, pereżempju r-regoli skont l-Artikolu 9(4) li jippermettu biss l-aċċess fuq bażi tal-ħtieġa ta’ għarfien. Għalhekk huwa xieraq li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern tiġi identifikata bħala s-sistema li għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet, u li jiġu stabbiliti l-arranġamenti dettaljati għal dawn l-iskambji.

(6)

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istati Membri, l-arranġamenti dettaljati stabbiliti minn dan ir-Regolament għall-iskambju tal-informazzjoni permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern jenħtieġ li japplikaw biss għad-deċiżjonijiet ta’ rifjut meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew wara.

(7)

Sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tal-individwi kkonċernati, l-informazzjoni li għandha tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern minn awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun limitata għall-minimu neċessarju li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra jivverifikaw jekk persuna partikolari tkunx jew kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà jew tal-affidabbiltà tagħha. L-informazzjoni għalhekk jenħtieġ li tinkludi biss data personali bħall-isem tal-persuna, il-post u l-pajjiż tat-twelid tagħha u n-nazzjonalità tagħha.

(8)

Bl-istess mod, sabiex jiġu protetti d-data personali tal-individwi u d-drittijiet tagħhom għall-privatezza, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet speċifiċi għaliex tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ rifjut jenħtieġ li ma jiġux irreġistrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. B’mod partikolari, jenħtieġ li fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ma tiġix irreġistrata informazzjoni dwar ir-rekord kriminali ta’ persuna jew dwar l-istatus mediku jew psikoloġiku tagħha. Meta awtorità kompetenti fi Stat Membru tkun teħtieġ aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal deċiżjoni ta’ rifjut meħuda fi Stat Membru ieħor, dik l-awtorità kompetenti tkun tista’ tikkuntattja lill-awtorità rilevanti fl-Istat Membru l-ieħor barra mis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern billi tuża mezz xieraq ta’ komunikazzjoni u f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Għal dak il-għan, meta jirreġistraw deċiżjoni ta’ rifjut fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, l-Istati Membri jenħtieġ li jindikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tkun ħadet id-deċiżjoni ta’ rifjut u, meta tkun differenti, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità li tkun tista’ tiġi kkuntattjata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra meta jkunu qegħdin ifittxu aktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni ta’ rifjut.

(9)

Ir-rifjuti jenħtieġ li jiġu rreġistrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern anki jekk jistgħu jkunu soġġetti għal appell amministrattiv jew ġudizzjarju. Jekk deċiżjoni ta’ rifjut tiġi annullata jew inkella titqies bħala invalida wara li tkun iddaħħlet informazzjoni dwarha fiss-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, jenħtieġ li l-awtorità rilevanti jkollha tkun meħtieġa tneħħi l-entrata relatata ma’ dak ir-rifjut sa mhux aktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara li d-deċiżjoni ta’ rifjut tkun ġiet annullata jew instabet li hija invalida.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni kontenuta fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern tibqa’ preċiża u kompleta, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom jaġġornaw l-entrati tagħhom kull meta sseħħ bidla rilevanti. Pereżempju, jekk projbizzjoni ta’ 5 snin suċċessivament titnaqqas għal 3 snin, l-Istat Membru jkun irid jaġġorna l-entrata biex jirreġistra d-data tat-tmiem ġdida tal-projbizzjoni. Fil-każ ta’ projbizzjonijiet ta’ aktar minn 10 snin, inklużi l-projbizzjonijiet indefiniti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom ukoll jirrieżaminaw l-entrata mill-anqas darba kull 10 snin u jikkonfermaw li din tkun għadha valida (jew jaġġornawha kif meħtieġ).

(11)

Huwa neċessarju li jiġi stabbilit il-perjodu taż-żmien li l-informazzjoni dwar rifjut partikolari mistennija tibqa’ aċċessibbli mill-Istati Membri fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. Dak il-perjodu jrid jilħaq bilanċ bejn il-ħtieġa li s-sistema ta’ skambju tal-informazzjoni tkun kemm jista’ jkun effettiva u utli għall-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġu protetti d-data personali tal-individwi u d-drittijiet tagħhom għall-privatezza. Rifjut jista’ jkun deċiżjoni sempliċi, ta’ darba, li tirrifjuta talba għall-awtorizzazzjoni u tħalli lill-applikant liberu li jerġa’ japplika għall-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe ħin fil-ġejjieni, jew jista’ jkun deċiżjoni b’effett kontinwu, bħal deċiżjoni ta’ rifjut li jkollha l-effett, direttament jew indirettament, li tipprojbixxi lill-applikant milli jerġa’ japplika għall-awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ żmien jew deċiżjoni li tipprojbixxi persuna milli jkollha armi tan-nar għal perjodu fiss jew indefinit. Fid-dawl tal-prattiki attwali fl-Istati Membri għad-diversi tipi ta’ rifjut li jistgħu jseħħu, huwa xieraq li f’dan ir-Regolament jiġi stipulat li l-informazzjoni dwar deċiżjoni ta’ rifjut tibqa’ aċċessibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern għal perjodu ta’ 10 snin wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut, fil-każ ta’ deċiżjonijiet sempliċi ta’ darba, jew għal perjodu ta’ 10 snin wara li d-deċiżjoni ta’ rifjut tkun waqfet milli jkollha effett, fil-każ ta’ deċiżjonijiet b’effett kontinwu.

(12)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu biex tqis kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni li jistgħu jitqajmu mill-Istati Membri.

(13)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita sabiex l-Istati Membri jkollhom żmien suffiċjenti biex idaħħlu fis-seħħ il-proċeduri neċessarji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-iskambju, permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 18(5) tad-Direttiva (UE) 2021/555, ta’ informazzjoni dwar ir-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet kif previst fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dik id-Direttiva, għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ affidabbiltà tal-persuna kkonċernata.

Rifjut jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss jekk id-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li biha l-persuna kkonċernata tiġi prekluża milli takkwista jew ikollha l-armi tan-nar rilevanti (f’dan ir-Regolament imsejħa “id-deċiżjoni ta’ rifjut”) tkun ittieħdet fi jew wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Is-sistema ta’ skambju elettroniku

Għall-finijiet tal-iskambju tal-informazzjoni li għaliha japplika dan ir-Regolament, is-sistema msemmija fl-Artikolu 18(5) tad-Direttiva (UE) 2021/555 għandha tkun is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern kif prevista fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1427.

Artikolu 3

Informazzjoni li għandha tiġi skambjata

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2021/555 dwar ir-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni kif previst fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dik id-Direttiva, għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ affidabbiltà tal-persuna kkonċernata, għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

l-isem tal-persuna kkonċernata;

(b)

id-data tat-twelid ta’ dik il-persuna;

(c)

il-post u l-pajjiż tat-twelid ta’ dik il-persuna;

(d)

in-nazzjonalità ta’ dik il-persuna;

(e)

id-data meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut;

(f)

in-numru ta’ referenza nazzjonali jew identifikatur uniku ieħor tad-deċiżjoni ta’ rifjut, jekk ikun ġie allokat tali numru jew identifikatur lid-deċiżjoni ta’ rifjut fl-Istat Membru fejn tkun ittieħdet;

(g)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tkun ħadet id-deċiżjoni ta’ rifjut u, jekk tkun differenti, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità li għandha tiġi kkuntattjata biex titfittex aktar informazzjoni dwar ir-rifjut;

(h)

għal liema waħda mit-tliet kategoriji li ġejjin tappartjeni d-deċiżjoni ta’ rifjut:

(i)

deċiżjonijiet ta’ rifjut li joperaw biex jipprekludu persuna milli takkwista jew ikollha arma tan-nar b’mod indefinit, mingħajr data tat-tmiem fissa;

(ii)

deċiżjonijiet ta’ rifjut li joperaw biex jipprekludu persuna milli takkwista jew ikollha arma tan-nar għal perjodu definit, b’data tat-tmiem fissa (inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw talba għall-awtorizzazzjoni li jkollhom l-effett li jipprojbixxu lill-persuna milli terġa’ tapplika għall-awtorizzazzjoni fi żmien perjodu definit, b’data tat-tmiem fissa);

(iii)

deċiżjonijiet ta’ rifjut li ma jaqgħux la taħt il-punt (i) u lanqas taħt il-punt (ii);

(i)

jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut taqa’ taħt il-punt (h)(ii), id-data tat-tmiem fissa inkwistjoni;

(j)

għal liema waħda mit-tliet kategoriji li ġejjin tappartjeni d-deċiżjoni ta’ rifjut:

(i)

deċiżjonijiet ta’ rifjut meħuda bi tweġiba għal talba għall-awtorizzazzjoni kif previst fl-Artikolu 9 jew 10 tad-Direttiva (UE) 2021/555, jew bi tweġiba għal talba għall-konferma, it-tiġdid jew it-titwil ta’ tali awtorizzazzjoni;

(ii)

deċiżjonijiet ta’ rifjut li jirtiraw awtorizzazzjoni mogħtija, ikkonfermata, imġedda jew imtawla skont l-Artikolu 9 jew 10 tad-Direttiva (UE) 2021/555;

(iii)

deċiżjonijiet ta’ rifjut li ma jaqgħux la taħt il-punt (i) u lanqas taħt il-punt (ii).

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (d), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprovdu aktar dettalji ta’ identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata, bħall-kodiċi tat-taxxa, in-numru tal-passaport jew in-numru tal-karta tal-identità, fejn meħtieġ biex dik il-persuna tiġi identifikata b’mod korrett.

3.   L-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 u, fejn applikabbli, id-dettalji ulterjuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddaħħlu fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern fi żmien 30 jum tal-kalendarju mid-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut u għandhom ikunu immedjatament aċċessibbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

Artikolu 4

Obbligi li titneħħa, tiġi aġġornata u tiġi rieżaminata l-informazzjoni

1.   Meta deċiżjoni ta’ rifjut tiġi annullata jew inkella titqies bħala invalida wara li tkun iddaħħlet informazzjoni dwarha fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, l-awtorità kompetenti għandha tneħħi l-entrata mis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern fi żmien 30 jum tal-kalendarju mill-annullament jew is-sejba ta’ invalidità.

2.   Meta, f’ċirkustanzi għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern dwar deċiżjoni ta’ rifjut ma tibqax preċiża u kompleta għal kwalunkwe raġuni, inkluż bħala riżultat tar-revoka jew tal-emenda sussegwenti tad-deċiżjoni ta’ rifjut, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern relatata ma’ dak ir-rifjut fi żmien 30 jum tal-kalendarju mid-data li fiha l-informazzjoni ma tkunx baqgħet preċiża jew kompleta. F’każ li jinvolvi r-revoka tad-deċiżjoni ta’ rifjut, id-data minn meta tidħol fis-seħħ ir-revoka (“id-data tar-revoka”) għandha tiżdied mal-entrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

3.   Fil-każ ta’ entrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern għal deċiżjoni ta’ rifjut li taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(h)(i), l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-entrata mill-anqas darba kull 10 snin mid-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut u għandha taġġorna l-entrata, immedjatament wara kull rieżami bħal dan, biex tikkonferma li d-deċiżjoni ta’ rifjut tibqa’ fis-seħħ jew, jekk id-deċiżjoni tkun ġiet revokata, biex tirreġistra d-data tar-revoka f’konformità mal-paragrafu 2.

4.   Fil-każ ta’ entrata għal deċiżjoni ta’ rifjut li taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(h)(ii) b’data tat-tmiem fissa li tkun ta’ aktar minn 10 snin wara d-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut, l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-entrata mill-anqas darba kull 10 snin mid-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut, sad-data rreġistrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern bħala d-data tat-tmiem fissa, u għandha taġġorna l-entrata, immedjatament wara kull rieżami bħal dan, biex tikkonferma li d-deċiżjoni ta’ rifjut tibqa’ fis-seħħ jew, jekk id-deċiżjoni tkun ġiet revokata, biex iżżid id-data tar-revoka f’konformità mal-paragrafu 2.

5.   Jekk deċiżjoni ta’ rifjut tiġi revokata, l-obbligu fil-paragrafu 3 jew, kif applikabbli, fil-paragrafu 4 ma għandux jibqa’ japplika għall-entrata ladarba din tkun ġiet aġġornata biex tiżdied id-data tar-revoka f’konformità mal-paragrafu 2.

Artikolu 5

Perjodu li matulu l-informazzjoni tibqa’ aċċessibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

1.   L-informazzjoni skambjata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern skont dan ir-Regolament għandha tibqa’ aċċessibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern għal 10 snin minn dik id-data minn dawn li ġejjin li hija l-aktar waħda reċenti, sa fejn ikunu applikabbli għad-deċiżjoni ta’ rifjut inkwistjoni, u b’kont meħud ta’ kwalunkwe aġġornament magħmul f’konformità mal-Artikolu 4:

(a)

id-data rreġistrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern bħala d-data meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ rifjut;

(b)

id-data rreġistrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern bħala d-data li fiha l-entrata ġiet aġġornata l-aħħar biex tikkonferma li d-deċiżjoni ta’ rifjut tibqa’ fis-seħħ;

(c)

id-data rreġistrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern bħala d-data tat-tmiem fissa tad-deċiżjoni ta’ rifjut.

Madankollu, fil-każ ta’ entrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern soġġetta għall-obbligu skont l-Artikolu 4(4), jekk l-awtorità kompetenti tonqos milli tikkonforma ma’ dak l-obbligu, l-entrata ma għandhiex tibqa’ aċċessibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern mal-iskadenza tad-data ta’ skadenza stabbilita minn dak l-Artikolu għall-konformità ma’ dak l-obbligu.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut li għaliha tiġi rreġistrata data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern bħala d-data minn meta tidħol fis-seħħ ir-revoka tad-deċiżjoni, l-entrata ma għandhiex tibqa’ aċċessibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern mal-iskadenza tal-perjodu ta’ 10 snin mid-data rreġistrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern bħala d-data tar-revoka.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-31 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 115, 6.4.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1427 tal-21 ta’ Mejju 2021 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva marbuta mar-rifjuti li jingħataw awtorizzazzjonijiet kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2021/555 permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Ara l-paġna 20 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).