20.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/16


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1375

tal-11 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward tal-modifika ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (2), li ssostitwixxa u ħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 (3), jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-protezzjoni, tat-tħassir u tal-modifika ta’ termini tradizzjonali.

(2)

L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jistabbilixxi li l-modifika ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat jista’ jikkonċerna biss l-elementi msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 26(1) ta’ dak ir-Regolament, li jirreferu rispettivament għat-tip ta’ terminu tradizzjonali, għal-lingwa li fiha t-terminu tradizzjonali huwa espress u l-kategorija ta’ prodotti tad-dwieli kkonċernata mill-użu tiegħu.

(3)

Madankollu, l-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 ippreveda lista itwal ta’ modifiki possibbli. B’mod partikolari, inkluda l-possibilità li jiġi modifikat it-terminu tradizzjonali nnifsu, il-lingwa li biha t-terminu tradizzjonali huwa indikat, l-inbid jew l-inbejjed ikkonċernati u s-sommarju tad-definizzjoni jew il-kundizzjonijiet tal-użu tat-terminu tradizzjonali. Għaldaqstant, il-possibilitajiet tal-modifika skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 kienu aktar wiesgħa u ppermettew lill-produtturi tal-inbid biex jestendu jew jillimitaw, pereżempju, il-lista tal-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta li kienu awtorizzati biex jużaw terminu tradizzjonali jew biex jemendaw il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ terminu tradizzjonali, inklużi l-metodi ta’ produzzjoni tal-inbejjed ikkonċernati.

(4)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward ta’ termini tradizzjonali ġew abbozzati bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-kontinwità tal-qafas komuni relatata mat-termini tradizzjonali li ġew stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009, filwaqt li jkomplu u jiċċaraw il-proċeduri eżistenti kull meta jkun meħtieġ. L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jagħmel referenzi diretti għall-elementi ta’ formola ta’ applikazzjoni kkompletati kif xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, minħabba ommissjoni involontarja, il-punt (a) tal-Artikolu 26(1), li jirreferi għall-isem tat-terminu tradizzjonali kkonċernat, il-punt (e) tal-Artikolu 26(1), li jirreferi għas-sommarju tad-definizzjoni u l-kundizzjonijiet tal-użu u l-punt (f) tal-Artikolu 26(1), li jirreferi għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kkonċernati, ma kinux imsemmija fil-lista stabbilita fl-Artikolu 34, minkejja li dawn l-elementi kienu inklużi fl-Artikolu 42a tar-Regolament (KE) Nru 607/2009. Dan għandu l-konsegwenza mhux intenzjonata li l-possibilitajiet għall-modifika ta’ terminu tradizzjonali jkunu ristretti għall-modifika tat-tip ta’ terminu tradizzjonali, il-lingwa u l-kategorija ta’ prodotti ta’ dwieli kkonċernati.

(5)

F’termini prattiċi, il-formulazzjoni attwali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 ixekkel il-possibilità li jiġi estiż l-użu ta’ terminu tradizzjonali għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ġodda jew li jiġu esklużi mil-lista tal-inbejjed awtorizzati biex jużaw terminu tradizzjonali ta’ dawk li ma għadhomx konformi mal-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu. Barra minn hekk, ma tippermettix, pereżempju, l-adattament tal-metodi ta’ produzzjoni msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ terminu tradizzjonali f’każ li dawk il-metodi jevolvu minħabba l-kundizzjonijiet ambjentali jew klimatiċi li qed jinbidlu.

(6)

Sabiex tiġi kkoreġuta din l-ommissjoni mhux intenzjonata u biex tiġi rkuprata l-flessibilità mogħtija lid-detenturi ta’ termini tradizzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009, il-lista ta’ modifiki possibbli ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi l-elementi msemmija fil-punti (a), (e) u (f) tal-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jiġi emendat skont dan.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u sabiex jiġi żgurat trattament indaqs tal-applikazzjonijiet kollha għall-modifika ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’mod retroattiv mill-14 ta’ Jannar 2019,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 34

Modifika ta’ terminu tradizzjonali

Applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 25 jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ modifika ta’ terminu tradizzjonali rreġistrat li jikkonċerna l-elementi msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 26(1).

L-Artikoli 26 sa 31 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-applikazzjonijiet għal modifika.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60).