13.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/16 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1352
tas-6 ta’ Mejju 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija biex ikun determinat parametru referenzjarju tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Biex il-metodoloġija għad-determinazzjoni ta’ parametru referenzjarju tkun robusta u affidabbli jenħtieġ li din il-metodoloġija tispeċifika n-natura tad-data tal-input użata u kwalunkwe kriterju li għandu jkun applikabbli f’ċirkostanzi li fihom il-kwantità jew il-kwalità tad-data tal-input taqa’ taħt l-istandards meħtieġa għall-metodoloġija biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju b’mod preċiż u affidabbli, jenħtieġ li tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-relazzjoni bejn is-suppożizzjonijiet ewlenin użati u s-sensittività tal-parametru referenzjarju komputat minn din il-metodoloġija, jenħtieġ li tkun kapaċi tirrappreżenta s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li qed tkejjel, u jenħtieġ li tinkorpora fatturi, inklużi l-parametri u d-data tal-input, li huma l-aktar relevanti biex jitkejjel is-suq sottostanti. |
(2) |
Parametru referenzjarju jiġi kkalkulat bl-użu ta’ formula jew metodu ieħor ta’ kalkolu bbażat fuq il-valuri sottostanti. L-amministraturi għandhom grad ta’ diskrezzjoni fit-tfassil tal-formula, fit-twettiq tal-kalkolu meħtieġ u fid-determinazzjoni tad-data tal-input. Dan il-grad ta’ diskrezzjoni joħloq riskju ta’ manipulazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-amministraturi jiżguraw li meta tintuża din id-diskrezzjoni, ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ kontroll xierqa. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikonoxxi li t-tfassil ta’ metodoloġija tal-parametru referenzjarju jista’ jinkorpora setgħa diskrezzjonali li tkun eżerċitata minn kull amministratur. Huwa importanti li l-metodoloġija tinkludi regoli ċari li jidentifikaw kif u meta din id-diskrezzjoni tkun tista’ tiġi eżerċitata u b’mod partikolari jekk din id-diskrezzjoni hijiex ibbażata fuq algoritmu jew metodoloġija definita minn qabel. Barra minn hekk jenħtieġ li l-metodoloġija tiċċara f’liema ċirkostanzi d-data tat-tranżazzjonijiet fis-suq sottostanti titqies bħala mhux suffiċjenti. |
(3) |
Huwa importanti li amministratur ikun jista’ jibni metodoloġija tal-parametru referenzjarju li tkun reżiljenti għal kundizzjonijiet tas-suq differenti u li tippermetti l-kalkolu tal-parametru referenzjarju fl-aktar ġabra wiesa’ ta’ ċirkostanzi tas-suq possibbli. Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju użata għandha għaldaqstant tiddependi fuq valuri storiċi adegwati u xierqa tal-parametru referenzjarju. Għall-istess raġuni, u b’mod partikolari biex jiġi vvalidat il-kalkolu tal-parametru referenzjarju u biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-metodoloġija ex post, il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju jenħtieġ li tiġi ttestjata retrospettivament mad-data tat-tranżazzjonijiet disponibbli. Tali ttestjar retrospettiv għandu jkun eżerċizzju ex post, li jew juża data disponibbli addizzjonali li ma ntużatx għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju jew juża sorsi oħra ta’ data tat-tranżazzjonijiet, jew li jibni mill-ġdid il-valuri storiċi tal-parametru referenzjarju. Sabiex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tkun kapaċi għall-validazzjoni, huwa importanti li l-ittestjar retrospettiv jitwettaq f’kull rieżami annwali tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju, u skont it-tip ta’ parametru referenzjarju li jkun, jew wara kull bidla materjali ta’ din il-metodoloġija, fuq bażi kontinwa, jew meta jingħata l-ewwel parametru referenzjarju. Is-sejbiet mill-ittestjar retrospettiv għandhom jiġu riflessi fil-metodoloġija. |
(4) |
Metodoloġija tal-parametru referenzjarju li hija reżiljenti jenħtieġ li tkun tista’ tintuża għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju fl-aktar ġabra wiesa’ ta’ ċirkostanzi possibbli, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress. Għalhekk huwa importanti li l-amministraturi jivvalutaw l-impatt ta’ diversi kundizzjonijiet tas-suq fuq il-metodoloġija bl-użu ta’ data storika minn kundizzjonijiet tas-suq taħt stress reali, u li għall-parametri referenzjarji kritiċi tintuża data ipotetika għal kundizzjonijiet tas-suq taħt stress mhux reali. |
(5) |
Metodoloġija tal-parametru referenzjarju li hija traċċabbli u verifikabbli jenħtieġ li tippermetti kontroll kontinwu u kontroll ta’ kull kalkolu tal-parametru referenzjarju. It-traċċabbiltà jenħtieġ li tinkludi d-dokumentazzjoni tal-passi differenti tal-metodoloġija u jenħtieġ li tkun il-bażi għall-verifikazzjoni, jiġifieri l-kapaċità li jiġu mibnija mill-ġdid il-valuri storiċi tal-parametru referenzjarju. |
(6) |
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti u ta’ parametri referenzjarji tad-data regolata ma jkunux soġġetti għal piż amministrattiv eċċessiv. Għalhekk huwa xieraq li tali amministraturi jkunu jistgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx f’ċerti rekwiżiti ta’ kwalità għal dawn il-parametri referenzjarji. Barra minn hekk, meta jkun iġġustifikat fid-dawl tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta bejn l-għoti ta’ parametru referenzjarju u kwalunkwe attività oħra tal-amministratur, u l-livell ta’ diskrezzjoni involut fil-proċess tal-għoti tal-parametru referenzjarju, jenħtieġ li ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji jkunu jistgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx f’ċerti rekwiżiti fir-rigward tar-reżiljenza tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju. |
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority). |
(8) |
L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(9) |
Sabiex tiġi żgurata konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li daħħal fir-Regolament (UE) 2016/1011 l-Artikolu 12(4) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tkun b’saħħitha u affidabbli.
1. Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandha:
(a) |
tkun kapaċi tirrappreżenta s-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li jkollha l-għan li tkejjel u għandha tinkorpora fatturi, inklużi l-parametri u d-data tal-input, li huma l-aktar rilevanti biex jitkejjel is-suq sottostanti; |
(b) |
tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-relazzjoni bejn is-suppożizzjonijiet ewlenin użati u s-sensittività tal-parametru referenzjarju kkalkulat permezz ta’ din il-metodoloġija; |
(c) |
tispeċifika n-natura tad-data tal-input użata fil-metodoloġija; |
(d) |
tispeċifika kwalunkwe kriterju li għandu jkun applikabbli f’ċirkostanzi li fihom il-kwantità jew il-kwalità tad-data tal-input taqa’ taħt l-istandards meħtieġa għall-metodoloġija biex il-parametru referenzjarju jiġi ddeterminat b’mod preċiż u affidabbli. |
2. L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 1, il-punt (b), għal dawn il-parametri referenzjarji.
3. L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji tad-data regolata jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għal dawn il-parametri referenzjarji.
Artikolu 2
Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametri referenzjarji jkollha regoli ċari li jidentifikaw kif u meta tista’ tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni biex jiġi ddeterminat il-parametru referenzjarju.
Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandha tispeċifika dan kollu li ġej:
(a) |
l-istadju tal-kalkolu tal-parametru referenzjarju li fih titwettaq id-diskrezzjoni; |
(b) |
il-kriterji li għandhom jintużaw meta tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni; |
(c) |
id-data tal-input li għandha tiġi kkunsidrata; |
(d) |
fejn applikabbli, lista mhux eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li taħthom:
|
(e) |
it-tip ta’ swieq relatati li għandhom jitqiesu xierqa għall-finijiet tal-punt (d)(i). |
Artikolu 3
Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tkun rigoruża, kontinwa u kapaċi għall-validazzjoni, inkluż, fejn xieraq, l-ittestjar retrospettiv skont id- data disponibbli tat-tranżazzjonijiet.
1. Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011, għandu jkollha dan kollu li ġej:
(a) |
valutazzjoni tal-adegwatezza tal-valuri storiċi għall-parametru referenzjarju prodott minn din il-metodoloġija; |
(b) |
data tal-input affidabbli, inkluż id-daqs xieraq tal-kampjuni tad-data, jekk ikun hemm. |
2. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiżguraw li kwalunkwe ttestjar retrospettiv li għalih hija soġġetta l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju jsir ex post u jirreferi għall-perjodu ta’ żmien xieraq.
L-ittestjar retrospettiv għandu jsir mill-inqas f’kull rieżami annwali tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u wara kwalunkwe bidla materjali ta’ din il-metodoloġija. Għall-parametri referenzjarji tad-data regolata, l-ittestjar retrospettiv għandu jseħħ meta jingħata għall-ewwel darba il-parametru referenzjarju. Għall-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, għandu jitwettaq ittestjar retrospettiv ta’ kull xahar.
Il-metodoloġija tal-parametru referenzjarju għandha tinkludi valutazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv, inklużi l-proċeduri biex jiġi żgurat li anomaliji sistemiċi enfasizzati mill-ittestjar retrospettiv jiġu identifikati u indirizzati kif xieraq.
Artikolu 4
Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-paramentru referenzjarju hija reżiljenti u biex jiġi żgurat li l-parametru referenzjarju jista’ jiġi kkalkulat fl-aktar ġabra wiesa’ ta’ ċirkostanzi possibbli, mingħajr ma tiġi kompromessa l-integrità tiegħu
1. L-amministraturi għandhom jivvalutaw l-impatt ta’ diversi kundizzjonijiet tas-suq fuq il-metodoloġija bl-użu ta’ data storika minn kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq. Meta ma tkun disponibbli l-ebda data storika xierqa, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika għandhom jużaw data ipotetika li tirrappreżenta kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq.
2. L-amministraturi għandhom jużaw parametri u suppożizzjonijiet fil-metodoloġija biex ikopru varjetà ta’ kundizzjonijiet storiċi jew, fil-każ tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, kundizzjonijiet ipotetiċi, inklużi l-aktar perjodi volatili esperjenzati mis-swieq u filwaqt li jitqiesu varjetà ta’ ipoteżijiet għall-korrelazzjoni bejn l-assi sottostanti.
3. L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti u ta’ parametri referenzjarji tad-data regolata jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fir-rigward ta’ dawn il-parametri referenzjarji.
4. L-amministraturi jistgħu jagħżlu li ma japplikaw l-ebda rekwiżit stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
(a) |
in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-għoti tal-parametri referenzjarji; |
(b) |
il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta fl-għoti tal-parametri referenzjarji; |
(c) |
il-livell ta’ diskrezzjoni involut fil-proċess tal-għoti tal-parametri referenzjarji. |
Artikolu 5
Il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tkun traċċabbli u verifikabbli
L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom iżommu rekord iddokumentat tal-awditjar għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju, inkluża kwalunkwe valutazzjoni tar-reżiljenza tal-metodoloġija u tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).