13.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1350

tas-6 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-arranġamenti ta’ governanza ta’ amministratur ikunu b’saħħithom biżżejjed

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ikunu b’saħħithom, l-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji jenħtieġ li jipprevedu struttura organizzattiva li b’mod ċar u ddokumentat tispeċifika l-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-maniġment, il-linji ġerarkiċi interni u t-tqassim tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni involuti fl-għoti ta’ parametru referenzjarju.

(2)

Jenħtieġ li l-arranġamenti ta’ governanza b’saħħithom jippermettu l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess possibbli li jistgħu jinqalgħu fl-istruttura organizzattiva tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji. Għaldaqstant jenħtieġ li, l-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispeċifikaw b’mod partikolari l-istruttura tal-korp maniġerjali u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tiegħu.

(3)

Ċirkustanza li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess ma teskludix awtomatikament lill-persuna involuta f’dan il-kunflitt ta’ interess milli tkun involuta fl-għoti ta’ parametru referenzjarju. Madankollu jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jidentifikaw iċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interess potenzjali jew reali, jivvalutawhom u jiddeċiedu, fejn xieraq, dwar miżuri ta’ mitigazzjoni.

(4)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji li huma parti minn grupp jenħtieġ li jivvalutaw kif xieraq kwalunkwe implikazzjoni tal-istruttura tal-grupp marbuta mal-arranġamenti ta’ governanza tagħhom stess. Tali valutazzjoni jenħtieġ li tqis jekk il-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw jistgħux jikkompromettu l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom. Jenħtieġ li tivvaluta wkoll jekk l-indipendenza tal-amministraturi tistax tiġi kompromessa mill-istruttura tal-grupp jew mill-fatt li membru tal-korp maniġerjali tal-amministraturi jkun ukoll membru tal-bord ta’ entitajiet l-oħra tal-istess grupp. Dawn l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jenħtieġ li jadottaw proċeduri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess li jistgħu jirriżultaw minn din l-istruttura tal-grupp.

(5)

Jenħtieġ li l-amministraturi li joperaw bħala parti minn grupp ikunu jistgħu jfittxu sinerġiji fil-livell tal-grupp. Madankollu, il-funzjonijiet li jiġu esternalizzati fi ħdan il-grupp jenħtieġ li jikkonformaw mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1011 u ma’ kull dispożizzjoni oħra rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti ma jkunux soġġetti għal piż amministrattiv eċċessiv. Fir-rigward tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti tagħhom, jenħtieġ li għaldaqstant dawn l-amministraturi jkunu jistgħu jagħżlu li ma jipparteċipawx f’ċerti rekwiżiti li jirrigwardaw l-istruttura organizzattiva tagħhom. Barra minn hekk, meta jkun iġġustifikat, fid-dawl tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta bejn l-għoti ta’ parametru referenzjarju u kwalunkwe attività oħra tal-amministratur, u l-livell ta’ diskrezzjoni involut fil-proċess tal-għoti tal-parametru referenzjarju, jenħtieġ li ċerti amministraturi tal-parametri referenzjarji jkunu jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-rekwiżit li jispeċifikaw il-proċedura għall-ħatra tal-korp maniġerjali fl-arranġamenti ta’ governanza tagħhom.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

(8)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(9)

Sabiex tiġi żgurata konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li daħħal fir-Regolament (UE) 2016/1011 l-Artikolu 4(9) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, it-tqassim tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet u linji ġerarkiċi interni

1.   L-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiġu approvati mill-korp maniġerjali, jekk ikun hemm, u għandhom jispeċifikaw b’mod ċar u ddokumentat sew, dan li ġej:

(a)

il-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-maniġment;

(b)

l-organigramma tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji, li tistabbilixxi kif il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet jitqassmu lill-persuni direttament involuti fl-għoti ta’ parametru referenzjarju;

(c)

il-linji ġerarkiċi interni.

2.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandhom ikopru dawn kollha li ġejjin, fejn applikabbli:

(a)

il-kompożizzjoni, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali u ta’ kwalunkwe kumitat relatat;

(b)

l-istruttura tal-korp maniġerjali;

(c)

il-ħatra tal-korp maniġerjali.

3.   L-organigramma msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandha tispeċifika kwalunkwe funzjoni esternalizzata fi ħdan u barra l-grupp tal-amministratur u kwalunkwe persunal kondiviż fil-grupp tal-amministratur. Fit-tqassim tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet, l-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi għandhom jiżguraw li meta persuni jwettqu diversi funzjonijiet jew ikunu involuti f’diversi kumitati, dawn ikunu jistgħu jimpenjaw biżżejjed ħin għall-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet mogħtija lilhom u ma jkunux impediti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod sod, onest u professjonali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-amministraturi għandhom iqisu l-għadd ta’ laqgħat li l-persuna rilevanti trid tattendi, in-natura tal-pożizzjoni speċifika u r-responsabbiltajiet relatati u jekk il-persuna kkonċernata twettaqx xi funzjoni jew attività oħra.

4.   L-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jipprevedu qafas ta’ remunerazzjoni ċar għall-persuni kollha direttament involuti fl-għoti tal-parametru referenzjarju, filwaqt li jitqiesu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet mogħtija lilhom.

5.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 2, il-punt (c), u l-paragrafu 4 fir-rigward tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti tagħhom.

6.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 2, il-punt (c), u l-paragrafu 4 meta tali nonparteċipazzjoni tkun adegwata u proporzjonata, filwaqt li jqisu dan li ġej:

(a)

in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-amministratur;

(b)

il-probabbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta bejn l-għoti tal-parametru referenzjarju u kwalunkwe attività oħra tal-amministratur;

(c)

il-livell ta’ diskrezzjoni involut fil-proċess tal-għoti tal-parametru referenzjarju.

Artikolu 2

Obbligu ta’ rendikont

1.   L-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom, bħala parti mill-istruttura organizzattiva tagħhom, jispeċifikaw b’mod ċar u ddokumentat sew l-obbligu ta’ rendikont tal-persuni li ġejjin:

(a)

il-persuni responsabbli għad-deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-għoti tal-parametru referenzjarju, b’mod partikolari meta t-teħid ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiġi ddelegat

(b)

il-persuni responsabbli mill-pubblikazzjoni jew id-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess eżistenti jew potenzjali skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(c)

il-persuni responsabbli għall-istabbiliment ta’ proċeduri speċifiċi ta’ kontroll intern biex jiġu żgurati l-integrità u l-affidabbiltà tal-impjegat jew tal-persuna li tiddetermina l-parametru referenzjarju, imsemmija fl-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(d)

il-persuni responsabbli għar-rappurtar intern ta’ kwalunkwe ċirkostanza li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess.

2.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu jagħżlu li ma japplikawx il-paragrafu 1, il-punt (d), fir-rigward tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti tagħhom.

Artikolu 3

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza

1.   L-arranġamenti ta’ governanza tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiżguraw li l-maniġers jew l-impjegati kollha tagħhom, u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom u li jkunu direttament involuti fl-għoti ta’ parametru referenzjarju, ikunu konxji mir-responsabbiltajiet tagħhom u mill-proċeduri li jridu jsegwu għat-twettiq xieraq ta’ dawn ir-responsabbiltajiet.

2.   Meta amministratur ta’ parametru referenzjarju jkun parti minn grupp, l-arranġamenti ta’ governanza ta’ dak l-amministratur għandhom jiddettaljaw kwalunkwe funzjoni relatata ma’ kwalunkwe servizz u attività kkonċernati li jkunu ġew esternalizzati biex jingħata parametru referenzjarju, inkluż lil entitajiet fi grupp, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).