13.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1349

tas-6 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ konformità tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-amministrazzjoni obbligatorja ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valutazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 21(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tirrigwarda jew kif parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jiġi ttrasferit lill-amministratur il-ġdid jew kif dan il-parametru referenzjarju għandu jieqaf milli jingħata. Għalhekk huwa xieraq li jiġu speċifikati żewġ settijiet ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti, skont liema xenarju jkunu qed jivvalutaw.

(2)

Meta parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jkun se jiġi ttrasferit lil amministratur ġdid, jenħtieġ li l-amministratur il-ġdid ikun jista’ jiżgura li l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jkompli jingħata b’tali mod li l-entitajiet taħt superviżjoni jkunu jistgħu jkomplu jużawh mingħajr interruzzjoni u f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011. Għalhekk hemm bżonn li jiġu speċifikati l-kriterji li awtorità kompetenti jenħtieġ li tikkunsidra meta tivvaluta jekk l-amministratur il-ġdid jistax jiżgura din il-kontinwità.

(3)

Is-superviżjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jenħtieġ li tiġi żgurata matul it-tranżizzjoni ta’ dan il-parametru referenzjarju għal amministratur ġdid. Hemm riskju ogħla ta’ diskontinwità fis-superviżjoni ta’ dan il-parametru referenzjarju meta l-amministratur il-ġdid ikun jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-awtorità kompetenti li tagħmel il-valutazzjoni dwar kif il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jiġi ttrasferit lil dak l-amministratur il-ġdid. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkooperaw biex jiżguraw li l-awtorità kompetenti li tagħmel il-valutazzjoni tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kontinwazzjoni tas-superviżjoni tal-parametru referenzjarju hijiex se tiġi żgurata matul din it-tranżizzjoni, inkluża analiżi li tiffoka fuq il-post tal-amministratur il-ġdid u l-istatus ta’ awtorizzazzjoni tiegħu.

(4)

Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti, meta tivvaluta kif parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jiġi ttrasferit lil amministratur il-ġdid, tanalizza minn perspettiva operazzjonali kif l-għoti ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika se jiġi ttrasferit mill-amministratur attwali għall-amministratur il-ġdid. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti kkonċernata tqis b’mod partikolari l-pubblikazzjoni mingħajr interruzzjoni tal-parametru referenzjarju, id-disponibbiltà tad-data tal-input, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju u kwalunkwe involviment meħtieġ ma’ kwalunkwe kontributur, utent u parti kkonċernata oħra.

(5)

Awtorità kompetenti li tivvaluta kif parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jitwaqqaf milli jingħata jenħtieġ li tkun sodisfatta li l-parametru referenzjarju jista’ jitwaqqaf milli jingħata b’mod ordnat, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-proċedura għall-waqfien tal-parametru referenzjarju stabbilita mill-amministratur tiegħu, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011. Għalhekk hemm bżonn li jiġu speċifikati l-kriterji li awtorità kompetenti jenħtieġ li tikkunsidra biex tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.

(6)

Awtorità kompetenti li tivvaluta kif parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jieqaf milli jingħata jenħtieġ li tikkunsidra wkoll il-pjanijiet bil-miktub għall-waqfien tal-parametru referenzjarju msemmi fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011. Dawn il-pjanijiet bil-miktub ta’ utenti differenti ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika mhux dejjem jistgħu jkunu allinjati u jistgħu ma jkunux konsistenti jekk jiġu applikati fl-istess ħin. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw sa liema punt dawn il-pjanijiet bil-miktub huma kompatibbli bejn l-utenti differenti tal-parametru referenzjarju, inkluż fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jixprunaw il-waqfien tal-parametru referenzjarju li dawn il-pjanijiet bil-miktub jipprevedu, u kif dawn il-pjanijiet bil-miktub jistgħu jintużaw biex jiġi żgurat il-waqfien tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika b’mod ordnat.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

(8)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi bil-miftuħ dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(9)

Sabiex tiġi żgurata konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li daħħal fir-Regolament (UE) 2016/1011 l-Artikolu 21(5) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji għall-valutazzjoni tat-tranżizzjoni għal amministratur ġdid

L-awtoritajiet kompetenti, meta jivvalutaw kif parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jiġi ttrasferit għal amministratur ġdid, għandhom jikkunsidraw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-amministratur il-ġdid propost fil-valutazzjoni sottomessa mill-amministratur attwali, skont l-Artikolu 21(1), il-punt (b)(i), tar-Regolament (UE) 2016/1011:

(i)

jinsabx fl-istess Stat Membru bħall-amministratur attwali, jew fi Stat Membru differenti, f’liema każ l-awtorità kompetenti, fejn meħtieġ, għandha tikkoopera mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-amministratur il-ġdid biex tivvaluta jekk is-superviżjoni tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika hijiex se tiġi żgurata matul it-tranżizzjoni għall-amministratur il-ġdid;

(ii)

huwiex entità taħt superviżjoni u, jekk iva, għal liema attivitajiet huwa ssorveljat, u jekk hemmx xi kunflitt ta’ interess reali jew potenzjali mal-attivitajiet eżistenti ta’ din l-entità;

(iii)

huwiex utent tal-parametru referenzjarju u, jekk iva, jekk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jinqalgħu humiex mitigati b’mod adegwat;

(iv)

għandux diġà l-awtorità ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(v)

huwiex diġà jipprovdi parametri referenzjarji, u jekk huwa hekk, jekk dawn il-parametri referenzjarji humiex ta’ importanza kritika, sinifikanti, mhux sinifikanti, ta’ komoditajiet jew ta’ parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax.

(b)

jekk l-amministratur attwali tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika infurmax lil xi kontributur, xi utent u xi partijiet ikkonċernati oħra, jew jekk wettaqx konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-possibilità ta’ tranżizzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għall-amministratur il-ġdid;

(c)

il-mod li bih l-amministratur il-ġdid biħsiebu jikkalkula l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika u jekk dan l-amministratur għandux l-intenzjoni li jemenda xi wieħed mill-elementi li ġejjin relatati mal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika u, jekk iva, kif l-amministratur se jiżgura l-konformità ta’ dawk l-elementi mar-Regolament (UE) 2016/1011:

(i)

il-metodoloġija, inkluża l-kwalità tad-data tal-input, u r-rieżami tagħha;

(ii)

il-politika ta’ kontinġenza għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju;

(iii)

il-proċeduri għat-trattament ta’ żbalji fid-data tal-input jew fid-determinazzjoni mill-ġdid tal-parametru referenzjarju;

(iv)

il-kodiċi ta’ kondotta;

(d)

jekk l-amministratur il-ġdid ikollux aċċess għall-istess data tal-input bħall-amministratur attwali, inkluża d-data tal-input storika miżmuma mill-amministratur attwali

(e)

jekk l-infrastrutturi tal-IT tal-amministratur il-ġdid ġewx ittestjati b’mod adegwat biex jingħata l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika;

(f)

meta l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jkun ibbażat fuq data tal-input li tingħata minn panel ta’ kontributuri, kif l-amministratur il-ġdid biħsiebu jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 11(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2016/1011 u jekk il-kontributuri attwali humiex se jkomplu jkunu parti mill-panel wara t-tranżizzjoni tal-parametru referenzjarju għall-amministratur il-ġdid;

(g)

il-mod li bih l-amministratur il-ġdid biħsiebu jippubblika l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, inklużi l-arranġamenti standard ta’ pubblikazzjoni ta’ kuljum, il-frekwenza tal-pubblikazzjoni, l-indirizz tas-sit web u jekk il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika hux se jkun aċċessibbli mal-pagament ta’ tariffa jew hux se jkun mingħajr ħlas;

(h)

jekk hemmx pjan dettaljat għad-data ta’ tranżizzjoni, u jekk iva, jekk dan il-pjan jittrattax il-kwistjonijiet kollha possibbli, inklużi kwistjonijiet kuntrattwali, li jirriżultaw mit-tranżizzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għall-amministratur il-ġdid;

(i)

ir-riskji legali involuti fit-tranżizzjoni, inkluż ir-riskju ta’ kuntratt li ma jitwettaqx;

(j)

l-implikazzjonijiet tal-kontabbiltà u tat-taxxa tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika li jingħata minn amministratur ġdid;

(k)

l-impatt tat-tranżizzjoni fuq l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, inklużi l-kmamar tal-ikklerjar.

Artikolu 2

Kriterji għall-valutazzjoni tal-waqfien tal-għoti ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, meta jivvalutaw kif parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jitwaqqaf jew jingħata, jikkunsidraw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-effettività tal-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, u b’mod partikolari:

(i)

jekk din il-proċedura tiddefinixxix b’mod preċiż l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-amministratur biex b’mod ordnat ma jingħatax il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika;

(ii)

jekk, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, dawn l-azzjonijiet ikunux adegwati biex jiżguraw il-waqfien b’mod ordnat tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, filwaqt li jitqies ukoll il-kriterju msemmi fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu;

(iii)

meta din il-proċedura saret u meta ġiet aġġornata l-aħħar.

(b)

il-pjanijiet bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, u b’mod partikolari:

(i)

jekk dawn il-pjanijiet bil-miktub jinnominawx parametri referenzjarji alternattivi xierqa li jistgħu jiġu referenzjati biex jissostitwixxu l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika u, jekk iva, jekk dawn il-pjanijiet bil-miktub jinnominawx l-istess parametri referenzjarji alternattivi jew parametri referenzjarji alternattivi differenti;

(ii)

meta dawn il-pjanijiet bil-miktub jinnominaw l-istess parametru referenzjarju alternattiv, jekk dan il-parametru referenzjarju ġiex adottat fi klassijiet ta’ assi differenti;

(iii)

jekk iċ-ċirkostanzi li jiskattaw il-waqfien tal-għoti ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika inkluż fil-pjanijiet bil-miktub humiex l-istess bħal tal-pjanijiet mfassla mill-entitajiet taħt superviżjoni li jużaw dan il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, meta dan ikun jista’ jiġi vvalutat.

(c)

jekk l-amministraturi tal-parametri referenzjarji alternattivi msemmija fil-punt (b)(i) ta’ dan il-paragrafu humiex awtorizzati;

(d)

fejn fattibbli, jekk il-waqfien tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jkollux impatt negattiv fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji (4);

(e)

jekk il-waqfien tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jirriżultax f’sitwazzjoni ta’ force majeure;

(f)

id-dinamika tas-suq jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu l-intenzjoni li jkejjel u jekk teżistix data tal-input ta’ kwalità u kwantità suffiċjenti biex tirrappreżenta dak is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika bi preċiżjoni;

(g)

jekk l-amministratur ikunx informa lil xi kontributur għall-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, lill-utenti ta’ dan il-parametru referenzjarju u lil partijiet ikkonċernati oħra, jew ikunx wettaq konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-waqfien possibbli tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika;

(h)

kwalunkwe riskju legali involut fil-waqfien tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika;

(i)

l-implikazzjonijiet tal-kontabbiltà u tat-taxxa tal-waqfien tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika;

(j)

l-impatt tal-waqfien tal-għoti tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika fuq l-infrastrutturi tas-suq, inklużi l-kmamar tal-ikklerjar.

Għall-finijiet tal-punt (c), meta l-amministraturi tal-parametri referenzjarji alternattivi msemmijin fil-punt (b)(i) ta’ dan il-paragrafu ma jkunux awtorizzati, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1011 u għandha tivvaluta jekk il-perjodu ta’ amministrazzjoni obbligatorja tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika huwiex meħtieġ biex tingħata l-awtorizzazzjoni lill-amministraturi ta’ dawn il-parametri referenzjarji alternattivi.

2.   Minbarra l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), l-awtorità kompetenti tista’ tivvaluta jekk il-proċedura stabbilita mill-amministratur skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 hijiex xierqa meta jitqiesu l-elementi li ġejjin li jikkonċernaw l-istrumenti finanzjarji, il-kuntratti finanzjarji jew il-fondi ta’ investiment li jirreferenzjaw il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika:

(a)

il-volum u l-valur tagħhom;

(b)

it-terminu, it-tul ta’ żmien, il-maturità jew id-data ta’ skadenza tal-istrumenti finanzjarji, il-kuntratti finanzjarji u kwalunkwe dokument ieħor li jsir għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment permezz ta’ indiċi jew kombinazzjoni ta’ indiċijiet bil-għan li jiġi traċċat ir-redditu ta’ dan l-indiċi jew ta’ kombinazzjoni ta’ indiċijiet, li tiġi definita l-allokazzjoni tal-assi ta’ portafoll, jew li jiġu kkalkulati t-tariffi tal-prestazzjoni.

(c)

jekk il-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika hux se jkompli jingħata għall-użu matul perjodu tranżitorju jew ta’ run-off;

(d)

jekk il-proċedura msemmija fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tipprevedix dawn il-bidliet fil-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika skont kif meħtieġ biex jiġi żgurat li l-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jibqa’ affidabbli u rappreżentattiv tas-suq sottostanti jew tar-realtà ekonomika li jkun biħsiebu jkejjel matul il-perjodu msemmi fis-subparagrafu 2(c) ta’ dan l-Artikolu;

(e)

il-possibilità li dawn l-istrumenti finanzjarji, il-kuntratti finanzjarji jew dokumenti oħrajn li jsiru għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment permezz ta’ indiċi jew kombinazzjoni ta’ indiċijiet, bil-għan li jiġi traċċat ir-redditu ta’ dan l-indiċi jew ta’ kombinazzjoni ta’ indiċijiet, li tiġi definita l-allokazzjoni tal-assi ta’ portafoll, jew li jiġu kkalkulati t-tariffi tal-prestazzjoni, jiġu mfixkla jew li t-termini tagħhom jinkisru fil-każ tal-waqfien tal-għoti tal-paramentru referenzjarju ta’ importanza kritika.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/64 tad-29 ta’ Settembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandu l-għan jispeċifika kif il-kriterji tal-Artikolu 20(1)(c)(iii) għandhom jiġu applikati biex jiġi evalwat jekk ċerti attivitajiet jirriżultawx f’impatti sinifikanti u avversi għall-integrità tas-swieq, għall-istabbiltà finanzjarja, għall-konsumaturi, għall-ekonomija reali, jew għall-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar (ĠU L 12, 17.1.2018, p. 5).