|
12.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 289/4 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1335
tas-27 ta’ Mejju 2021
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar ta’ xorb spirituż li jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ xarba spirituża ma’ oġġett tal-ikel wieħed jew aktar
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2019/787 jistabbilixxi regoli dwar id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb alkoħoliku miksub permezz tal-kombinazzjoni ta’ kategorija ta’ xorb spirituż jew Indikazzjoni Ġeografika għal xarba spirituża ma’ oġġetti tal-ikel oħra. Tali xarbiet alkoħoliċi huma deskritti b’termini komposti li jikkombinaw jew isem ġuridiku previst fil-kategoriji ta’ xorb spirituż stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament jew l-Indikazzjoni Ġeografika għal xarba spirituża mal-isem ta’ oġġetti tal-ikel oħrajn. |
|
(2) |
L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2019/787 ma jirrikjedix li l-isem tax-xarba alkoħolika li tirriżulta jintwera fil-kamp viżiv bħat-terminu kompost. Dan jista’ jwassal lill-konsumaturi biex jemmnu li t-terminu kompost huwa l-isem proprju tax-xarba alkoħolika billi jabbuża bla bżonn mir-reputazzjoni tal-kategoriji tax-xorb spirituż jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, partikolarment fil-każijiet fejn ix-xarba alkoħolika li tirriżulta tkun xarba spirituża. |
|
(3) |
L-Artikolu 7(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedi li l-informazzjoni dwar l-ikel ma tiżgwidax, partikolarment fir-rigward tan-natura u l-identità tal-ikel. L-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament jistipula li għandha tingħata informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel, inkluż l-isem tal-oġġett tal-ikel, u l-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għandha tiġi mmarkata f’post li jidher b’tali mod li tkun tidher faċilment, tinqara sew u, fejn adegwat, ma titħassarx. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/787, ir-rekwiżiti tal-preżentazzjoni u tat-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 japplikaw għax-xorb alkoħoliku li jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ xorb spirituż ma’ oġġetti tal-ikel oħra. Sabiex jiġi żgurat li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati bl-aħjar mod, b’mod partikolari għax-xorb spirituż li jirriżulta minn tali kombinazzjoni, huwa xieraq li jkun rikjest li l-isem ġuridiku tax-xarba spirituża li tirriżulta jintwera fl-istess kamp viżiv bħat-terminu kompost li jiddeskrivi dik il-kombinazzjoni. Jenħtieġ li dan iseħħ kull darba li t-terminu kompost ikun indikat fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikkettar ta’ xarba spirituża. Dan jevita prattiki li jiżgwidaw u jiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati kif xieraq dwar in-natura attwali tax-xorb spirituż li jirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ xorb spirituż ma’ oġġetti tal-ikel oħra. |
|
(5) |
Madankollu, jenħtieġ li dan l-obbligu ma japplikax meta, f’konformità mal-Artikolu 10(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/787, l-isem ġuridiku tax-xarba spirituża jkun sostitwit b’terminu kompost li jinkludi l-kliem “likur” jew “krema”, sakemm il-prodott finali jkun jikkonforma mar-rekwiżiti tal-kategorija 33 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/787 jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Jenħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar stabbiliti f’dan ir-Regolament biex ix-xorb spirituż ittikkettat qabel il-31 ta’ Diċembru 2022 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ikun jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq mingħajr ma jkun rikjest li dawn jiġu ttikkettati mill-ġdid. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2019/787 u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta’ vojt regolatorju, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika retroattivament mill-25 ta’ Mejju 2021, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/787, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. It-termini komposti li jiddeskrivu xarba alkoħolika għandhom:
|
(a) |
jidhru b’karattri uniformi tal-istess tipa, daqs u kulur; |
|
(b) |
ma għandhomx jiġu interrotti b’xi element testwali jew ta’ stampi li ma jifformawx parti minnhom; |
|
(c) |
ma għandhomx jidhru f’daqs ta’ tipa akbar mid-daqs tat-tipa użata għall-isem tax-xarba alkoħolika; u |
|
(d) |
f’każijiet fejn ix-xarba alkoħolika tkun xarba spirituża, dejjem ikunu akkumpanjati mill-isem ġuridiku tax-xarba spirituża, li għandu jidher fl-istess kamp viżiv bħat-terminu kompost, sakemm l-isem ġuridiku ma jiġix sostitwit b’terminu kompost f’konformità mal-Artikolu 10(5), il-punt (b).”. |
Artikolu 2
Ix-xorb spirituż li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2019/787 kif emendat b’dan ir-Regolament iżda li jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 u li jkun ġie ttikkettat qabel il-31 ta’ Diċembru 2022 jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).