11.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/37


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1328

tal-10 ta’ Awwissu 2021

li jispeċifika r-rekwiżiti tal-infrastruttura applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet ta’ infrastruttura b’użu doppju skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa huwa li jiġu adattati partijiet tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport għall-użu doppju tal-infrastruttura tat-trasport bil-ħsieb li tittejjeb kemm il-mobbiltà ċivili kif ukoll dik militari. Azzjonijiet jew attivitajiet speċifiċi f’azzjoni, li jappoġġaw partijiet ġodda jew eżistenti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport xierqa għat-trasport militari, sabiex dan jiġi adattat għar-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju, huma eliġibbli li jirċievu assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/1153 b’ċerti kondizzjonijiet.

(2)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet tal-infrastruttura b’użu doppju jiġu speċifikati. Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-informazzjoni li tinsab fir-rekwiżiti militari aġġornati (2) u fl-analiżi tal-lakuni (3), u jenħtieġ li jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tat-trasport Ewropej u dawk internazzjonali.

(3)

Ir-rekwiżiti ta’ użu doppju għandhom jirrappreżentaw valuri u standards tekniċi ġeneriċi għal proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport, li fir-rigward tal-azzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2021/1153, għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għall-adattament tan-netwerks ewlenin jew komprensivi tat-TEN-T bil-għan li jippermettu użu doppju tal-infrastruttura b’difiża ċivili.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Koordinament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1153,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport previsti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2021/1153 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38.

(2)  Rekwiżiti Militari għall-Mobbiltà Militari fl-UE u lil hinn minnha (ST 11373/19; 19.7.2019)

(3)   “Rekwiżiti militari u netwerk trans-Ewropew tat-trasport: analiżi tad-diskrepanzi (SWD (2019) 175 final)” kif ukoll “l-analiżi aġġornata tad-diskrepanzi bejn ir-rekwiżiti militari u r-rekwiżiti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport” (SWD (2020) 144 final)


ANNESS

Tabella 1

Ajruporti u ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Perjodi Operattivi

Il-kostruzzjoni jew l-espansjoni tal-infrastruttura u l-konnessjonijiet mat-trasport u t-tagħmir multimodali li jippermettu l-kapaċità għal operazzjonijiet 24 siegħa kuljum/operazzjonijiet ta’ Matul il-Jum/Matul il-Lejl/F’Kull Tip ta’ Temp.

Jinkludu konnessjonijiet ferrovjarji u tal-pipeline għall-fjuwil (bil-kundizzjoni li jiġi kkonsenjat il-fjuwil kemm għall-inġenji tal-ajru militari kif ukoll dawk ċivili).

2

Operazzjonijiet ta’ Servizz tal-Bażi 24 siegħa kuljum

Kapaċità għal operazzjonijiet ta’ Matul il-Jum/Matul il-Lejl/F’Kull Tip ta’ Temp.

 

3

Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru

Infrastruttura ta’ Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru b’biżżejjed kapaċità biex tiġġestixxi l-operazzjonijiet ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl fil-mitjar.

Għandha tinftiehem skont ir-Regolamenti tal-ICAO u tal-UE kif ukoll il-Linji Gwida tal-EUROCONTROL CUMA.

4

Assi tal-Ajru kuljum

Kapaċità tal-infrastruttura tal-ġestjoni:

Inġenji tal-ajru kuljum: Minimu ta’ 6 kuljum.

Suppożizzjoni għal Inġenji tal-Ajru Wide-Body: massimu ta’ 4 parkeġġi paralleli fuq l-art fuq ir-rampa tal-ajrudrom.

 

5

Tul tar-Runway

Rekwiżit Minimu: 3 000  m.

Rakkomandat: 3 500  m.

Għandu jiġi ddeterminat f’kull Stat Membru fejn tul tar-runway ta’ 2 800  m jista’ jkun biżżejjed

Xieraq għat-Trasport Strateġiku tal-Kategorija tal-Inġenji tal-Ajru kif ukoll għall-inġenji tal-ajru A330/A400M/IL76/B747/An225/C5/C17.

6

Wisa’ tar-Runway

45 m sa 60 m.

Għandu jiġi dderminat f’kull Stati Membri fejn huwa meħtieġ wisa’ ta’ 60 m.

Xieraq għat-Trasport Strateġiku tal-Kategorija tal-Inġenji tal-Ajru kif ukoll għall-inġenji tal-ajru A330/A400M/IL76/B747/An225/C5/C17.

7

Superfiċje tar-Runway

Tista’ tkun tat-tip riġidu jew flessibbli.

Għandu jiġi ddeterminat f’kull Stat Membru fejn il-150 m fit-tmiem tar-runway jenħtieġ li jkunu riġidi biex jiġu miġġielda l-effetti tal-effluss tal-magna tal-ġett.

 

8

Taxiway

Wisa’: 22,5 m, tista’ jkun tat-tip riġidu jew flessibbli.

 

9

Saħħa tal-Paviment tar-Runway

Biżżejjed għall-Inġenji tal-Ajru Wide-Body

Dan ir-rekwiżit jista’ jingħata f’konformità mar-regolamenti tal-ICAO u tal-UE.

10

Rampa tal-ajruport – Tul

Minimu ta’ 190 m.

 

11

Wisa’ tar-Rampa tal-Ajruport

Minimu ta’ 350 m.

 

12

Kapaċità tar-Rampa tal-Ajruport

66 500  m2.

 

13

Paviment tar-Rampa tal-Ajruport Klassifikazzjoni Numru (PCN) (1)

Huwa xprunat min-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru (ACN) (2) derivat mit-tip ta’ subgrad.

L-ACR hija gradazzjoni ta’ unità unika li tesprimi l-effett relatat ta’ inġenju tal-ajru fuq basement għal saħħa ta’ subgrad speċifika li tindika ħxuna partikolari tal-basement (imkejla bil-PCR tiegħu). Dan ir-rekwiżit jista’ jingħata f’konformità mar-Regolamenti tal-ICAO u tal-UE.

Ir-relazzjoni bejn l-ACR/il-PCR hija metodoloġija aġġornata tan-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru (ACN) u tal-metodoloġija tan-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Paviment (PCN). Minn Novembru 2024, il-metodoloġija għall-valutazzjoni u r-rapportar tal-kapaċità ta’ tagħbija tal-paviment tal-mitjar se tiġi espressa bħala relazzjoni bejn il-Gradazzjoni tal-Klassifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru u l-Gradazzjoni tal-Klassifikazzjoni tal-Paviment (ACR/PCR), minflok ir-relazzjoni bejn in-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru u n-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Paviment (ACN/PCN).

Il-metodu ġie approvat mill-Bord tad-Disinn u tal-Operazzjonijiet tal-Ajruport (ADOP) tal-ICAO u minn Lulju 2020 huwa s-Sistema l-ġdida ta’ Gradazzjoni tal-Paviment tal-ICAO. L-adattamenti tad-dokumentazzjoni nazzjonali u tal-ispeċifiċitajiet tad-disinn se jsiru matul perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-2020 u l-2024.

14

Tagħmir tal-Borra u tas-Silġ fuq ir-Runway u Prodotti għat-Tneħħija tas-Silġ

Żona magħluqa għall-ħżin ta’ 180 m2.

 

15

Salvataġġ min-Nirien f’każ ta’ Ħabta (Kategorija)

Faċilità magħmula minn Qafas tal-Azzar jew binja tal-ġebel b’post għall-ħżin (minimu ta’ 200 m2 bi spazju intern tas-segment ta’ 98 m2) biex jinħażnu kemm vetturi għas-salvataġġ f’każ ta’ ħbit kif ukoll vetturi għas-salvataġġ f’każ ta’ nirien.

 


Tabella 2

Portijiet tal-baħar

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Perjodu operattiv tal-port tal-baħar

Il-kostruzzjoni jew l-espansjoni tal-infrastruttura għall-aċċess għan-network tat-trasport multimodali, u t-tagħmir li jippermetti l-operazzjonijiet 24 siegħa kuljum fil-kundizzjonijiet kollha tat-temp.

Tinkludi kapaċità ta’ tkissir tas-silġ u tagħmir għat-tneħħija tal-borra f’port.

Il-bini, il-faċilitajiet tal-ħżin u tal-maħżen, il-krejnijiet, it-trasportaturi, u apparati oħrajn għaċ-ċaqliq tal-merkanzija, u assi mobbli bħal-lokomottivi ma għandhomx jiġu inklużi. L-azzjonijiet ma għandhomx jipprovdu vantaġġ selettiv lil operatur partikolari jew lil grupp ta’ operaturi partikolari u għandhom ikunu aċċessibbli fuq bażi mhux diskriminatorja.

2

Għadd ta’ Rmiġġi

3.

L-irmiġġi għandhom ikunu fi ħdan port kif definit fid-data ġeografika tar-rekwiżiti militari. L-irmiġġi mhux bilfors għandhom ikunu jinsabu ħdejn xulxin.

3

Wisa’

32 m.

Daħla għall-port tal-baħar.

4

Pixka ta’ aċċettazzjoni tal-bastimenti

Minimu ta’ 12 m f’livell baxx ta’ ilma.

Daħla għall-port tal-baħar.

5

Fond tal-port

Minimu ta’ 12-il m, rakkomandat 14-il m biex jippermetti minimu ta’ 2 m fi spazju liberu tal-pixka.

Għandu jiġi ddeterminat f’kull Stat Membru fejn fond tal-port ta’ 12-il m jista’ jkun biżżejjed.

Spazju liberu tal-pixka ta’ 1 m jista’ jkun biżżejjed f’portijiet mingħajr effett ta’ marea.

Daħla għall-port tal-baħar.

6

Tul tal-irmiġġ

Minimu ta’ 310 m u sa 340 m għal kull bastiment.

 

7

Wisa’ tal-irmiġġ fil-port

Minimu ta’ 32 m

Għall-kategorija ta’ vapuri kbar/medji rmiġġati.

8

Tip ta’ rmiġġ fil-port

Jenħtieġ li jakkomoda t-tipi ta’ vapuri li ġejjin:

Barkun, bastimenti tal-merkanzija li titgħabba individwalment, bastimenti tal-kontejners, bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti RoRo, tankers.

 

9

Pixka tal-irmiġġ

Minimu ta’ 12 -ilm, rakkomandat 14-il m.

Għandu jiġi ddeterminat f’kull Stat Membru fejn fond ta’ 12-il m ta’ rmiġġ ikun biżżejjed.

Meħtieġa għall-kategorija ta’ vapuri kbar u RoRo kbar ħafna.

10

Kapaċitajiet ta’ ħatt

2 vapuri simultanjament.

 

11

Għadd ta’ rail spurs/heads

3.

Għadd ta’ railheads meħtieġa.


Tabella 3

Ferroviji

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Perjodu operattiv tas-servizz tar-railhead

Il-kostruzzjoni jew l-espansjoni tal-infrastruttura għall-aċċess għan-network tat-trasport multimodali, u t-tagħmir li jippermetti l-operazzjonijiet 24 siegħa kuljum fil-kundizzjonijiet kollha tat-temp.

 

2

Assi tal-passiġġieri ferrovjarji

Infrastruttura li kapaċi tiġġestixxi l-vaguni tal-passiġġieri tal-ferrovija (kapaċi jittrasportaw lill-passiġġieri), inkluż dawk b’żewġ sulari, għal tagħbija minima ta’ 80 passiġġier fuq kull wieħed; għadd minimu ta’ coaches kuljum: 6 biċċiet.

 

3

Stazzjonijiet ferrovjarji

Infrastruttura ta’ pjattaforma li kapaċi tiġġestixxi 3-4 ferroviji (10 x coaches b’żewġ sulari jew l-ekwivalenti) għal kull stazzjon kuljum (5k passiġġier kuljum għal kull stazzjon).

 

4

Operazzjonijiet tar-railheads

Infrastruttura li kapaċi tiġġestixxi mill-anqas 3 ferroviji tal-merkanzija simultanjament f’postijiet tat-terminal.

It-tagħmir li jivvjaġġa bil-ferrovija se jkun soġġett għal ippjanar bir-reqqa tat-tagħbija u tal-vjaġġ biex tiġi żgurata l-konformità mal-gauge ferrovjarju, l-infrastruttura, ir-rotot u l-mini disponibbli tal-SM.

5

Disponibbiltà tas-sistema ta’ elettrifikazzjoni

Permanenti b’sistema ta’ riżerva irrispettivament mis-sors tal-enerġija.

Tikkonċerna sistemi ta’ riżerva għal stazzjonijiet jew għal faċilitajiet ta’ ġestjoni multimodali.

6

Bipolarizzazzjoni

Iva għall-aċċess.

Tappartjeni għas-sistemi tas-sikurezza u għaċ-ċirkwiti tal-binarji biex jiġu rilevati ferroviji fuq il-binarji, u biex jiġi rilevat jekk ir-railhead tippermettix li binarju wieħed jew aktar fuq linja tal-ferroviji b’aktar minn binarju wieħed jiġi operat fiż-żewġ direzzjonijiet, kemm jekk għal użu regolari kif ukoll għal użu ta’ emerġenza.

7

Disponibbiltà tat-tidwil

Kapaċità tat-tidwil 24 siegħa kuljum fl-istazzjonijiet u fit-terminals.

 

8

Gauge tal-binarji

1 435  mm. Ideali għal network ferrovjarju kontinwu standard pan-Ewropew u mixtieq ħafna għall-mobilità militari.

F’każijiet fejn hemm benefiċċju ċar kemm għas-settur ċivili kif ukoll għal dak militari, jistgħu jiġu aċċettati gauges ferrovjarji ta’ 1 520 /1 524  mm u 1 668  mm.

 

9

Gauge tat-tagħbija

Standard tal-GC rakkomandat.

Għandu jiġi ddeterminat f’kull Stat Membru fejn gauge tat-tagħbija differenti li jkopri P-400 u li jkun konformi mat-TSIs ferrovjarji jkun biżżejjed.

Gauge tat-tagħbija tal-kontejners kbar. Il-GC jaqbel mal-istandard UIC P-400.

10

Għoli massimu tal-merkanzija

4,5 m.

Iċ-ċifra tinkludi l-marġni tas-sikurezza.

11

Wisa’ massimu tal-merkanzija

3,15 m f’ċirkostanzi normali.

Sa 3,75 m f’każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm benefiċċju ċar għall-persuni ċivili u t-TSIs jiġu rrispettati.

Il-wisa’ mixtieq ikun sa 4,5 m għall-moviment militari.

12

Tul massimu tal-merkanzija

18,75 m.

 

13

Tagħbija fuq il-fus ferrovjarju f’tunnellati

Minimu ta’ 22,5 t/fus fuq it-TEN-T ewlieni; rakkomandat 25 t/fus.

Ir-rekwiżit tat-tagħbija fuq il-fus għan-network ferrovjarju ewlieni tat-TEN-T inkluż il-pontijiet huwa minimu ta’ 22,5 t/fus. Ta’ min jinnota li, l-aġġornamenti tal-piż tal-fus għall-minimu ta’ 25 t/fus jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-movimenti ċivili u militari Bħalissa l-moviment militari jinsab fil-limitu tal-piż gross eżistenti.

14

Tul massimu tal-ferrovija

Minimu ta’ 740 m.

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jirrikjedi l-kapaċità li jitħaddmu ferroviji ta’ tul ta’ mill-anqas 740 m.

It-tul ta’ ferrovija miexja jvarja (eż. meta tibbrejkja jew taċċelera). Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ użu doppju huwa kongruenti mar-rekwiżit militari.

15

Siding spurs

Minimu ta’ 3, kull wieħed minimu ta’ ≥ 300 m.

Jista’ jkun fil-viċinanza ta’ jew fil-postijiet tat-terminal.


Tabella 4

Toroq

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Klassifikazzjoni tat-toroq

Korsija waħda: 3,5 m – 5,5 m

Fluss wieħed 5,5 m – 7,3 m

Fluss doppju ≥ 7,3 m.

Fluss wieħed – il-vetturi iżolati jgħaddu jew jivvjaġġaw fid-direzzjoni opposta f’punti/żoni stabbiliti.

Fluss doppju – 2 kolonni ta’ vetturi jivvjaġġaw fl-istess ħin u mill-anqas wisa’ ta’ 2 korsiji (idealment mhux idjaq minn 8,2 m).

Il-proġetti relatati mal-użu ta’ korsiji ta’ emerġenza bħala korsiji addizzjonali huma esklużi.

2

Tipi ta’ rotot

Tip X – rotta li tintuża f’kull tip ta’ temp u miżmuma tajjeb, li tista’ tintuża s-sena kollha sal-kapaċità massima.

It-tip X huwa ppreferut għall-moviment militari, b’superfiċji li ma jgħaddix l-ilma minnhom li ġeneralment ma jiġux affettwati mix-xita jew mit-tibdil fit-temperatura.

3

Piżijiet grossi tat-triq

130 t.

130 t ma jirreferix għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ vetturi b’piż gross ta’ 130 t. Dan ir-rekwiżit ta’ użu doppju jirreferi għall-kapaċità tas-superfiċje tat-toroq li jifilħu l-movimenti jew it-trasport tal-assi militari b’piż żejjed fuq bażi okkażjonali.

Il-limitazzjoni ċivili ta’ 44 t (kif indikat fid-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (4)) jenħtieġ li għalhekk tippermetti movimenti okkażjonali ta’ assi tat-trasport b’piż żejjed sa 130 t b’tagħbija massima fuq il-fus ta’ 12,23 t/fus.

Tali movimenti okkażjonali (kemm militari kif ukoll ċivili) x’aktarx jeħtieġu permessi jew derogi speċjali u miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, li jiġu ddeterminati b’mod eċċezzjonali mill-SM.

4

Piżijiet grossi tal-pontijiet

130 t.

130 t ma jirreferix għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ vetturi b’piż gross ta’ 130 t. Dan ir-rekwiżit ta’ użu doppju jirreferi għall-kapaċità tal-pontijiet li jifilħu l-movimenti jew it-trasport tal-assi militari b’piż żejjed fuq bażi okkażjonali.

Tali movimenti okkażjonali (kemm militari kif ukoll ċivili) x’aktarx jeħtieġu permessi jew derogi speċjali u miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, li jiġu ddeterminati b’mod eċċezzjonali mill-Istati Membri.

Il-pontijiet għandhom ikunu kapaċi jippermettu piż gross ta’ 130 t b’tagħbija massima fuq il-fus ta’ 12,23 t/fus (id-Direttiva 96/53/KE tippermetti sa 11,5 t/fus bl-eċċezzjoni ta’ Franza, fejn it-tagħbija permessa hija ta’ 13 t/fus). F’ċirkostanzi fejn vettura waħda tiżen 130 t, ikun meħtieġ li jiġi żgurat li jkunu ġew applikati miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa bħall-veloċità, id-distanza għal vetturi oħra u, jekk ikun meħtieġ, jiġi impost fluss wieħed tat-traffiku għall-użu tal-pont.

Il-pontijiet tat-toroq huma ddisinjati biex jifilħu vetturi mgħobbija kompletament tul it-tul kollu tagħhom f’kull korsija. Għalhekk, jekk pont jiflaħ diversi trakkijiet li jiżnu 44 t simultanjament, jenħtieġ li jkun jista’ jiflaħ ukoll piż gross totali okkażjonali ta’ 130 t, jekk jiġu żgurati l-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa bħall-veloċità, id-distanza bejn il-vetturi u d-distanza bejn il-fusien tal-vetturi.

5

Għoli massimu tal-merkanzija

4,5 m.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-mini jeħtieġu kunsiderazzjoni fl-ippjanar tar-rotot b’mod partikolari għal vetturi flatbed, trejlers u oġġetti perikolużi. Għandu jiġi ddeterminat f’kull pajjiż jekk u fejn għandu jkun applikabbli 4,5 m.

Dan jinkludi l-kombinazzjoni tal-għoli tal-gverta tal-merkanzija tal-vettura, flimkien mal-għoli tal-merkanzija u marġni ta’ spazju liberu tas-sikurezza ta’ fuq nett.

Id-Direttiva 96/53/KE tippermetti għoli tal-vettura sa 4 m.

Mal-għoti ta’ permess eċċezzjonali tat-trasport, huwa possibbli għoli ta’ 4,5 m (għoli tat-trasport ta’ 4,35 m + 0,15 m għas-sospensjoni u għall-movimenti tal-vettura).

6

Wisa’ massimu tal-merkanzija

4,5 m.

Kif indikat fid-Direttiva 96/53/KE, il-wisa’ massimu ta’ vettura awtorizzata huwa ta’ 2,55 m. Tipikament, il-vetturi bir-roti jeħtieġu 3,5 m u l-vetturi biċ-ċineg 4,5 m għat-trasport militari. Tali movimenti okkażjonali (kemm militari kif ukoll ċivili) x’aktarx jeħtieġu permessi jew derogi speċjali u miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, li jiġu ddeterminati b’mod eċċezzjonali mill-Istati Membri.

7

Tul massimu tal-merkanzija

18,75 m sa 27,5 m

It-tul massimu tal-vettura huwa ta’ 18,75 m b’estensjoni sa 25,03 m fejn l-iżvilupp tal-infrastruttura jippermetti dan. Vetturi itwal jistgħu jitħallew jiċċirkolaw mal-għoti ta’ permess ta’ trasport eċċezzjonali. Merkanzija li tiżen aktar minn 130 t ġeneralment tkun teħtieġ trattur bi 8 tajers x 4-fusien + kombinazzjoni ta’ trejlers bi 8 fusien. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, semitrejler tradizzjonali bi 8 fusien huwa biżżejjed għal skopijiet b’użu doppju. Madankollu, meta għal raġunijiet prattiċi (eż. għoli tal-ispazju liberu ta’ pont) ikun meħtieġ trejler baxx, dan bilfors ikun semitrejler 3-bed-5, li t-tul tiegħu jkun madwar 22,5 m. Akkoppjat ma’ unità ta’ trattur bi 8 tajers x 4 fusien, it-tul totali tal-vettura kombinata se jkun ta’ madwar 27 m. L-użu ta’ trejlers baxxi jġib benefiċċji f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pontijiet addizzjonali u spazju liberu tal-għoli tal-flyovers, peress li t-tagħbijiet fuq il-fus ta’ vettura itwal se jitqassmu fuq żona akbar, u b’hekk jitnaqqsu t-tagħbijiet fuq il-punti fuq il-pontijiet u fuq l-overpasses. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà jaċċettaw vetturi ta’ 27,5 m bħala parti mill-permessi eċċezzjonali tat-trasport li joħorġu.

8

Raġġ tal-liwja għat-trasport ta’ makkinarju tqil

12,5 m sa 15,5 m.

Għandu jiġi ddeterminat f’kull Stat Membru.

Ir-rekwiżit fid-Direttiva 96/53/KE huwa li l-vetturi tat-triq iridu jkunu jistgħu jduru f’raġġ estern ta’ 12,5 m.


Tabella 5

Passaġġi fuq l-ilma interni

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Mgħalaq

F’konformità mal-istandards tal-“Blue Book” tal-UNECE  (5)

 

2

Pixka

F’konformità mal-istandards tal-“Blue Book” tal-UNECE  (6)

 

3

Irmiġġ

2

Għadd ta’ rmiġġi.

4

Kapaċitajiet ta’ ħatt

2 barkuni simultanjament

 

5

Spazju liberu tal-pont

3,5 m

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.


Tabella 6

Ġestjoni tat-tagħmir multimodali (tat-toroq, ferrovjarju, marittimu u passaġġi fuq l-ilma interni)

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Konnessjoni tan-nodi

Meħtieġa fil-portijiet tal-baħar/fl-ajruport/fil-passaġġi fuq l-ilma interni/fir-railway head/fit-toroq ewlenin fejn applikabbli inkluż punti tat-tagħbija ta’ gverta trażversali tul mezzi tat-trasport multimodali

 

2

Rampi tat-tagħbija u tagħmir tal-ġestjoni/Kapaċità tal-parkeġġ

Għadd suffiċjenti ta’ rampi tat-tagħbija (fissi) li kapaċi jifilħu merkanzija ta’ 100 t u vetturi sa 120 t inkluż Tankijiet tal-Gwerra Ewlenin b’tagħbija massima fuq il-fus ta’ 12,23 t/fus (triq) u minimu ta’ 22,5 t/fus (ferrovija).

Tagħmir tal-maniġġar partikolari għal konnessjoni trażversali ta’ nodi multimodali (ferroviji, ajru, port tal-baħar (LoLo/RoRo) u passaġġi fuq l-ilma interni). Kapaċità ta’ parkeġġ li kapaċi żżomm temporanjament rolling stock u merkanzija ġenerali.

Azzjonijiet relatati mal-infrastruttura fissa li tiflaħ għall-moviment ta’ assi tat-toroq, ferrovjarji, marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’faċilitajiet għall-ġestjoni ta’ tagħmir multimodali.

Xierqa għall-kontejners tal-merkanzija li jissodisfaw id-definizzjoni tal-istandard ISO 1496-1:2013 tas-Serje 1.

Ir-rampi tat-toroq jenħtieġ li jkollhom il-kapaċità li jimmaniġġjaw il-kontejners, it-tagħmir tqil u l-merkanzija ġenerali.

Il-bini, il-faċilitajiet tal-ħżin u tal-imħażen, il-krejnijiet, il-konvejers, u apparati oħra għaċ-ċaqliq tal-merkanzija, u l-assi mobbli bħal-lokomottivi huma esklużi.

L-azzjonijiet ma għandhomx jipprovdu vantaġġ selettiv lil operatur partikolari jew lil grupp ta’ operaturi partikolari u għandhom ikunu aċċessibbli fuq bażi mhux diskriminatorja.


Tabella 7

Ċibersigurtà

Nru

Rekwiżit ta’ użu doppju

Valur ta’ użu doppju

Rimarka

1

Ċibersigurtà

Tagħmir, soluzzjonijiet u sistemi taċ-ċibersigurtà relatati direttament ma’ proposti ta’ proġetti marbuta mar-reżiljenza tal-infrastruttura b’użu doppju, fejn ikun xieraq.

 


(1)  Il-Gradazzjoni tal-Klassifikazzjoni tal-Paviment (PCR) issostitwiet il-metodoloġija tan-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Paviment (PCN). Il-PCN jibqa’ validu matul il-fażi ta’ tranżizzjoni sal-2024.

(2)  Il-Gradazzjoni tal-Klassifikazzjoni tal-Inġenju tal-Ajru (ACR) issostitwiet il-metodoloġija tan-Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Inġenji tal-Ajru (ACN). L-ACN jibqa’ validu matul il-fażi ta’ tranżizzjoni sal-2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(5)  Inventarju tal-istandards u tal-parametri ewlenin tal-“Blue Book” tan-network tal-passaġġi fuq l-ilma E (ECE/TRANS/SC.3/144/Rev.3.), mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-rekwiżit ta’ użu doppju jenħtieġ li jinqara flimkien ma’ dan id-dokument.

(6)  Ibid.