10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1319

tad-9 ta’ Awwissu 2021

li jawtorizza bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid Żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/155/UE (3) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), it-tqegħid fis-suq fl-Unjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum bħala ingredjent tal-ikel ġdid biex jintuża fis-supplimenti tal-ikel.

(4)

F’Ottubru 2017, il-kumpanija Ovalie Innovation (“l-applikant”) informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tqiegħed fis-suq iż-żejt grezz taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum bħala ingredjent tal-ikel ġdid f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Għaldaqstant, l-applikant issottometta rapport lill-awtorità kompetenti tal-Irlanda skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, li, abbażi tal-evidenza xjentifika sottomessa mill-applikant, ġie konkluż li ż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum kien sostanzjalment ekwivalenti għaż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor awtorizzat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/155/UE.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/456 (5) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2165 (6) awtorizzaw il-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum biex jitnaqqas il-valur tas-saponifikazzjoni l-aktar baxx minn 186 mg KOH/g għal 179 mg KOH/g u l-livell minimu ta’ aċidu olejku minn 8,0 % għal 7,0 %.

(6)

Fit-12 ta’ Jannar 2021, l-applikant issottometta applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 sabiex jinbidlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum”. L-applikant talab li jiżdied il-livell massimu tal-valur tal-aċidu fiż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor minn 2,5 mg KOH/g ta’ żejt, kif indikat fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid, għal ≤ 3,5 mg KOH/g ta’ żejt u sabiex tiġi mmodifikata d-deskrizzjoni tal-kulur minn dak “isfar ħafif” għal “safrani sa kannella”.

(7)

L-applikant iġġustifika t-talba billi indika li l-bidla hija meħtieġa sabiex tirrifletti l-varjazzjoni naturali fil-karatteristiċi viżwali taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor u fil-livelli tal-aċidi grassi liberi tagħhom li huma mkejla bit-titrazzjoni tal-idrossidu tal-potassju (KOH) taż-żejt taż-żerriegħa miksub mill-pjanta tal-Coriandrum sativum.

(8)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li mhijiex meħtieġa evalwazzjoni tas-sikurezza mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tal-bidla proposta tal-ispeċifikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Iż-żieda fil-valur tal-aċidu fiż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor minn 2,5 mg għal ≤ 3,5 mg KOH/g ta’ żejt hija paragunabbli mal-valuri tal-aċidu ta’ żjut komuni oħra li jittieklu bi storja twila ta’ konsum sikur, u hija inqas mil-limitu massimu ta’ 4,0 mg KOH/g għal xaħmijiet u żjut li jittieklu stabbilit mill-Programm konġunt dwar l-istandards tal-ikel Codex Alimentarius tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“Codex Alimentarius FAO/WHO”) (7). Abbażi ta’ dan, u għall-konsistenza mal-istandard tal-Codex Alimentarius FAO/WHO, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-limitu għal valur tal-aċidu taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor jenħtieġ li jkun stabbilit ukoll għal 4,0 mg/KOH/g. Il-bidliet proposti fil-parametri tal-ispeċifikazzjoni li jirriflettu l-apparenza fiżika taż-żejt huma wkoll paragunabbli mal-varjazzjonijiet naturali osservati prattikament fiż-żjut li jittieklu kollha u ma jaffettwawx is-sikurezza jew il-valur nutrittiv tiegħu.

(9)

Il-bidliet proposti fil-valuri tal-aċidi u l-apparenza fiżika taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ma jbiddlux il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tas-sikurezza mwettqa mill-Awtorità (8) li appoġġat l-awtorizzazzjoni inizjali tagħha. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum fil-livell ta’ aċidu propost u fir-rigward tal-apparenza fiżika taż-żejt.

(10)

L-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bidliet proposti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum jikkonformaw mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(11)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u inkluża fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għall-ikel ġdid taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum, għandha tiġi emendata kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/155/UE tad-19 ta’ Marzu 2014 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 85, 21.3.2014, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/456 tal-20 ta’ Marzu 2019 li jawtorizza t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “iż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 79, 21.3.2019, p. 13).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2165 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jawtorizza t-tibdil tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid “iż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ” skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 81).

(7)  CODEX STAN 19-1981, Rev. 2 – 1999.

(8)  EFSA Journal 2013;11(10):3422.


ANNESS

Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għaż-“żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum ” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

Żejt taż-żerriegħa tal-kosbor mill-Coriandrum sativum

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

Iż-żejt taż-żerriegħa tal-kosbor huwa żejt li fih il-gliċeridi ta’ aċidi grassi u li huwa prodott miż-żrieragħ tax-xitla tal-kosbor Coriandrum sativum L.

Lewn safrani sa kannella, togħma xejn partikolari

Nru tal-CAS: 8008-52-4

Kompożizzjoni tal-aċidi grassi:

Aċidu palmitiku (C16:0): 2–5 %

Aċidu steariku (C18:0): < 1,5 %

Aċidu petroseliniku (cis-C18:1(n-12)): 60–75 %

Aċidu olejku (cis-C18:1(n-9)): 7–15 %

Aċidu linolejku (C18:2) 12–19 %

α-Aċidu linoleniku (C18:3): < 1,0 %

Aċidi xaħmin trans: < 1,0 %

Purità:

Indiċi rifrattiv (20 °C): 1,466–1,474

Valur tal-aċidu: ≤ 4 mg KOH/g

Valur tal-perossidu (PV): ≤ 5,0 meq/kg

Valur tal-jodju: 88–110 unitajiet

Valur tas-saponifikazzjoni: 179–200 mg KOH/g

Materjal insaponifikabbli: ≤ 15 g/kg”