10.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1317

tad-9 ta’ Awwissu 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi taċ-ċomb f’ċerti oġġetti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għaċ-ċomb (Pb) f’firxa ta’ oġġetti tal-ikel.

(2)

Fit-18 ta’ Marzu 2010, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar iċ-ċomb fl-ikel (3). L-Awtorità identifikat li ċ-ċomb jista’ jikkawża newrotossiċità fil-fażi tal-iżvilupp fit-tfal żgħar u problemi kardjovaskulari u nefrotossiċità fl-adulti. Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċomb kienet ibbażata fuq dawn l-effetti avversi potenzjalment kritiċi. L-Awtorità kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda evidenza għal livell limitu għal għadd ta’ punti tat-tmiem kritiċi, inkluż in-newrotossiċità fil-fażi tal-iżvilupp u n-nefrotossiċità fl-adulti. Għalhekk, ma kienx xieraq li tinkiseb doża tollerabbli fil-ġimgħa. L-Awtorità esprimiet tħassib li kien hemm potenzjal li l-livelli attwali ta’ esponiment djetetiku għaċ-ċomb jistgħu jaffettwaw in-newrożvilupp fil-feti, fit-trabi u fit-tfal.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Awtorità ġew ikkonfermati mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel u l-Kontaminanti (FAO/WHO) fl-2010 (4).

(4)

Fil-41 Sessjoni tagħha (“CAC41”), filwaqt li qieset l-aktar data reċenti dwar l-okkorrenza, il-Kummissjoni Codex Alimentarius baxxiet il-livell massimu tal-Codex għaċ-ċomb fil-melħ (eskluż il-melħ mill-bwar) minn 2 mg/kg għal 1 mg/kg.

(5)

Fit-42 Sessjoni tagħha (“CAC42”), filwaqt li qieset l-aktar data reċenti dwar l-okkorrenza, il-Kummissjoni Codex Alimentarius baxxiet il-livelli massimi tal-Codex ta’ 0,5 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel għal 0,2 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel mill-bhejjem tal-ifrat, 0,15 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel mill-ħnieżer u 0,1 mg/kg għall-ġewwieni li jittiekel mill-pollam. Baxxiet ukoll il-livelli massimi għall-“inbid magħmul mill-għeneb” minn 0,2 mg/kg għal 0,1 mg/kg u stabbiliet livell massimu ta’ 0,15 mg/kg għall-“inbejjed magħmula mill-għeneb” imsaħħa/likuri. Iż-żewġ livelli massimi japplikaw għall-inbid magħmul mill-għeneb maħsud wara d-data li fiha s-CAC42 adottat il-livelli massimi.

(6)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u tal-aktar data reċenti dwar l-okkorrenza, l-esponiment djetetiku għaċ-ċomb fl-ikel jenħtieġ li jitnaqqas fl-Unjoni billi jitbaxxew il-livelli massimi eżistenti jew billi jiġu stabbiliti livelli massimi addizzjonali għall-oġġetti tal-ikel li għalihom livelli aktar baxxi ta’ ċomb jistgħu jinkisbu b’mod raġonevoli, jiġifieri l-ġewwieni, ċerti ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, il-melħ u l-fungi selvaġġi. Għall-istess raġunijiet, il-livelli massimi għaċ-ċomb fl-inbejjed jenħtieġ li jitbaxxew u jenħtieġ li jiġi stabbilit livell massimu għall-inbid likur fir-rigward ta’ dawk il-prodotti magħmulin minn ħsad futur. Fl-aħħar nett, għal dawk l-istess raġunijiet, iżda wkoll biex jiġu miġġielda l-prattiki frawdolenti, bħal pereżempju ż-żieda tal-kromat taċ-ċomb maż-żagħfran tal-Indja, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli massimi għall-ħwawar.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

(8)

Minħabba li ċ-ċomb huwa karċinoġenu ġenotossiku indirett dgħajjef, u konsegwentement il-preżenza tiegħu hija riskju ogħla għas-saħħa pubblika, il-prodotti li ma jikkonformawx mal-livelli massimi l-ġodda għaċ-ċomb u li jitqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu awtorizzati li jibqgħu fis-suq għal perjodu qasir ta’ żmien.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu fis-suq sat-28 ta’ Frar 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2010. Scientific Opinion on lead in food. EFSA Journal 2010;8(4):1570, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2010,1570

(4)  Evalwazzjoni ta’ Ċerti Addittivi tal-Ikel u Kontaminanti. It-73 rapport tal-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel. Rapport Tekniku tal-WHO Serje 960.


ANNESS

Fit-Taqsima 3: Metalli tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, is-sottotaqsima 3.1. (Ċomb) hija sostitwita b’dan li ġej:

“Oġġetti tal-ikel(1)

Livell massimu

(mg/kg piż niedi)

3.1

Ċomb

 

3.1.1

Ħalib nej( 6), ħalib ittrattat bis-sħana u ħalib għall-manifattura tal-prodotti bbażati fuq ħalib

0,020

3.1.2

Formuli tat-trabi, formuli tal-prosegwiment u formuli għat-tfal żgħar (57)

 

mibjugħa bħala trab ( 3) ( 29)

0,020

mibjugħa bħala likwidu (3) ( 29)

0,010

3.1.3

Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi u tat-tfal iż-żgħar (3) (29) għajr dawk elenkati fil-punt 3.1.5.

0,020

3.1.4

Ikel għal skopijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar

 

mibjugħ bħala trab (3) ( 29)

0,020

mibjugħ bħala likwidu (3) ( 29)

0,010

3.1.5

Xarbiet għat-trabi u għat-tfal żgħar ttikkettat u li mibjugħ bħala tali, għajr dawk imsemmija fil-punti 3.1.2 u 3.1.4

 

mibjugħa bħala likwidu jew biex ikunu rikostitwiti skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur inkluż il-meraq tal-frott ( 4 )

0,020

li jridu jitħejjew permezz ta’ infużjoni jew dekozzjoni (29)

0,50

3.1.6

Laħam (ħlief il-ġewwieni) ta’ annimali bovini, nagħaġ, ħnieżer u tjur ( 6 )

0,10

3.1.7

Ġewwieni (6)

 

tal-annimali bovini u tan-nagħaġ

0,20

tal-ħnieżer

0,15

tat-tjur

0,10

3.1.8

Laħam tal-muskoli tal-ħut ( 24 ) ( 25 )

0,30

3.1.9

Ċefalopodi ( 52 )

0,30

3.1.10

Krustaċji ( 26 ) ( 44 )

0,50

3.1.11

Molluski bivalvi ( 26 )

1,50

3.1.12

Ċereali u legumi

0,20

3.1.13

Ħxejjex tal-għeruq u tat-tuberi (ħlief il-leħjet il-bodbod, il-ġinġer frisk u ż-żagħfran tal-Indja frisk), ħxejjex tal-basla, il-brassica li tagħmel il-fjuri, il-brassica kkapoċċata, il-ġdur, il-legumi u l-ħxejjex taz-zkuk ( 27 ) ( 53 )

0,10

3.1.14

Brassica mwerrqa, leħjet il-bodbod, il-fungi li ġejjin Agaricus bisporus (faqqiegħ komuni), Pleurotus ostreatus (faqqiegħ tal-ferla), Lentinula edodes (faqqiegħ shiitake) u l-ħaxix b’ħafna weraq (ħlief il-ħxejjex aromatiċi friski) ( 27 )

0,30

3.1.15

Fungi selvaġġi, żagħfran tal-Indja frisk u ġinġer frisk

0,80

3.1.16

Ħxejjex tal-frott

 

qamħirrum ħelu ( 27 )

0,10

għajr il-qamħirrum ħelu ( 27 )

0,05

3.1.17

Frott, ħlief il-cranberries, il-passolina, il-frott tas-sebuqa u l-frott tal-imbrijagla (27)

0,10

3.1.18

Cranberries, passolina, frott tas-sebuqa u frott tal-imbrijagla ( 27 )

0,20

3.1.19

Xaħmijiet u żjut, inkluż ix-xaħam tal-ħalib

0,10

3.1.20

Meraq tal-frott, meraq tal-frott ikkonċentrat rikostitwit u nettari tal-frott

 

esklussivament minn berries u frott żgħir ieħor ( 14 )

0,05

minn frott għajr il-berries u frott żgħir ieħor ( 14 )

0,03

3.1.21

Inbid (inkluż inbid spumanti, ħlief inbid likur), sidru, perry jew inbid mill-frott ( 11 )

 

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2001 sal-ħsad tal-frott tal-2015

0,20

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2016 sal-ħsad tal-frott tal-2021

0,15

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2022 ’il quddiem

0,10

3.1.22

Inbid aromatizzat, xarbiet ibbażati fuq inbid aromatizzat u cocktails ta’ prodotti ta’ nbid aromatizzat ( 13 )

 

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2001 sal-ħsad tal-frott tal-2015

0,20

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2016 sal-ħsad tal-frott tal-2021

0,15

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2022 ’il quddiem

0,10

3.1.23

Inbid likur magħmul mill-għeneb  (*1)

 

prodotti magħmula mill-ħsad tal-frott tal-2022 ‘il quddiem

0,15

3.1.24

Supplimenti tal-ikel ( 39 )

3,0

3.1.25

Għasel

0,10

3.1.26

Ħwawar imnixxfin (29)

 

Ħwawar tal-frott

0,60

Ħwawar tal-għeruq u tar-riżomi

1,50

Ħwawar tal-qoxra tas-siġar

2,0

Ħwawar tal-blanzuni u ħwawar ta’ qalb il-fjura

1,0

Ħwawar taż-żerriegħa

0,90

3.1.27

Melħ, ħlief l-imlieħ mhux raffinati li ġejjin: “fleur de sel” u “melħ griż’ li jinħasdu manwalment minn bwar salmastri b’qiegħ tat-tafal

1,0

L-imlieħ mhux raffinati li ġejjin: “fleur de sel” u “melħ griż’ li jinħasdu manwalment minn bwar salmastri b’qiegħ tat-tafal

2,0


(*1)  Kif definiti fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).”