2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1256

tal-21 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/35 fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-governanza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 135(1), punt (a), tagħha,

Billi:

(1)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi (2). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2)

Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3). Dak il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prosperuża, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dan jeħtieġ ukoll li jiġu offruti sinjali ċari fuq tul ta’ żmien li jiggwidaw lill-investituri biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.

(3)

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (4), li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti f’dak il-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni tal-impatt li tirfed l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 (5) uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li jenħtieġ li l-fatturi ta’ sostenibbiltà jitqiesu mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni bħala parti mid-dmirijiet tagħhom lejn id-detenturi tal-polza. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jivvalutaw mhux biss ir-riskji finanzjarji rilevanti fuq bażi kontinwa, iżda wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà kollha rilevanti kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li, fejn jokkorru, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv materjali reali jew potenzjali fuq il-valur tal-investiment jew responsabbiltà. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (7) ma jirreferix b’mod espliċitu għar-riskji għas-sostenibbiltà. Għal dik ir-raġuni u biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ governanza tiġi implimentata u osservata kif suppost, huwa bżonjuż li niċċaraw li s-sistema ta’ governanza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-valutazzjoni tas-solvenza kumplessiva ta’ dawk l-impriżi jenħtieġ li jirrifletti r-riskji għas-sostenibbiltà.

(4)

L-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddivulgaw l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 jenħtieġ li jadattaw ukoll il-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom fir-rigward ta’ dawk id-divulgazzjonijiet.

(5)

Minħabba l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiżgura li r-riskji klimatiċi u ambjentali jiġu mmaniġġjati u integrati fis-sistema finanzjarja u l-importanza ta’ politiki ta’ remunerazzjoni fl-iżgurar li l-persunal tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni effettivament jimmaniġġja r-riskji identifikati mis-sistema ta’ mmaniġġjar tar-riskju, jenħtieġ li l-politiki ta’ remunerazzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkun fihom informazzjoni dwar kif dawk il-politiki jqisu l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fis-sistema tal-immaniġġjar tar-riskju.

(6)

Il-prinċipju tal-“persuna prudenti” stabbilit fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2009/138/KE jesiġi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinvestu biss f’assi fejn jistgħu jidentifikaw, ikejlu, jissorveljaw, jimmaniġġjaw, jikkontrollaw u jirrappurtaw kif suppost ir-riskji tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li r-riskji klimatiċi u dawk ambjentali jiġu mmaniġġjati b’mod effettiv mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-“persuna prudenti” tqis ir-riskji għas-sostenibbiltà u jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jirriflettu, fil-proċess ta’ investiment tagħhom, il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumaturi tagħhom kif jitqiesu fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott.

(7)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(8)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f’dan ir-Regolament. Għalhekk l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi differita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2015/35

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiddaħħlu l-punti segwenti 55c sa 55e:

“55c.

“riskju għas-sostenibbiltà” tfisser avveniment ambjentali, soċjali jew ta’ governanza jew kundizzjoni li, jekk dawn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt attwali jew potenzjali negattiv fuq il-valur tal-investiment jew fuq il-valur tar-responsabbiltà;

55d.

“fatturi tas-sostenibbiltà” tfisser fatturi tas-sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2, punt (24), tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

55e.

“preferenzi ta’ sostenibbiltà” tfisser l-għażla ta’ konsumatur jew ta’ konsumatur potenzjali, u jekk ikun hekk, sa liema punt jenħtieġ li jiġi integrat xi wieħed mill-istrumenti finanzjarji li ġejjin fl-istrateġija ta’ investiment tiegħu jew tagħha:

(a)

strument finanzjarju li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li proporzjon minimu għandu jiġi investit f’investimenti ambjentalment sostenibbli kif definit fl-Artikolu 2, punt (1), tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(b)

strument finanzjarju li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li proporzjon minu għandu jiġi investit f’investimenti sostenibbli kif definit fl-Artikolu 2, punt (17), tar-Regolament (UE) 2019/2088;

(c)

strument finanzjarju li jikkunsidra l-impatti negattivi prinċipali fuq il-fatturi ta’ responsabbilità fejn l-elementi kwalitattivi u kwantitattivi li juru dik il-kunsiderazzjoni huma ddeterminati mill-konsumatur jew mill-konsumatur potenzjali;

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088, (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”;"

(2)

L-Artikolu 260 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, punt (a), punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskju ta’ telf jew ta’ bidla avversa fil-valuri tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, li jirriżultaw minn prezzar inadegwat u proviżjonament ta’ suppożizzjonijiet minħabba fatturi interni jew esterni, inklużi riskji għas-sostenibbiltà;”;

(b)

fil-paragrafu 1, punt (c), jiżdied il-punt (vi) li ġej:

“(vi)

azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-assigurazzjoni tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex jiġi żgurat li r-riskji għas-sostenibbiltà relatati mal-portafoll tal-investiment jiġu identifikati, ivvalutati u ġestiti kif suppost.”;

(c)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 1 a li ġej:

“1a.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fil-politiki tagħhom imsemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1, u fejn rilevanti, il-politiki dwar oqsma oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1.”;

(3)

L-Artikolu 269 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji emerġenti u r-riskji għas-sostenibbiltà.”;

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 1 a li ġej:

“1a.   Ir-riskji emerġenti u r-riskji għas-sostenibbiltà kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), u identifikati mill-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji għandhom jiffurmaw parti mir-riskji msemmija fl-Artikolu 262(1), punt (a).”;

(4)

fl-Artikolu 272(6), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-effett tal-inflazzjoni, ir-riskju legali, ir-riskji għas-sostenibbiltà, il-bidla fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-impriża, u tas-sistemi li jaġġustaw il-primjums li d-detenturi ta’ polza jħallsu billi jnaqqsuhom jew iżiduhom skont l-imgħoddi tal-pretensjonijiet tagħhom (sistemi ta’ bonus-malus) jew sistemi simili, implimentati fi gruppi ta’ riskju omoġenji speċifiċi;”;

(5)

fl-Artikolu 275, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Il-politika tar-remunerazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tqis l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fis-sistema tal-immaniġġjar tar-riskju.”;

(6)

fil-Kapitolu IX tat-Titolu I, tiżdied it-Taqsima 6 li ġejja:

TAQSIMA 6

Investimenti

Artikolu 275a

Integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-prinċipju tal-“persuna prudenti”

1.   Fl-identifikazzjoni, it-tkejjil, il-monitoraġġ, l-immaniġġjar, il-kontroll, ir-rapportar u l-valutazzjoni tar-riskji li jinħolqu minn investimenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu r-riskji għas-sostenibbiltà.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu l-impatt fit-tul potenzjali tal-istrateġija ta’ investiment tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom dwar fatturi ta’ sostenibbiltà u, fejn rilevanti, dik l-istrateġija u dawk id-deċiżjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni għandhom jirriflettu l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumaturi tagħhom meqjusa fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 (*3).

(*3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 tal-21 ta’ Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ sorveljanza u ta’ governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni (ĠU L 341, 20.12.2017, p. 1).”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-2 ta’ Awwissu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)640 final).

(4)  COM(2018) 97 final.

(5)  SWD(2018) 264 final.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).