30.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/16


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1244

tal-20 ta’ Mejju 2021

li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess standardizzat għall-informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord il-vetturi u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, u r-rekwiżiti u l-proċeduri għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sigurtà tal-vetturi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(11) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 61(2) tar-Regolament 2018/858 jirrikjedi li l-manifatturi tal-vetturi jagħmlu disponibbli fuq is-siti web tagħhom stess l-informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord il-vetturi (OBD) u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (RMI). Madankollu, ma hemm l-ebda kriterju armonizzat dwar il-mod li bih dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli, li jirrikjedi li l-operaturi indipendenti jadattaw għal diversi servizzi u terminoloġija differenti tal-web.

(2)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2016 (2) rigward it-tħaddim tas-sistema ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi kkonkluda li billi jiġu standardizzati dawk is-siti web u t-terminoloġija korrispondenti, il-piż fuq l-operaturi indipendenti jista’ jittaffa.

(3)

Peress li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-RMI tal-vettura jenħtieġ li jkun possibbli irrispettivament mit-tip ta’ sistema tal-motopropulsjoni ta’ vettura, jeħtieġ li jiġi ċċarat li tali aċċess mhuwiex obbligatorju biss għar-rekwiżiti relatati mal-emissjonijiet.

(4)

Fil-15 ta’ Settembru 2014, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ippubblika l-Partijiet 1 sa 5 tal-istandard EN ISO 18541 “Road vehicles — Standardized access to automotive repair and maintenance information (RMI)” (Vetturi tat-triq — Aċċess standardizzat għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni awtomativi (RMI)). Dawk il-partijiet għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-iskambju bejn il-manifatturi u l-operaturi indipendenti tal-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u tal-RMI tal-vetturi billi jistabbilixxu r-rekwiżiti u l-proċeduri tekniċi għall-iffaċilitar tal-aċċess għal dik l-informazzjoni. Għaldaqstant jixraq li fl-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 issir referenza għar-rekwiżiti tal-Partijiet 1 sa 5 tal-istandard EN ISO 18541-2014.

(5)

Minħabba li l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-RMI tal-vettura tinkludi informazzjoni li hija importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-vettura, l-aċċess għal ċerti karatteristiċi tas-sigurtà tal-vettura jenħtieġ li jiġi pprovdut biss lill-operaturi indipendenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Anness.

(6)

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni dwar il-Vetturi, imsemmi fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2018/858, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu l-approvazzjoni tal-operaturi indipendenti kkonċernati u l-awtorizzazzjoni tal-impjegati tagħhom involuti fl-attivitajiet rilevanti minn entitajiet akkreditati. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi stabbilita l-proċedura għall-approvazzjoni u għall-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti biex jaċċessaw il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-vetturi, li jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-“Iskema għall-akkreditazzjoni, l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni għall-Aċċess ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija u l-Manutenzjoni relatata mas-Sigurtà (RMI)”, li ġiet ivvalidata fid-19 ta’ Mejju 2016 mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni. Jeħtieġ ukoll li jiġi vvalutat jekk tali operaturi humiex involuti f’attivitajiet ta’ negozju illeġittimi.

(7)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti fl-approvazzjoni u fl-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti u tal-impjegati tagħhom biex jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi relatata mas-sigurtà.

(8)

Sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tiġi differita.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-30 ta’ Lulju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward it-tħaddim tas-sistema ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, COM(2016) 0782 final.


ANNESS

L-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt 2.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.1.

Manifattur għandu jdaħħal fis-seħħ l-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa, f’konformità mal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 61(2), biex jiżgura li l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi hija aċċessibbli permezz ta’ siti web. Il-konformità mal-obbligu għall-manifatturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-OBD u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fuq is-siti web tagħhom permezz ta’ format standardizzat għandha tiġi preżunta permezz tal-konformità mal-Parti 1 “Informazzjoni ġenerali u definizzjoni tal-każ tal-użu”, mal-Parti 2 “Rekwiżiti tekniċi”, mal-Parti 3 “Rekwiżiti funzjonali tal-interfaċċja tal-utent” tal-istandard EN ISO 18541 – 2014, mal-Parti 4 “Test tal-konformità” tal-istandard EN ISO 18541 – 2015 u mal-Parti 5 “Dispożizzjoni speċifika heavy duty”“Road vehicles — Standardized access to automotive repair and maintenance information (RMI)” (Vetturi tat-triq — Aċċess standardizzat għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni awtomativi (RMI)) tal-istandard EN ISO 18541 – 2018. L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għandu jingħata b’mod aċċessibbli faċilment u minnufih.”;

(2)

il-punt 2.5.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

5.2. manwali tal-manutenzjoni, inkluż rekords ta’ servizz u manutenzjoni, u referenzi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rigward fluwidi inkluż dwar lubrikanti, fluwidi tal-brejkijiet u likwidi tat-tberrid;”;

(3)

fil-punt 2.9, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-fini tal-OBD tal-vetturi, id-dijanjostika, it-tiswija u l-manutenzjoni, il-monitoraġġ u l-ispezzjoni, il-fluss dirett tad-data tal-vettura, inkluż il-kodiċijiet ta’ ħsara u l-funzjonijiet dijanjostiċi, għandhom isiru disponibbli permezz tal-port serjali tad-data fuq il-konnettur standardizzat li jillinkja d-data speċifikat fil-paragrafu 6.5.1.4 u f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fis-sezzjoni 6.5.3. tal-Appendiċi 1 tal-Anness 11 tar-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) (*1) u f’konformità mal-paragrafu 4.7.3 tal-Anness 9B u d-dokumenti standard ta’ referenza stabbiliti fl-Appendiċi 6 ta’ dak l-Anness tar-Regolament Nru 49 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) (*2) ”;

(*1)  Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU L 42, 15.2.2012, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament Nru 49 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ pollutanti gassużi u ta’ partikuli minn magni li jaħdmu bil-kompressjoni għall-użu f’vetturi, u l-emissjoni ta’ pollutanti gassużi minn magni positive ignition li jaħdmu bil-gass naturali jew b’gass petroleum likwefatt għall-użu fil-vetturi (ĠU L 180, 8.7.2011, p. 53)."

(4)

fil-punt 6.1., l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-konformità mal-obbligu għall-manifatturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-OBD u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fuq is-siti web tagħhom permezz ta’ format standardizzat għandha tiġi preżunta billi jikkonformaw mal-Partijiet tal-istandard EN ISO 18541 imsemmija fil-punt 2.1.”;

(5)

il-punt 6.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-aċċess għall-karatteristiċi tas-sigurtà tal-vettura għandu jkun disponibbli għall-operaturi indipendenti taħt il-protezzjoni tat-teknoloġija tas-sigurtà f’konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:”;

(6)

il-punt 6.3 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-proċedura għall-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti biex ikollhom aċċess għall-karatteristiċi tas-sigurtà tal-vettura kif imsemmi fil-punt 6.2 hija stabbilita fl-Appendiċi 3. Ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti fl-akkreditazzjoni, l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti huma dettaljati permezz ta’ rekwiżiti funzjonali li jikkonsistu f’eżempji u f’każijiet ta’ użu stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dik il-proċedura, l-operaturi ma għandhomx jitqiesu li jsegwu attività leġittima ta’ negozju meta jirreklamaw jew joffru operazzjonijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni li jkollhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tal-vettura. Dan għandu jinkludi:

(a)

id-diżattivazzjoni jew it-tneħħija ta’ mezzi għall-kontroll tat-tniġġis jew sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, jew id-degradazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom jew il-ħabi tal-ħsarat tagħhom;

(b)

l-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni (*3), jew strateġiji ta’ tbagħbis (*4);

(c)

id-diżattivazzjoni, it-tneħħija jew it-tbagħbis ta’ apparat għall-monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil jew tal-enerġija elettrika, jew it-tbagħbis tal-qari tal-odometru;

(d)

it-tbagħbis mal-unità ta’ kontroll tal-magna, inkluża s-saħħa nominali tal-magna.”;

(*3)  Kif definit fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007."

(*4)  Kif definit fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament (KE) Nru 595/2009."

(7)

jiżdied l-Appendiċi 3 li ġej:

Appendiċi 3

Proċedura għall-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti għall-aċċess għall-karatteristiċi tas-sigurtà tal-vettura (*5)

1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-Appendiċi fih ir-rekwiżiti għall-finijiet ta’ approvazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti li jeħtieġu aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi relatata mas-sigurtà (RMI).

Dan jispeċifika fid-dettall il-proċess u l-korpi meħtieġa biex japprovaw u jawtorizzaw lil operaturi indipendenti sabiex jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi relatata mas-sigurtà għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u dawk kummerċjali u vetturi heavy-duty.

2.   Definizzjonijiet u termini mqassra

2.1.   Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan l-Appendiċi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

2.1.1.   “Akkreditazzjoni”

“akkreditazzjoni” għandha tfisser akkreditazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008

2.1.2.   “Impjegat tal-OI”

“impjegat tal-OI” għandha tfisser l-impjegat ta’ operatur indipendenti (OI) approvat li, wara awtorizzazzjoni mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità (CAB) tiegħu jew tagħha, ikollu aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà

2.1.3.   “Informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni relatata mas-sigurtà” jew “RMI relatata mas-sigurtà”

“informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni relatata mas-sigurtà” jew “RMI relatata mas-sigurtà” għandha tfisser l-informazzjoni, is-software, il-funzjonijiet u s-servizzi meħtieġa għat-tiswija u l-manutenzjoni tal-karatteristiċi li huma inklużi f’vettura mill-manifattur bħala prevenzjoni biex il-vettura ma tinsteraqx jew ma tinstaqx ’l hemm u biex il-vettura tkun tista’ tiġi traċċata u rkuprata.

2.1.4.   “Ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni”

“ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni” għandha tfisser iċ-ċertifikat maħruġ mis-CAB lill-OI li jikkonformaw mal-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti f’dan l-Appendiċi u li jikkonferma li dawk l-OI huma approvati u li l-impjegati tal-OI jistgħu jitolbu lill-awtorizzazzjoni biex taċċessa RMI relatata mas-sigurtà.

2.1.5.   “Ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni”

“ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni” għandha tfisser iċ-ċertifikat maħruġ mis-CAB lill-impjegati tal-OI li jikkonformaw mal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti f’dan l-Appendiċi u li jikkonferma li dawk l-impjegati huma awtorizzati jaċċessaw RMI relatata mas-sigurtà fuq is-sit web ta’ manifattur tal-vetturi.

2.1.6.   “Ċentru ta’ fiduċja” jew “TC”

“ċentru ta’ fiduċja” jew “TC” għandha tfisser il-korp maħtur minn SERMI u approvat mill-Kummissjoni u li huwa responsabbli:

(a)

għall-ġestjoni taċ-ċertifikati diġitali u l-istatus ta’ awtorizzazzjoni tal-impjegati tal-OI u għall-provvista lis-CAB tat-tokens tas-sigurtà meħtieġa u ċ-ċertifikati diġitali għall-impjegati awtorizzati tal-OI;

(b)

għall-għoti ta’ informazzjoni lill-manifattur tal-vetturi dwar l-istatus tal-awtorizzazzjoni ta’ impjegat tal-OI.

2.1.7.   “Token tas-sigurtà”

“token tas-sigurtà” għandha tfisser apparat li jippermetti awtentikazzjoni sigura ta’ OI.

2.1.8.   “Ċertifikat diġitali”

“ċertifikat diġitali” għandha tfisser ċertifikat diġitali li jirrikjedi firma diġitali taċ-ċentru ta’ fiduċja tal-ħruġ biex jgħaqqad ċavetta pubblika mal-identità tal-impjegat tal-OI f’konformità mal-istandard ISO 9594.

2.1.9.   “Bażi tad-data tal-awtorizzazzjoni”

“bażi tad-data tal-awtorizzazzjoni” għandha tfisser bażi tad-data miżmuma miċ-ċentru ta’ fiduċja u li fiha d-dettalji ta’ awtorizzazzjoni tal-impjegati anonimizzati awtorizzati tal-OI u r-reġistrazzjoni tal-OI approvati.

2.1.10.   “Bażi tad-data taċ-ċertifikazzjoni”

“bażi tad-data taċ-ċertifikazzjoni” għandha tfisser bażi tad-data miżmuma miċ-ċentru ta’ fiduċja għall-ġestjoni tal-validità taċ-ċertifikat diġitali u l-identifikaturi tal-impjegati awtorizzati tal-OI.

2.1.11.   “Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni” jew “EA”

“Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni” jew “EA” għandha tfisser il-korp rikonoxxut mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u li huwa responsabbli għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-implimentazzjoni tal-akkreditazzjoni fl-Unjoni.

2.1.12.   “Forum għall-Aċċess għall-RMI tal-Vetturi Relatata mas-Sigurtà” jew “SERMI”

Il-“Forum għall-Aċċess għall-RMI tal-Vetturi Relatata mas-Sigurtà” jew “SERMI” tfisser l-entità li hija inkarigata mill-koordinazzjoni u mill-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ akkreditazzjoni, approvazzjoni u awtorizzazzjoni għall-fini ta’ aċċess ta’ RMI relatata mas-sigurtà.

2.1.13.   “Awtoritajiet rilevanti”

“awtoritajiet rilevanti” għandha tfisser dawk l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom mandat legali biex jaġixxu fil-qasam tal-protezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati relatati mas-sigurtà tal-vetturi.

3.   Akkreditazzjoni tas-CABs, approvazzjoni tal-OI u awtorizzazzjoni tal-impjegati tal-OI

Is-CABs li huma akkreditati mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni (“NAB”) biss, kif definit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti għandhom joħorġu ċertifikati ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni li jiċċertifikaw li jkun ġie approvat OI u ċertifikati ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni li jiċċertifikaw li impjegat tal-OI għandu jkollu aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà.

L-approvazzjoni tal-OI u l-awtorizzazzjoni tal-impjegat tal-OI għandhom jingħataw għal perjodu ta’ 60 xahar li jibda mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ spezzjoni rilevanti.

L-OI li jkunu jixtiequ jirċievu RMI relatata mas-sigurtà għandhom jiksbu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni minn CAB akkreditat mill-NAB tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-OI.

L-impjegati tal-OI li għandhom jittrattaw RMI relatata mas-sigurtà għandhom jiksbu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni minn CAB akkreditat mill-NAB tal-Istat Membru fejn jirresjedi l-impjegat tal-OI.

Is-CABs għandhom jinfurmaw lit-TCs dwar kwalunkwe ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni jew ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni maħruġ, li fuqu t-TCs għandhom joħolqu rekord ta’ awtorizzazzjoni u joħorġu token tas-sigurtà u ċertifikat diġitali li jkun fih dettalji li jippermettu lill-impjegati tal-OI jkunu identifikabbli b’mod uniku għas-sit web tal-RMI tal-manifattur tal-vettura. Is-CABs għandhom jipprovdu lill-impjegati individwali tal-OI token tas-sigurtà u ċ-ċertifikat diġitali.

Il-manifatturi tal-vetturi jistgħu jitolbu ħlas għar-reġistrazzjoni tal-impjegati tal-OI fuq is-siti web tal-RMI tal-manifatturi tal-vetturi u għall-aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà. Tali ħlas għandu jkun proporzjonat għall-ispiża għal tali reġistrazzjoni u l-għoti ta’ aċċess. Il-ħlasijiet dovuti għandhom jiġu speċifikati fuq is-siti web tal-RMI tal-manifatturi tal-vetturi. It-trasferimenti diġitali kollha tad-data bejn l-OI, it-TCs u s-CABs għandhom jitwettqu permezz ta’ tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju (B2B) bl-użu ta’ protokolli siguri u f’waqthom.

Image 1

Dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-OI jsegwi attività leġittima ta’ negozju kif imsemmi fil-punt 6.3 ta’ dan l-Anness għandha tiġi ffirmata mill-OI li jitlob li jiġi awtorizzat mis-CAB. OI għandu jiġi approvat biss wara spezzjoni mis-CAB li għandu jivverifika li din id-dikjarazzjoni ġiet iffirmata u li għandu jivvaluta jekk l-OI u l-impjegati individwali tiegħu jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Appendiċi.

L-impjegati individwali tal-OI għandhom jiġu awtorizzati biss wara spezzjoni minn CAB. Is-CABs għandhom jivverifikaw id-dokumenti sottomessi u għandhom jivverifikaw jekk l-impjegat tal-OI kkonċernat għamilx talba preċedenti għal awtorizzazzjoni li ġiet miċħuda mis-CAB ikkonċernat jew minn kwalunkwe CAB ieħor fil-livell tal-Unjoni.

Is-CABs għandhom jibagħtu d-data kollha li hija meħtieġa lit-TC biex it-TC jipproduċi ċ-ċertifikat diġitali u t-token tas-sigurtà, li s-CAB għandu jibgħat lill-impjegati tal-OI.

L-impjegati tal-OI li jkunu ġew awtorizzati għandhom jirċievu mingħand is-CABs tagħhom il-PIN assoċjat maċ-ċertifikat diġitali.

Image 2

3.1.   Ħarsa ġenerali lejn l-aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà

Il-manifatturi tal-vetturi għandhom jipprovdu aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà permezz tas-sit web tagħhom tal-RMI, diment li l-impjegati tal-OI jkunu awtorizzati u jkunu jistgħu jipproduċu ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni, u li l-OI li f’ismu l-impjegati tal-OI jkunu qed jaħdmu jkollu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni.

Il-manifatturi jistgħu joffru aċċess għal faċilità ta’ ordni online għal partijiet relatati mas-sigurtà bl-użu ta’ applikazzjoni speċjalizzata marbuta mas-sit web tal-RMI lil impjegati awtorizzati tal-OI li jaħdmu għal OI approvati.

Malli jirċievu talba għal aċċess għal sit web tal-RMI, is-siti web tal-manifatturi tal-vetturi għandhom jirrikjedu identifikazzjoni permezz tal-identifikatur uniku tal-impjegat tal-OI u jitolbu awtentikazzjoni. L-awtentikazzjoni tal-impjegati tal-OI għandha titwettaq esklużivament bl-użu ta’ ċertifikati diġitali. Malli jirċievu ċertifikat diġitali, is-siti web tal-RMI tal-manifatturi tal-vetturi għandhom jivverifikaw l-identifikatur uniku tal-impjegat tal-OI u l-istatus attwali taċ-ċertifikat u l-awtorizzazzjoni diġitali, billi jikkomunikaw mat-TC identifikat fiċ-ċertifikat diġitali.

It-trasferimenti diġitali kollha tad-data bejn l-OI, il-manifatturi tal-vetturi, it-TCs u s-CABs għandhom jitwettqu permezz ta’ tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju (B2B), bl-użu ta’ protokolli siguri u f’waqthom. Ladarba l-identifikatur uniku tal-impjegat tal-OI u l-istatus tal-awtorizzazzjoni tal-impjegat tal-OI jkunu ġew ivverifikati, l-aċċess għall-RMI relatata mas-sigurtà meħtieġa għandu jiġi pprovdut mill-manifattur tal-vettura permezz tas-sit web tiegħu.

Image 3

4.   Regoli dettaljati dwar l-aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà

4.1.   Ir-rwol ta’ SERMI

4.1.1.   Responsabbiltajiet u obbligi

SERMI għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ akkreditazzjoni fl-Istati Membri kollha u tinforma lill-Kummissjoni kif xieraq. SERMI għandha tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar talbiet għal bidliet fil-proċess ta’ akkreditazzjoni.

(a)

SERMI għandha tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar talbiet għal bidliet fil-proċess ta’ akkreditazzjoni. SERMI għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ akkreditazzjoni fl-Istati Membri kollha u tinforma lill-Kummissjoni kif xieraq;

(b)

SERMI għandha tikkonsulta lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien tal-kriterji tal-għażla tat-TC;

(c)

SERMI għandha tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta’ linji gwida tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-interazzjoni bejn l-entitajiet involuti fil-proċess;

(d)

SERMI għandha ssegwi r-regoli tal-EA dwar is-sjieda tal-iskema;

(e)

il-membri ta’ SERMI għandhom ikunu rrappreżentati mill-partijiet ikkonċernati involuti fil-proċess ta’ akkreditazzjoni, approvazzjoni u awtorizzazzjoni għall-fini ta’ aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà.

4.1.2.   Għażla taċ-ċentru ta’ fiduċja

It-TC għandu jintgħażel minn SERMI u jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

It-TC magħżul għandu jikkonforma mal-istandard ETSI TS 319 411-3, jissodisfa r-rekwiżiti dwar il-firem elettroniċi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) u r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 4.6 ta’ dan l-Appendiċi.

Barra minn hekk, it-TC għandu:

ikollu l-kompetenza teknika u maniġerjali, u l-vijabbiltà finanzjarja u l-esperjenza rilevanti għall-proċess ta’ akkreditazzjoni;

ikollu persunal ewlieni li jkollu l-ħiliet, l-esperjenza u d-disponibbiltà meħtieġa għall-proċess ta’ akkreditazzjoni;

ikun jista’ jopera fl-Istati Membri kollha;

ikollu fis-seħħ proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell operattiv.

4.2.   Ir-rwol tal-NABs

L-NAB għandu jkun responsabbli għall-akkreditazzjoni tas-CABs għall-finijiet tal-approvazzjoni tal-OI u l-awtorizzazzjoni tal-impjegati tal-OI għall-aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà.

4.2.1.   Responsabbiltajiet u rekwiżiti

Ir-responsabbiltajiet u r-rekwiżiti tal-NAB huma stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

4.2.2.   Kriterji għall-akkreditazzjoni tas-CAB

Is-CABs għandhom jiġu akkreditati bħala korpi ta’ spezzjoni tat-tip A f’konformità mal-ISO/IEC 17020:2012. Is-CABs għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-ogħla livell ta’ indipendenza.

Barra minn hekk, l-NAB għandu jivvaluta l-kapaċità tas-CABs li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 4.3.1 sa 4.3.4.

Il-persunal inkarigat mill-ispezzjonijiet tal-OI għandu jkollu livell ta’ għarfien fin-negozju tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi awtomotivi u tal-ispeċifiċitajiet tas-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi awtomotivi li jkun xieraq għall-kompiti li jkunu qed iwettqu.

4.3.   Ir-rwol tas-CABs

Is-CAB għandu jkun responsabbli għall-ispezzjoni tal-OI u l-impjegati tal-OI rispettivi tagħhom u għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ approvazzjoni u ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni f’konformità ma’ dan l-Appendiċi, u għar-revoka ta’ dawn iċ-ċertifikati.

4.3.1.   Responsabbiltajiet u rekwiżiti

(a)

Is-CABs għandhom iżommu d-data sottomessa għall-approvazzjoni ta’ OI;

(b)

Is-CABs għandhom jistabbilixxu kanal ta’ komunikazzjoni sigur mat-TC u għandhom jipprovdu r-riżultati tal-ispezzjoni lit-TC sabiex jinħareġ it-token tas-sigurtà b’ċertifikat diġitali;

(c)

Is-CABs għandhom jinnotifikaw lill-impjegati tal-OI sitt xhur qabel ma tiskadi l-awtorizzazzjoni tagħhom;

(d)

Is-CABs għandhom iżommu bażi tad-data li jkun fiha d-data sottomessa għall-awtorizzazzjoni tal-impjegati tal-OI;

(e)

Is-CABs li jirrifjutaw li japprovaw OI jew li jawtorizzaw lil impjegat tal-OI għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-ispezzjoni dwar dak l-OI jew dak l-impjegat lit-TC;

(f)

Is-CABs għandhom jiġbru u jużaw biss id-data meħtieġa għall-proċess ta’ approvazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni;

(g)

Is-CABs għandhom iżommu d-data kollha relatata mal-OI u mal-impjegati tal-OI kunfidenzjali u għandhom jiżguraw li l-impjegati awtorizzati biss ikollhom aċċess għal tali data;

(h)

Is-CABs għandhom jipprovdu statistika ta’ darba fis-sena dwar in-numru ta’ approvazzjonijiet u ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa kif ukoll dwar in-numru ta’ rifjuti lil SERMI u lill-Kummissjoni;

(i)

Is-CABs għandhom iżommu rekords siguri tal-ispezzjonijiet ta’ approvazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin;

(j)

Is-CABs għandhom jinfurmaw lis-CABs l-oħrajn kollha fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit dwar ir-riżultati negattivi tal-ispezzjoni ta’ OI;

(k)

L-OI u l-impjegati tal-OI li jkunu rċevew riżultat negattiv ta’ spezzjoni jistgħu jipprovdu lis-CAB b’informazzjoni addizzjonali li tikkoreġi nuqqasijiet minuri fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jirċievu r-riżultat negattiv ta’ spezzjoni. Is-CABs għandhom għalhekk jiddeterminaw jekk ir-riżultat tal-ispezzjoni għandux jinbidel;

(l)

Is-CABs għandhom jinnotifikaw lill-OI sitt xhur qabel ma tiskadi l-approvazzjoni tagħhom;

(m)

is-CABs għandhom jagħmlu spezzjonijiet aleatorji u mhux imħabbra fuq il-post tal-OI fi żmien il-perjodu ta’ validità tal-approvazzjoni ta’ 60 xahar, u jissoġġettaw kull OI approvat għal mill-inqas spezzjoni waħda aleatorja fuq il-post matul il-perjodu ta’ validità tal-approvazzjoni ta’ 60 xahar;

(n)

Abbażi ta’ lment kontra IO approvat jew impjegat awtorizzat tal-OI, is-CABs għandhom jivverifikaw li l-IO kkonċernat jew l-impjegat tal-OI jkunu konformi mal-kriterji li magħhom ikunu ġew approvati jew awtorizzati rispettivament. Matul l-investigazzjoni tiegħu, is-CAB għandu jiddetermina jekk hijiex meħtieġa spezzjoni fuq il-post;

(o)

għall-finijiet ta’ spezzjonijiet fuq il-post, is-CABs jistgħu jitolbu l-assistenza tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq mill-Istat Membru li huma stabbiliti fih;

(p)

is-CABs għandhom jirrevokaw l-approvazzjonijiet tal-OI u l-awtorizzazzjonijiet tal-impjegati tal-OI meta ma jibqgħux jikkonformaw mal-kriterji li magħhom ikunu ġew approvati jew awtorizzati rispettivament. Is-CABs għandhom għalhekk jitolbu lit-TC jissospendi u jirrevoka ċ-ċertifikat diġitali tal-impjegati tal-OI kkonċernati.

4.3.2.   Tiġdid tal-approvazzjoni

Is-CABs għandhom, fuq talba minn OI jew sitt xhur qabel l-iskadenza tal-validità tal-approvazzjoni, jagħmlu spezzjoni fuq il-post, u f’każ ta’ riżultat pożittiv tal-ispezzjoni, iġeddu l-approvazzjoni.

Is-CABs għandhom joħorġu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni ġdid għall-OI li jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni.

Is-CABs għandhom jivvalutaw l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet u joħorġu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni lill-impjegati tal-OI li jissodisfaw il-kriterji ta’ awtorizzazzjoni.

4.3.3.   Kriterji għall-approvazzjoni tal-OI mis-CAB

Qabel ma japprovaw OI u matul kwalunkwe spezzjoni fuq il-post matul il-perjodu ta’ validità tal-approvazzjoni, is-CABs għandhom jivverifikaw dan li ġej:

(a)

sjieda dokumentata tal-OI, isem id-direttur maniġerjali;

(b)

il-lista pprovduta mill-OI tal-impjegati li għandha tiġi awtorizzata;

(c)

informazzjoni dwar ir-responsabbiltà u l-funzjoni tal-impjegati msemmija fil-punt (a);

(d)

jekk l-OI għandux assigurazzjoni ta’ responsabbiltà b’ammont minimu ta’ kopertura ta’ EUR 1 miljun għal korriment fuq il-persuna u EUR 0,5 miljun għal ħsara fuq il-proprjetà;

(e)

jekk l-approvazzjoni tal-OI ġietx revokata għal raġunijiet ta’ użu ħażin;

(f)

jekk l-OI pprovdiex prova tal-attività fil-qasam awtomativ;

(g)

jekk id-dikjarazzjoni li tiċċertifika li l-OI jwettaq attività leġittima ta’ negozju kif imsemmi fil-punt 6.3 ġietx iffirmata mill-OI u matul spezzjoni fuq il-post jekk l-OI effettivament iwettaqx attività leġittima ta’ negozju;

(h)

jekk l-OI jew l-impjegati tal-OI għandhomx rekord kriminali nadif;

(i)

jekk hemmx dikjarazzjoni ffirmata mir-rappreżentant legali tal-OI li l-konformità mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-punt 4.3.4 hija żgurata għall-operazzjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-vetturi.

4.3.4.   Kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-impjegati tal-OI mis-CAB

Qabel ma tawtorizza impjegat bħala impjegat tal-OI, u matul kwalunkwe spezzjoni fuq il-post matul il-perjodu ta’ validità tal-approvazzjoni, is-CABs għandhom jivverifikaw dan li ġej:

(a)

li l-impjegat ikkonċernat ma kellux awtorizzazzjoni preċedenti li ġiet revokata minħabba użu ħażin ta’ dik l-awtorizzazzjoni;

(b)

li l-impjegat għandu rekord kriminali nadif;

(c)

li hemm ftehim dwar l-impjieg bejn l-impjegat ikkonċernat u OI approvat;

(d)

li l-impjegat ikkonċernat għandu karta tal-identità valida speċifika għall-pajjiż jew dokument ekwivalenti.

4.4.   Ir-rwol tal-OI

4.4.1.   Responsabbiltajiet u rekwiżiti

(a)

L-OI għandhom jitolbu spezzjoni mingħand is-CAB tagħhom biex jiksbu l-approvazzjoni;

(b)

l-OI għandhom jinfurmaw lis-CAB tagħhom dwar il-bidliet fid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom;

(c)

l-OI għandhom jinfurmaw lis-CAB tagħhom meta n-negozju tagħhom jiġi xolt;

(d)

l-OI għandhom jirreġistraw kull tranżazzjoni u operazzjoni tal-RMI relatata mas-sigurtà;

(e)

l-OI għandhom jinfurmaw lis-CAB tagħhom bi kwalunkwe terminazzjoni tal-impjieg ta’ kwalunkwe wieħed mill-impjegati awtorizzati tagħhom;

(f)

l-OI għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet rilevanti kwalunkwe reat jew imġiba ħażina li jkunu saru mill-impjegati awtorizzati tagħhom u li jikkonċernaw RMI relatata mas-sigurtà;

(g)

l-OI għandhom jiżguraw li l-impjegati awtorizzati tagħhom jużaw biss iċ-ċertifikati ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni tagħhom stess;

(h)

l-OI għandhom jiżguraw li l-ħlasijiet kollha relatati mal-awtorizzazzjoni tal-impjegat tal-OI tagħhom ikunu tħallsu;

(i)

l-OI għandhom jiżguraw li l-impjegati tal-OI tagħhom ikunu mħarrġa għal attivitajiet ta’ tiswija li jikkonċernaw il-manutenzjoni, il-programmazzjoni mill-ġdid u l-funzjonijiet tas-sigurtà u tas-sikurezza awtomativi;

(j)

l-OI għandhom jitolbu lis-CAB tagħhom għal spezzjoni fuq il-post fis-sitt xhur qabel ma jiskadi ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni tagħhom.

4.5.   Ir-rwol tal-impjegati tal-OI

4.5.1.   Responsabbiltajiet u rekwiżiti

(a)

L-impjegati tal-OI għandhom jitolbu lis-CAB tagħhom għal awtorizzazzjoni;

(b)

l-impjegati tal-OI għandhom jirreġistraw lilhom infushom fuq is-sistema tal-RMI tal-manifattur tal-vettura;

(c)

l-impjegati tal-OI għandhom jaċċessaw RMI relatata mas-sigurtà f’konformità mal-istandard EN ISO 18541 – 2014;

(d)

l-impjegati tal-OI għandhom jiżguraw li r-rekords kollha tal-RMI relatata mas-sigurtà li jitniżżlu mis-sistema tal-RMI tal-manifattur tal-vettura ma għandhomx jinħażnu aktar milli meħtieġ biex titwettaq l-operazzjoni li għaliha tkun meħtieġa l-informazzjoni;

(e)

fejn applikabbli, l-impjegati tal-OI għandhom jinnotifikaw lill-impjegatur tal-OI tagħhom li ċ-ċertifikat diġitali tagħhom ma għadux meħtieġ;

(f)

l-impjegat tal-OI ma għandu jikkondividi ma’ ebda parti terza t-token tas-sigurtà, iċ-ċertifikat diġitali jew il-PIN;

(g)

l-impjegati tal-OI għandhom ikunu responsabbli għall-użu korrett tat-token tas-sigurtà personali u tal-PIN;

(h)

l-impjegati tal-OI għandhom jinfurmaw lill-OI u lit-TC tagħhom dwar kwalunkwe telf jew użu ħażin tat-token tas-sigurtà tagħhom fi żmien 24 siegħa minn tali telf jew użu ħażin;

(i)

l-impjegati tal-OI għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet rilevanti kwalunkwe talba jew att minn impjegati oħra tal-OI relatati mal-RMI relatata mas-sigurtà li ma jikkostitwixxix attività leġittima ta’ negozju kif imsemmi fil-punt 6.3 ta’ dan l-Anness.

4.6.   Ir-rwol taċ-ċentru ta’ fiduċja

It-TCs għandhom joħolqu u jibagħtu ċ-ċertifikati diġitali lill-OI permezz tas-CABs rispettivi lill-OI u lill-impjegati tal-OI. It-TCs għandhom iżommu bażi tad-data taċ-ċertifikati ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni maħruġa. It-TCs għandhom jipprovdu lill-manifatturi tal-vetturi aċċess għal interfaċċa biex jivverifikaw l-istatus taċ-ċertifikati diġitali u ċ-ċertifikati ta’ ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni.

It-TCs għandhom iżommu l-informazzjoni rigward l-impjegati tal-OI fil-bażi tad-data tal-awtorizzazzjoni għal perjodu addizzjonali ta’ massimu ta’ 60 xahar. Dak il-perjodu ma għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ validità li jifdal tal-approvazzjoni mogħtija lill-OI fejn ikun qed jaħdem l-impjegat tal-OI.

4.6.1.   Responsabbiltajiet u rekwiżiti

(a)

It-TCs jistgħu jissospendu u jirrevokaw iċ-ċertifikati diġitali fuq talba mis-CAB;

(b)

It-TCs għandhom jipprovdu s-software biex jużaw iċ-ċertifikati diġitali lill-OI u lill-impjegati tal-OI;

(c)

It-TCs għandhom joperaw 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

4.7.   Ir-rwol tal-manifatturi tal-vetturi

Il-manifatturi tal-vetturi għandhom jipprovdu lill-OI approvati u lill-impjegati awtorizzati kollha tal-OI aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni relatata mas-sigurtà. Il-manifatturi tal-vetturi għandhom jikkomunikaw mat-TCs biex jivverifikaw l-istatus tal-awtorizzazzjoni u tal-awtentikazzjoni tal-impjegati tal-OI li jkunu qed ifittxu aċċess għal tali informazzjoni.

4.7.1.   Responsabbiltajiet u rekwiżiti

(a)

il-manifatturi tal-vetturi għandhom jiżguraw li s-siti web tagħhom jiġu adattati biex jappoġġaw l-aċċess tal-OI għal RMI relatata mas-sigurtà;

(b)

il-manifatturi tal-vetturi għandhom jiżguraw li jniżżlu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi disponibbli fuq is-sit web ta’ SERMI.

4.7.2.   Rekwiżiti proċedurali għall-manifatturi tal-vetturi

Il-manifatturi tal-vetturi ma għandhomx jagħtu aċċess għal RMI relatata mas-sigurtà, sakemm ma jkunux ġew irrispettati r-rekwiżiti proċedurali kollha li ġejjin:

(1)

Rekwiżiti proċedurali għal vetturi misruqa

Il-manifatturi tal-vetturi għandhom iżommu rekord tal-vetturi kollha tad-ditta tagħhom irrapportati mill-awtoritajiet bħala misruqa.

Il-manifatturi tal-vetturi għandhom jistabbilixxu proċess li jipprovdi traċċabbiltà u responsabbiltà ċari u li jippermetti lill-awtoritajiet rilevanti jintraċċaw id-data pprovduta mill-manifattur tal-vettura lill-impjegat tal-OI li jkun ingħata aċċess għall-informazzjoni relatata mal-vettura misruqa.

(2)

Rekwiżiti proċedurali għall-ħżin tal-informazzjoni

Il-manifatturi tal-vetturi għandhom jaħżnu l-informazzjoni li ġejja għal kull aċċess mogħti għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni relatata mas-sigurtà:

(a)

in-Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Vettura (VIN) tal-vettura li għaliha ntalbet l-informazzjoni;

(b)

id-data li fiha saret it-talba;

(c)

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura li għaliha ntalbet l-informazzjoni, fejn disponibbli;

(d)

il-varjant tat-tip tal-vettura li għaliha ntalbet l-informazzjoni u l-verżjoni ta’ dik il-vettura, fejn disponibbli.

Il-manifatturi tal-vetturi għandhom jaħżnu dik id-data għal ħames snin.

(*5)  Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Appendiċi huma bbażati fuq dawk stabbiliti fl-“Iskema għall-akkreditazzjoni, l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni għall-Aċċess għall-Informazzjoni dwar it-Tiswija u l-Manutenzjoni relatata mas-Sigurtà (RMI)” ivvalidata fid-19 ta’ Mejju 2016 mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (https://www.vehiclesermi.eu/)"

(*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73)."


(*1)  Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU L 42, 15.2.2012, p. 1).

(*2)  Ir-Regolament Nru 49 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) — Dispożizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ pollutanti gassużi u ta’ partikuli minn magni li jaħdmu bil-kompressjoni għall-użu f’vetturi, u l-emissjoni ta’ pollutanti gassużi minn magni positive ignition li jaħdmu bil-gass naturali jew b’gass petroleum likwefatt għall-użu fil-vetturi (ĠU L 180, 8.7.2011, p. 53).

(*3)  Kif definit fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

(*4)  Kif definit fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament (KE) Nru 595/2009.

(*5)  Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Appendiċi huma bbażati fuq dawk stabbiliti fl-“Iskema għall-akkreditazzjoni, l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni għall-Aċċess għall-Informazzjoni dwar it-Tiswija u l-Manutenzjoni relatata mas-Sigurtà (RMI)” ivvalidata fid-19 ta’ Mejju 2016 mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (https://www.vehiclesermi.eu/)

(*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).”