22.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1204

tal-10 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/856 fir-rigward tal-proċeduri tal-applikazzjoni u tal-għażla fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(8), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 (2) jistabbilixxi regoli dwar l-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni. Dan jistabbilixxi proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet li tkun tikkonsisti f’espressjoni ta’ interess u fl-applikazzjoni sħiħa.

(2)

Filwaqt li l-proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet għandha l-vantaġġ li tnaqqas il-piż amministrattiv għal dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti fl-ewwel fażi, din iżżid il-perjodu ta’ bejn is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet u l-għoti tal-finanzjament għal proġetti li jkollhom suċċess. L-esperjenza bl-ewwel sejħa għal proposti, fejn wasal għadd kbir ta’ applikazzjonijiet fi stadji differenti tal-maturità tal-proġett, uriet il-ħtieġa li jitnaqqas dak il-perjodu sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ appoġġ f’waqtu għal proġetti maturi. Li jitnaqqas dak il-perjodu jkun ukoll ta’ benefiċċju fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku fejn l-investimenti fiż-żieda ta’ teknoloġiji nodfa jeħtieġ li jiġu mobilizzati malajr.

(3)

Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi prevista proċedura tal-applikazzjoni b’fażi waħda li tinkludi l-applikazzjoni sħiħa mingħajr il-fażi tal-espressjoni ta’ interess. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħżel bejn il-proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet u l-proċedura tal-applikazzjoni b’fażi waħda kif xieraq meta tiddeċiedi dwar it-tnedija tas-sejħiet għal proposti.

(4)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/856 jipprevedi li l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti għal proġetti li ma jissodisfawx il-kriterju tal-maturità tal-proġetti stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c) ta’ dak ir-Regolament, iżda li għandu l-potenzjal li jissodisfa dak il-kriterju. F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/856 dik l-assistenza tista’ tieħu biss il-forma ta’ għotja. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawk il-proġetti, huwa meħtieġ li din l-assistenza tiġi permessa li tkun provduta fil-forma ta’ assistenza teknika.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/856 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2019/856

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/856 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

deskrizzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni, filwaqt li jiġi speċifikat jekk tapplikax proċedura b’fażi waħda jew b’żewġ fażijiet, u lista ddettaljata tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata mal-applikazzjoni;”;

(b)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

meta proġetti fuq skala żgħira huma soġġetti għal proċedura ssimplifikata tal-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(4) u għal proċedura speċifika tal-għażla f’konformità mal-Artikolu 12b, ir-regoli dwar dawk il-proċeduri speċifiċi;”;

(2)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jiġbor l-applikazzjonijiet u jorganizza l-proċedura tal-applikazzjoni kif determinat skont l-Artikolu 9(2)(d).”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.   Il-proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet għandha tikkonsisti mill-fażijiet li ġejjin, wara xulxin:

(a)

il-fażi tal-espressjoni ta’ interess;

(b)

il-fażi tal-applikazzjoni sħiħa.

Fil-fażi tal-espressjoni ta’ interess, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jippreżenta deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-proġett f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fis-sejħa għal proposti rilevanti, fosthom deskrizzjoni tal-effettività tal-proġett, tal-grad ta’ innovazzjoni tiegħu u tal-maturità tiegħu kif speċifikat fl-Artikolu 11(1)(a), (b) u (c).

Fil-fażi tal-applikazzjoni sħiħa, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jippreżenta deskrizzjoni ddettaljata tal-proġett u d-dokumentazzjoni kollha ta’ sostenn, fosthom il-pjan ta’ kondiviżjoni tal-għarfien.

3.   Fejn tapplika l-proċedura tal-applikazzjoni b’fażi waħda, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jippreżenta applikazzjoni sħiħa kif deskritt fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu.”;

(3)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

It-titolu tal-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Proċedura tal-għażla għall-proċedura tal-applikazzjoni b’żewġ fażijiet”;

(b)

il-paragrafu 6 jitħassar;

(4)

jiddaħħlu l-Artikoli 12a u 12b li ġejjin:

“Artikolu 12a

Proċedura tal-għażla għall-proċedura tal-applikazzjoni b’fażi waħda

1.   Abbażi tal-applikazzjonijiet li jkunu waslu, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jivvaluta l-eliġibbiltà ta’ kull proġett f’konformità mal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. Imbagħad il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jagħżel il-proġetti eliġibbli skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Abbażi tal-applikazzjonijiet li jkunu waslu, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jfassal lista ta’ proġetti li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11 u għandu jevalwa l-proġetti u jikklassifikahom abbażi tal-kriterji kollha tal-għażla stabbiliti f’dak l-Artikolu. Għall-finijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jqabbel il-proġetti mal-proġetti tal-istess settur kif ukoll mal-proġetti ta’ setturi oħrajn. Fl-aħħar tal-evalwazzjoni, il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jfassal lista tal-proġetti magħżulin minn qabel.

3.   Meta l-korp ta’ implimentazzjoni jikkonkludi li proġett jissodisfa l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a), (b), (d) u (e) u, fejn applikabbli, il-kriterju tal-għażla stabbilit f’konformità mal-Artikolu 11(2), iżda ma jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c), il-korp ta’ implimentazzjoni għandu jivvaluta jekk dak il-proġett għandux il-potenzjal jissodisfa dak il-kriterju tal-għażla jekk jiġi żviluppat aktar. Meta l-proġett ikollu t-tali potenzjal, il-korp ta’ implimentazzjoni jista’ jagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lill-proġett ikkonċernat jew, meta l-Kummissjoni tagħti l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, jipproponilha tagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lil dan il-proġett.

4.   Il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2 u, meta dan ikun applikabbli, is-suġġeriment imsemmi fil-paragrafu 3 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u għandu jkun fihom tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

konferma tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla;

(b)

dettalji dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proġetti;

(c)

l-ispejjeż totali tal-proġetti u l-ispejjeż rilevanti msemmijin fl-Artikolu 5 f’euro;

(d)

it-talba għall-appoġġ totali tal-Fond għall-Innovazzjoni f’euro,

(e)

l-ammont previst ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra li għandhom jiġu evitati;

(f)

l-ammont previst ta’ enerġija li għandha tiġi prodotta jew li għandha tinħażen;

(g)

l-ammont previst ta’ CO2 li għandu jinħażen;

(h)

informazzjoni dwar il-forma ġuridika tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li dak li jkun qed jipproponi l-proġett ikun qed jitlob.

5.   Abbażi ta’ xi jkun intbagħat skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tal-għotja li tispeċifika l-appoġġ għall-proġetti magħżulin u, jekk ikun il-każ, tfassal lista ta’ riżerva.

Artikolu 12b

Proċedura tal-għażla għall-proġetti fuq skala żgħira

B’deroga mill-Artikolu 12 u 12a, tista’ tiġi applikata proċedura speċifika tal-għażla għall-proġetti fuq skala żgħira.”;

(5)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti għandha tingħata mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 12(2) jew 12a(3), fil-forma ta’ għotja jew ta’ assistenza teknika.’;

(6)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel, fosthom il-lista ta’ riżerva, u l-lista tal-proġetti proposti għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti f’konformità mal-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu jew l-Artikolu 12a(3), qabel ma jingħata l-appoġġ;”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Istati Membri dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikulari dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-għotja msemmijin fl-Artikolu 12(5) jew fl-Artikolu 12a(5).”;

(7)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar l-azzjonijiet ippjanati f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu fil-pjan ta’ kondiviżjoni tal-għarfien ippreżentat f’konformità mal-Artikolu 10(2), it-tielet subparagrafu.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6).