16.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 253/49 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1166
tal-15 ta’ Lulju 2021
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 fir-rigward tal-posponiment tad-data tal-applikazzjoni għax-xenarji standard għall-operazzjonijiet imwettqa fil-linja viżwali tal-vista jew lil hinn minnha
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 216/2008 u (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 (2), mit-2 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw biss dikjarazzjonijiet magħmula mill-operaturi tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għal operazzjoni li tikkonforma ma’ wieħed miż-żewġ xenarji standard stipulati fl-Appendiċi 1 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
(2) |
L-istandards armonizzati huma kkunsidrati mill-manifatturi tal-UAS bħala strument importanti li jippermettilhom iqiegħdu fis-suq UAS konformi. |
(3) |
Madankollu, uħud mill-istandards armonizzati li jindirizzaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-UAS tal-klassijiet C5 u C6 mhux se jkunu disponibbli sat-2 ta’ Diċembru 2021. |
(4) |
Għalhekk, jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tiġi posposta biex jiġi żgurat li l-istandards armonizzati li jindirizzaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-UAS tal-klassijiet C5 u C6 ikunu disponibbli qabel ma l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw biss id-dikjarazzjonijiet tal-operazzjonijiet konformi max-xenarji standard stabbiliti mill-Appendiċi 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947. Sa dak iż-żmien, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-operaturi tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, abbażi ta’ xenarji standard nazzjonali jew ekwivalenti. |
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2. L-Artikolu 5(5) għandu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2023.
3. Il-punt (2)(g) tal-punt UAS.OPEN.060 tal-Anness u l-punt (1)(l) tal-punt UAS.SPEC.050 tal-Anness għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2022.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1), sat-2 ta’ Diċembru 2023, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw dikjarazzjonijiet magħmula minn operaturi tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 5(5), abbażi ta’ xenarji standard nazzjonali jew ekwivalenti, jekk dawk ix-xenarji nazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt UAS.SPEC.020 tal-Anness.
Dawn id-dikjarazzjonijiet ma għandhomx jibqgħu validi mit-2 ta’ Diċembru 2025.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 45).