15.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1160

tat-12 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kaxxa tal-laċċ ikħal u l-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’ fil-Baħar tat-Tramuntana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jipprevedi l-istabbiliment tal-miżuri tekniċi għall-Baħar tat-Tramuntana.

(2)

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands u l-Iżvezja (il-Grupp ta’ Scheveningen) għandhom interess ta’ ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar tat-Tramuntana. Fil-15 u d-19 ta’ Ottubru 2020, dawk l-Istati Membri ppreżentaw żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2019/124, li jipproponu l-adozzjoni ta’ ċerti modifiki tad-dispożizzjonijiet attwali dwar il-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’ u l-kaxxa tal-laċċ ikħal fil-Baħar tat-Tramuntana stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241 permezz ta’ att delegat tal-Kummissjoni. Huma ppreżentaw verżjoni riveduta tar-rakkomandazzjoni konġunta dwar il-kaxxa tal-laċċ ikħal fit-2 ta’ Frar 2021. Iż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti ntbagħtu minn dawk l-Istati Membri lill-kunsilli konsultattivi rilevanti għall-konsultazzjoni.

(3)

Minħabba li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti jipproponu bidliet għall-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241, dan ir-Regolament delegat jipprevedi l-miżuri rakkomandati mill-Istati Membri fir-rigward kemm tal-kaxxa tal-laċċ ikħal kif ukoll il-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’.

(4)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta l-evidenza pprovduta mill-Istati Membri b’appoġġ għad-dispożizzjonijiet inklużi fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti (3). Il-miżuri proposti ġew evalwati f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(5)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Istati Membri dwar il-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’ ssuġġeriet l-introduzzjoni ta’ eżenzjoni speċifika għal bastimenti li s-saħħa tal-magna tagħhom taqbeż il-221 kW bl-użu tat-tartaruni Daniżi, diment li tali bastimenti jikkonformaw mad-daqsijiet tal-malja stabbiliti fil-punt 1.1 tal-Parti B tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-STECF analizza l-evidenza ppreżentata mill-Istati Membri u kkonkluda li, meta wieħed iqis l-għadd limitat ta’ bastimenti kkonċernati u l-impatt limitat li t-tartarun Daniż għandu fuq il-qiegħ, l-introduzzjoni tal-eżenzjoni speċifika għat-tartarun Daniż mhijiex mistennija li jkollha xi effett sinifikanti fuq il-livell ta’ protezzjoni fiż-żona. Għalhekk jenħtieġ li l-miżura proposta tiġi inkluża f’dan ir-Regolament.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta dwar il-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’ ssuġġeriet ukoll is-sostituzzjoni, fil-punt 2.2(c) tal-parti C tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241, tat-terminu “xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ” bit-terminu “xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti”. L-STECF analizza l-evidenza ppreżentata mill-Istati membri u kkonkluda li l-bidla proposta x’aktarx li tneħħi kwalunkwe ambigwità fir-Regolament u tipprovdi livelli ta’ protezzjoni li huma mill-inqas ekwivalenti, u x’aktarx ogħla, għal dak li huwa attwalment preskritt fir-Regolament (UE) 2019/1241. Għalhekk jenħtieġ li l-miżura proposta tiġi inkluża f’dan ir-Regolament.

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta dwar il-kaxxa tal-barbun tat-tbajja’ ssuġġeriet ukoll massimu ta’ 24 m għat-tul tal-bastiment tat-tkarkir bit-travu li għandu jiġi inkluż, wara li japplika dan ir-Regolament, fil-lista ta’ bastimenti stabbilita fil-punt 2.4 tal-parti C tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-STECF analizza l-evidenza ppreżentata mill-Istati Membri u kkonkluda li din ir-restrizzjoni se tiżgura livelli ta’ protezzjoni li huma mill-inqas ekwivalenti għal dak li huwa attwalment preskritt fir-Regolament (UE) 2019/1241. Għalhekk jenħtieġ li l-miżura proposta tiġi inkluża f’dan ir-Regolament.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Istati Membri dwar il-kaxxa tal-laċċ ikħal issuġġeriet li titkompla għal perjodu ta’ tliet snin il-prattika li titneħħa l-kaxxa tal-laċċ ikħal għall-bastimenti b’ċertu rkaptu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Ottubru, kif previst bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1395/2014 (4) għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-STECF analizza l-evidenza preżentata mill-Istati Membri dwar il-kaxxa tal-laċċ ikħal u kkonkluda li ma hemm l-ebda indikazzjoni li t-tneħħija tal-kaxxa tal-laċċ ikħal mill-2017 ikkawżat kwalunkwe ħsara fuq l-istokk tal-aringa. L-STECF ikkonkluda wkoll li huwa improbabbli li t-tneħħija tal-kaxxa tal-laċċ ikħal twassal għal livelli aktar baxxi ta’ protezzjoni minn dawk li hemm fis-seħħ bħalissa. Madankollu, l-STECF osserva li jeħtieġ aktar snin ta’ monitoraġġ sabiex tingħata prova li se jinżammu livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni. L-STECF għalhekk issuġġerixxa li l-impatt tat-tneħħija jiġi evalwat mill-ġdid wara tliet snin ta’ monitoraġġ. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jimmonitorjaw l-impatt tat-tneħħija tal-kaxxa tal-laċċ ikħal matul dan il-perjodu billi jiġbru d-data stabbilita fir-rakkomandazzjoni konġunta tagħhom fir-rigward tal-qabdiet aċċessorji tal-aringi fis-sajd għal-laċċ ikħal. Din id-data se tiġi ppreżentata għall-evalwazzjoni mill-STECF. Għalhekk jenħtieġ li l-miżura proposta tiġi inkluża f’dan ir-Regolament.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2786172/STECF+PLEN+20-03.pdf, paġni 93-105 (kaxxa tal-laċċ ikħal) u paġni 106-113 (kaxxa tal-barbun tat-tbajja’).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1395/2014 tal-20 ta’ Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir u ċertu sajd għal skopijiet industrijali fil-Baħar tat-Tramuntana (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 35).


ANNESS

Il-Parti C tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241 hija emendata kif ġej:

(1)

il-punt 2.2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

bastimenti li s-saħħa tal-magna tagħhom taqbeż il-221 kW għandhom jitħallew jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti, u par bastimenti mqabbla li s-saħħa tal-magni tagħhom flimkien taqbeż il-221 kW għandhom jitħallew jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi diment li tali bastimenti ma jistadux direttament għall-barbun tat-tbajja’ u l-lingwata komuni u jikkonformaw mar-regoli tad-daqs tal-malja rilevanti li jinsabu fil-Parti B ta’ dan l-Anness;”;

(b)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) bastimenti li s-saħħa tal-magna tagħhom taqbeż il-221 kW għandhom jitħallew jużaw tartaruni Daniżi diment li

tali bastimenti jikkonformaw mad-daqs tal-malja previst fil-punt 1.1 tal-Parti B ta’ dan l-Anness.”;

(2)

il-punt 2.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.4.

Il-bastimenti li jitħallew jistadu fiż-żona msemmija fil-punt 2.1 għandhom jiġu inklużi f’lista li għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni minn kull Stat Membru. Is-saħħa totali tal-magna tal-bastimenti msemmija fil-punt 2.2(a) fil-lista ma għandhiex taqbeż is-saħħa totali tal-magna attestata għal kull Stat Membru fl-1 ta’ Jannar 1998. Il-bastimenti tas-sajd permessi għandu jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Mill-1 ta’ Lulju 2021, il-bastimenti tat-tkarkir bit-travu b’tul totali ta’ massimu ta’ 24 metru biss jistgħu jiżdiedu ma’ dik il-lista.”;

(3)

il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda mal-punt 4:

“B’deroga mit-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu, dak l-inċiż ma għandux japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 għas-sajd bl-irkaptu li ġej:

(a)

irkaptu rmunkat b’daqs tal-malja inqas minn 32 mm;

(b)

tartaruni tal-borża; jew

(c)

għeżul, xbieki tat-tħabbil, pariti u għeżul tat-tisqif b’daqs tal-malja ta’ inqas minn 30 mm.

L-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jissottomettu sal-15 ta’ Diċembru 2023 lill-Kummissjoni data ta’ monitoraġġ li tappoġġa d-deroga.”.