30.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 230/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1071

tad-29 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 relatati mal-mekkaniżmu li jagħmel ċerti prodotti soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/111 (2) li jagħmel l-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll tas-sustanzi attivi, inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji, użati għall-manifattura ta’ dawn it-tilqimiet, soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479, għal perjodu ta’ sitt ġimgħat. Wara dan, fit-12 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 (3) li jagħmel l-esportazzjoni tal-istess prodotti soġġetta għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/479.

(2)

Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 (4) li jintroduċi, bħala fattur addizzjonali li jrid jitqies fil-kunsiderazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, il-ħtieġa li jittieħed kont dwar jekk din l-awtorizzazzjoni tkunx ta’ theddida fuq is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti koperti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 fl-Unjoni. Bl-istess Regolament, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni ta’ ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/521 ġie adottat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479 u japplika għal mhux aktar minn sitt ġimgħat. Il-miżuri introdotti minn dan ir-Regolament ġew sussegwentement estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2021 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/734 (5).

(4)

Sadanittant, il-kapaċità tal-produzzjoni tat-tilqim fl-Unjoni żdiedet, u dan irriżulta f’żieda fil-konsenji tad-dożi tat-tilqim kontra l-COVID-19 fl-Unjoni. Dan wassal għal aċċellerazzjoni tal-kampanja ta’ tilqim fl-Unjoni.

(5)

Madankollu, din il-kampanja ta’ tilqim għadha għaddejja u għad hemm inċertezzi, b’mod partikolari bl-emerġenza ta’ varjanti ġodda tal-virus COVID-19. Għalhekk hemm ħtieġa kontinwa għat-trasparenza tal-kunsinni tal-esportazzjoni u l-provvisti tal-Unjoni.

(6)

Għadu jippersisti wkoll ir-riskju li l-esportazzjonijiet jheddu jew l-eżekuzzjoni tal-Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem bejn l-Unjoni u l-manifatturi tat-tilqim jew is-sigurtà tal-provvisti tal-Unjoni tat-tilqim kontra l-COVID-19 u s-sustanzi attivi tagħhom.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 jibqgħu japplikaw sat-30 ta’ Settembru 2021. Għalhekk dawn ir-Regolamenti jenħtieġ jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/479,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għandu japplika sat-30 ta’ Settembru 2021.”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għandu japplika sat-30 ta’ Settembru 2021.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/111 tad-29 ta’ Jannar 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 31 I, 30.1.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/442 tal-11 ta’ Marzu 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 85, 12.3.2021, p. 190).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/521 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 52).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/734 tal-5 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni (ĠU L 158, 6.5.2021, p. 13).