24.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 224/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1030

tal-24 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 (2) jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’, u jipprojbixxi li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal, persuni, entitajiet jew korpi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja jew li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġjawh. Jipprojbixxi wkoll l-għoti ta’ assistenza teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti. Huwa jimponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, u jipprojbixxi l-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati. Huwa jeżenta t-tagħmir tal-biathlon mill-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni u jipprevedi derogi mill-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ azzarini sportivi ta’ kalibru żgħir, pistoli sportivi ta’ kalibru żgħir u munizzjon ta’ kalibru żgħir, u mill-projbizzjoni fuq l-assistenza jew is-servizzi relatati magħhom, filwaqt li jirrikonoxxi li l-esportazzjoni ta’ tagħmir bħal dan jenħtieġ li tkun limitata. Barra minn hekk, jipprojbixxi lit-trasportaturi tal-ajru Belarussi milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni, jitilqu minnu jew itiru fuqu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1031 (3) tintroduċi aktar sanzjonijiet ekonomiċi mmirati li huma mmirati lejn l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Mejju 2021 wara l-inżul furzat illegali ta’ titjira ta’ Ryanair intra-UE f’Minsk, il-Belarussja, fit-23 ta’ Mejju 2021. Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/1031 tintroduċi restrizzjonijiet ulterjuri relatati mal-kummerċ tal-armi. Tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir, teknoloġija jew softwer maħsuba primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni mill-awtoritajiet Belarussi jew f’isimhom tal-internet u tal-komunikazzjoni bit-telefon fuq networks mobbli jew fissi. Hija tipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju għal użu militari u lil persuni, entitajiet jew korpi speċifikati fil-Belarussja. Barra minn hekk, tintroduċi aktar restrizzjonijiet kummerċjali li jikkonċernaw prodotti petrolifiċi, klorur tal-potassju (“potassa”) u oġġetti użati għall-produzzjoni jew il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk. Barra minn hekk, timponi restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq kapitali tal-Unjoni fir-rigward tal-Gvern Belarussu kif ukoll tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet finanzjarji tal-Istat tal-Belarussja. Hija tintroduċi projbizzjoni fuq il-forniment ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni lill-Gvern Belarussu u lill-korpi u l-aġenziji pubbliċi Belarussi. Hija timponi ċerti projbizzjonijiet fuq il-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward ta’ proġetti fis-settur pubbliku. Dawk l-emendi jeħtieġ li jkunu riflessi fir-Regolament (KE) Nru 765/2006.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 765/2006 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“7.   ‘oġġetti u teknoloġija b’użu doppju’ tfisser l-oġġetti elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (*).

8.   ‘servizzi ta’ investiment’ tfisser is-servizzi u l-attivitajiet li ġejjin:

(i)

ir-riċeviment u t-trażmissjoni tal-ordnijiet b’rabta ma’ strument finanzjarju wieħed jew iktar;

(ii)

l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet f’isem il-klijenti;

(iii)

in-negozjar f’isem proprju;

(iv)

il-ġestjoni tal-portafolli;

(v)

konsulenza dwar l-investiment;

(vi)

is-sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn irrevokabbli;

(vii)

it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji mingħajr bażi ta’ impenn irrevokabbli;

(viii)

kwalunkwe servizz relatat mal-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat jew negozjar f’faċilità multilaterali tan-negozjar.

9.   ‘titoli trasferibbli’ tfisser il-klassijiet segwenti ta’ titoli li huma negozjabbli fis-suq kapitali, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti ta’ ħlas:

(i)

ishma f’kumpaniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f’kumpaniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, ċertifikati ta’ depożitu rigward l-ishma;

(ii)

il-kambjali jew forom oħra ta’ dejn garantit, inklużi ċertifikati ta’ depożitu rigward dawn it-titoli;

(iii)

kwalunkwe titolu ieħor li jagħti d-dritt għax-xiri jew il-bejgħ ta’ kwalunkwe titolu trasferibbli ta’ dan it-tip.

10.   ‘strumenti tas-suq tal-flus’ ifissru dawk il-klassijiet ta’ strumenti li jiġu normalment ikkummerċjati fis-suq tal-flus, bħalma huma l-kambjali tat-teżor, iċ-ċertifikati tad-depożitu u karti kummerċjali u bl-esklużjoni ta’ strumenti tal-ħlas;

11.   ‘istituzzjoni ta’ kreditu’ tfisser impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f’isimha stess.

(*)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 1a, il-paragrafi 4, 5 u 6 huma mħassra;

(3)

fl-Artikolu 1b, il-paragrafi 4, 5 u 6 huma mħassra;

(4)

jiżdiedu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1c

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness IV, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 jekk ikollhom raġunijiet ġustifikati biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-softwer inkwistjoni jintużaw għar-repressjoni mill-Gvern, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tal-Belarussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   L-Anness IV għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet jew bit-telefown.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 1d

1.   Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 1c(2), għandu jiġi pprojbit:

(a)

il-forniment, b’mod dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-softwer identifikati fl-Anness IV, jew relatati mal-installazzjoni, il-forniment, il-manifattura, iż-żamma u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness IV jew mal-forniment, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta’ kwalunkwe softwer identifikati fl-Anness IV, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

il-forniment, b’mod dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-softwer identifikati fl-Anness IV lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(c)

il-forniment ta’ kwalunkwe servizz ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet ta’ kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-Gvern, korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji Belarussi jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, “servizz ta’ monitoraġġ jew ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b’mod partikolari bl-użu ta’ tagħmir, teknoloġija jew software kif identifikat fl-Anness IV, aċċess għal u twassil tad-data assoċjata ma’ telekomunikazzjonijiet jew telefonati deħlin jew ħerġin ta’ suġġett għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi jew il-ħżin tagħha, jew kwalunkwe attività relatata oħra.

Artikolu 1e

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, irrispettivament minn jekk joriġinawx fl-Unjoni jew le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk dawk l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent finali militari.

Fejn l-utent aħħari huwa l-militar Belarussu, kwalunkwe oġġett u teknoloġija b’użu doppju akkwistati minnu għandhom jitqiesu li jkunu għall-użu militari.

2.   Meta jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 428/2009, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-utent aħħari jista ‘ jkun utent aħħari militari jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn l-esportazzjoni tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel il-25 ta’ Ġunju 2021, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni.

Artikolu 1f

1.   Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, ta’ oġġetti u teknoloġija, irrispettivament minn jekk joriġinawx fl-Unjoni jew le, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Belarussja kif elenkati fl-Anness V għal dan ir-Regolament.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti jew teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn l-oġġetti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, kif elenkat fl-Anness V;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti jew teknoloġija, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, kif elenkati fl-Anness V.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti, u għall-għoti ta’ assistenza neċessarja għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-Unjoni.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal esportazzjonijiet, bejgħ, provvisti jew trasferimenti ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew il-forniment relatat ta’ assistenza teknika jew finanzjarja, għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta’ kapaċitajiet nukleari ċivili eżistenti, għal użu mhux militari jew għal utent aħħari mhux militari.

Artikolu 1g

1.   Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness VI, irrispettivament minn jekk dawn il-prodotti joriġinawx fl-Unjoni jew le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   L-Anness VI għandu jinkludi l-oġġetti użati għall-produzzjoni jew il-manifattura tal-prodotti tat-tabakk.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 1h

1.   Għandhom ikunu pprojbiti:

(a)

l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti petrolifiċi kif elenkat fl-Anness VII jekk dawn:

(i)

joriġinaw fil-Belarussja; jew

(ii)

ġew esportati mill-Belarussja;

(b)

ix-xiri ta’ prodotti petrolifiċi li jinsabu fil-Belarussja jew li joriġinaw fiha;

(c)

it-trasport ta’ prodotti petrolifiċi jekk dawn ikunu joriġinaw mill-Belarussja, jew ikunu qed jiġu esportati mill-Belarussja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor;

(d)

il-forniment, b’mod dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-projbizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c).

2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal xiri fil-Belarussja ta’ prodotti petrolifiċi li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali tax-xerrej fil-Belarussja jew ta’ proġetti umanitarji fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 1i

1.   Għandu jkun ipprojbit l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, b’mod dirett jew indirett, ta’ prodotti tal-klorur tal-potassju (“potassa”) kif elenkat fl-Anness VIII mill-Belarussja, kemm jekk joriġinaw mill-Belarussja kif ukoll jekk le.

2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Ġunju 2021, jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 1j

Għandu jkun ipprojbit li b’mod dirett jew indirett jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment għal, jew assistenza fil-ħruġ ta’, jew li b’xi mod ieħor isir negozjar f’titoli trasferibbli u strumenti fis-suq tal-flus b’maturità li taqbeż id-90 jum, maħruġa wara d-29 ta’ Ġunju 2021 minn:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tagħha;

(b)

istituzzjoni ewlenija ta’ kreditu jew istituzzjoni oħra stabbilita fil-Belarussja b’aktar minn 50 % sjieda pubblika jew kontroll pubbliku mill-1 ta’ Ġunju 2021, kif elenkat fl-Anness IX;

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tiegħu jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness IX; jew

(d)

persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entità msemmija fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu jew elenkata fl-Anness IX.

Artikolu 1k

1.   Għandu jkun ipprojbit li b’mod dirett jew indirett isir jew li wieħed ikun parti minn kwalunkwe arranġament biex isir self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż id-90 jum, wara d-29 ta’ Ġunju 2021, lil:

(a)

ir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tagħha; jew

(b)

istituzzjoni ewlenija ta’ kreditu jew istituzzjoni oħra stabbilita fil-Belarussja b’aktar minn 50 % proprjetà pubblika jew kontroll pubbliku mill-1 ta’ Ġunju 2021, kif elenkat fl-Anness IX; jew

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tiegħu jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness IX; jew

(d)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp meta jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punt (c).

2.   Il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għal self jew krediti li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn kStat terz ieħor li jkun neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ esportazzjoni jew importazzjoni.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ wkoll tagħti, skont dawk it-termini li tqis xierqa, awtorizzazzjoni biex wieħed jagħmel jew ikun parti mis-self jew krediti msemmija fil-paragrafu 1 jekk tkun iddeterminat li:

(i)

l-attivitajiet ikkonċernati jkunu għall-fini li jingħata appoġġ lill-popolazzjoni ċivili Belarussa, bħal assistenza umanitarja, proġetti ambjentali, u sikurezza nukleari u s-self jew il-kreditu jkun neċessarju għall-konformità mar-riżerva minima legali jew regolatorja jew rekwiżiti simili biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ solvenza u likwidità għall-entitajiet finanzjarji fil-Belarussja li huma proprjetà maġġoritarja tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni; u

(ii)

l-attivitajiet ikkonċernati ma jkunux jinvolvu li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, b’mod dirett jew indirett, għal persuna jew entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 2 jew għall-benefiċċju tagħhom.

Meta tapplika l-kondizzjonijiet skont il-punti (i) u (ii), l-awtorità kompetenti għandha titlob għal informazzjoni adegwata rigward l-użu tal-awtorizzazzjoni mogħtija, inkluż informazzjoni dwar l-iskop tal-attivitajiet ikkonċernati u l-kontropartijiet tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.

4.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal prelevamenti jew żborżi magħmula taħt kuntratt konkluż qabel il--25 ta’ Ġunju 2021 dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-termini u kondizzjonijiet kollha ta’ dawn il-prelevamenti jew iżborżi:

(i)

intlaħaq qbil dwarhom qabel il-25 ta’ Ġunju 2021; u

(ii)

ma ġewx modifikati f’dik id-data jew warajha; u

(b)

qabel il-25 ta’ Ġunju 2021 ġiet iffissata data ta’ maturità kuntrattwali għar-rimborż sħiħ tal-fondi kollha li saru disponibbli u għall-kanċellazzjoni tal-impenji, id-drittijiet u l-obbligi kollha skont il-kuntratt; it-termini u l-kondizzjonijiet tal-prelevamenti u żborżi msemmija fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perjodu ta’ ħlas lura għal kull użu ta’ kreditu jew żborż, ir-rata tal-imgħax applikata jew il-metodu ta’ kalkolu tar-rata tal-imgħax, u l-ammont massimu.

Artikolu 1l

Għandu jkun ipprojbit li tiġi pprovduta assigurazzjoni jew riassigurazzjoni lil:

(i)

il-Gvern tal-Belarussja, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tiegħu; jew

(ii)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp meta jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-punt (i).

Artikolu 1m

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala effett, b’mod dirett jew indirett, li jevitaw il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1e, 1f, 1g, 1h, 1i, 1j, 1k u 1l.

Artikolu 1n

Minbarra l-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1k, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu:

(a)

jkun ipprojbit milli jagħmel kwalunkwe ħruġ ta’ flus jew ħlas taħt jew b’rabta ma’ kwalunkwe ftehim eżistenti li jkun sar bejn ir-Repubblika tal-Belarussja jew kwalunkwe awtorità pubblika tiegħu u l-BEI; u

(b)

jissospendi l-Kuntratti dwar Servizzi ta’ Assistenza Teknika eżistenti kollha li jirrigwardaw proġetti ffinanzjati taħt il-ftehimiet imsemmija fil-punt (a), u li huma maħsuba għall-benefiċċju dirett jew indirett tar-Repubblika tal-Belarussja jew ta’ kwalunkwe awtorità pubblika tagħha li jitwettaq fil-Belarussja.” ;

(5)

l-Anness III huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

(6)

l-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa mħassar u qed jiġi sostitwit bl-Anness II għal dan ir-Regolament;

(7)

l-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa mħassar u qed jiġi sostitwit bl-Anness III għal dan ir-Regolament;

(8)

l-Annessi IV, V, VI, VII għal dan ir-Regolament jiżdiedu bħala l-Annessi VI, VII VIII u IX għar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belorussja (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1031 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ara l-paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Fl-Anness III, jiżdied il-punt li ġej:

“9a

Aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet, kif definiti mill-artikolu 1A004.a.4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1749 tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju.”.


ANNESS II

“ANNESS IV

IT-TAGĦMIR, IT-TEKNOLOĠIJA U S-SOFTWARE MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 1C U 1D

Nota ġenerali

Minkejja l-kontenut ta’ dan l-Anness, huwa ma għandux japplika għal:

(a)

tagħmir, teknoloġija jew software li huma speċifikati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (1) jew il-Lista Militari Komuni; jew

(b)

software maħsub għall-installazzjoni mill-utent mingħajr appoġġ sostanzjali ulterjuri mill-fornitur u li huwa ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħ mill-ħwienet, mingħajr restrizzjoni, permezz ta’:

(i)

tranżazzjonijiet mhux regolati (over the counter);

(ii)

tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bil-korrispondenza;

(iii)

tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

(iv)

tranżazzjonijiet ta’ ordni bit-telefon; jew

(c)

software li huwa fid-dominju pubbliku.

Il-kategoriji A, B, C, D u E jirreferu għall-kategoriji msemmija fir-Regolament (KE) Nru 428/2009.

It-tagħmir, it-teknoloġija u s-software imsemmija fl-Artikoli 1c u 1d huma:

A.

Lista ta’ tagħmir

Tagħmir għall-Ispezzjoni Approfondita tal-Pakketti,

Tagħmir ta’ Interċettar ta’ Networks inkluż Tagħmir ta’ Ġestjoni tal-Interċettar (Interception Management Equipment, IMS) u tagħmir ta’ Data Retention Link Intelligence,

Tagħmir ta’ monitoraġġ tal-Frekwenzi tar-Radju,

Tagħmir ta’ ġġammjar ta’ Networks u Satelliti,

Tagħmir ta’ Infettar mill-Bogħod,

Tagħmir ta’ għarfien / ipproċessar tal-kelliem,

Tagħmir ta’ interċettar u sorveljanza IMSI (2), MSIDN (3), IMEI (4), TMSI (5),

Software ta’ intrużjoni (6),

Tagħmir iddisinjat jew modifikat biex iwettaq funzjonijiet kriptoanalitiċi,

Tagħmir tattiku ta’ interċettar u sorveljanza SMS (7) /GSM (8) /GPS (9) / GPRS (10) /UMTS (11) /CDMA (12) /PSTN (13),

Tagħmir ta’ interċettar u sorveljanza tal-informazzjoni DHCP (14) / SMTP (15), GTP, (16)

Tagħmir ta’ Għarfien ta’ Xejriet u Klassifikazzjoni ta’ Xejriet,

Tagħmir Forensiku li Jaħdem mill-Bogħod,

Tagħmir ta’ Mutur għall-Ipproċessar Semantiku (semantic processing engine),

Tagħmir ta’ kriptanaliżi WEP u WPA,

Tagħmir ta’ interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP,

B.

Mhux użati

C.

Mhux użati

D.

“Software” għall-”iżvilupp”, il-”produzzjoni” jew l-”użu” tat-tagħmir speċifikat fil-punt A u “software” li jkollu l-karatteristiċi tat-tagħmir speċifikat fil-punt A jew iwettaq jew jissimula l-funzjonijiet tiegħu.

E.

“Teknoloġija” għall-”iżvilupp”, “il-produzzjoni” jew l-”użu” tat-tagħmir speċifikat fil-punt A .

Tagħmir, teknoloġija u software li jaqgħu f’dawk il-kategoriji huma fl-ambitu ta’ dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta’ interċettar u sorveljanza tal-komunikazzjonijiet bl-internet, bit-telefon u bis-satellita”.

Għall-fini ta’ dan l-Anness, il-”monitoraġġ” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-data tan-network.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

(2)  “IMSI” tirreferi għal International Mobile Subscriber Identity (identità internazzjonali tal-abbonat tal-mobile). Din hija kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku għal kull biċċa apparat ta’ telefonija tal-mobile, integrata fil-karta SIM, li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ tali SIM permezz tan-networks GSM u UMTS.

(3)  “MSISDN” tirreferi għal Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-network diġitali għall-abbonat ta’ telefonija tal-mobile). Dan huwa numru uniku li jidentifika s-sottoskrizzjoni f’network tal-mobiles GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefon għall-karta SIM f’mobile u għaldaqstant jidentifika abbonat tal-mobile kif ukoll IMSI, iżda biex jittrażmetti t-telefonati permezz tiegħu.

(4)  “IMEI” tirreferi għal International Mobile Equipment Identity (identità internazzjonali tat-tagħmir tal-mobile). Dan huwa numru, normalment uniku biex jidentifika l-mobiles GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll xi telefon satellitari. Normalment ikun ipprintjat fil-kompartiment tal-batterija tat-telefon. L-interċettar (interċettar tal-linji telefoniċi) jista’ jiġi speċifikat min-numru IMEI tiegħu kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN.

(5)  “TMSI” tirreferi għal Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat tal-mobile). Din hija l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn il-mobile u n-network.

(6)  Software iddisinjat apposta jew modifikat biex jevita d-detezzjoni permezz ta’ għodod ta’ monitoraġġ, jew biex jegħleb kontromiżuri protettivi, ta’ apparat li kapaċi juża kompjuter jew network, għall-fini tal-estrazzjoni ta’ data jew informazzjoni, minn kompjuter jew apparat li kapaċi juża network, jew il-modifika ta’ data tas-sistema jew tal-utent.

(7)  “SMS” tirreferi għal Short Message System (sistema ta’ messaġġi qosra).

(8)  “GSM” tirreferi għal Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni tal-mobile).

(9)  “GPS” tirreferi għal Global Positioning System (sistema ta’ pożizzjonament globali).

(10)  “GPRS” tirreferi għal General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f’pakketti).

(11)  “UMTS” tirreferi għal Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta’ komunikazzjoni bil-mobile).

(12)  “CDMA” tirreferi għal Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b’diviżjoni tal-kodiċi).

(13)  “PSTN” tirreferi għal Public Switch Telephone Network (Network Telefoniku Pubbliku bl-Iswiċċ).

(14)  “DHCP” tirreferi għal Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta’ konfigurazzjoni dinamika ta’ min jospita).

(15)  “SMTP” tirreferi għal Simple Mail Transfer Protocol (protokoll ta’ trasferiment sempliċi tal-posta).

(16)  “GTP” tirreferi għal GPRS Tunneling Protocol.


ANNESS III

“ANNESS V

LISTA TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1f

[...]


ANNESS IV

“ANNESS VI

LISTA TA’ OĠĠETTI UŻATI GĦALL-PRODUZZJONI JEW IL-MANIFATTURA TAL-PRODOTTI TAT-TABAKK IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1g

L-isem tal-oġġett

Kodiċi tal-merkanzija (1)

Filtri

ex 4823 90 85

Karti għas-sigaretti

4813

Togħmiet għat-tabakk

ex 3302 90

Makkinarju li jipprepara jew jaħdem it-tabakk

8478


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2020:361:FULL&from=EN


ANNESS V

“ANNESS VII

PRODOTTI PETROLIFIĊI RAFFINATI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1h

L-isem tal-oġġett

Kodiċi tal-merkanzija (1)

żjut tal-petroleum u ż-żjut miksubin mill-minerali bituminużi (għajr dawk grezz); preparati li fihom > = 70 % bħala toqol ta’ żjut tal-petroleum jew ta’ żjut miksuba minn minerali bituminużi, dawn iż-żjut li huma l-kostitwenti bażiċi tal-preparati, mhux speċifikati x’imkien ieħor; żjut ta’ skart magħmulin l-aktar mill-petroleum jew minerali bituminużi

2710

gassijiet tal-petroleum u idrokarburi gassużi oħrajn;

2711

jelly tal-petroleum, xama’ bajda, xama’ tal-petroleum mikrokristallina, slack wax, ożoċerit, xama’ tal-linjite, xama’ tal-peat, xemgħat oħrajn minerali, u prodotti simili miksubin b’sinteżi jew bi proċessi oħrajn, kemm jekk ikkuluriti u kemm jekk le

2712

kokk tal-petroleum, bitum tal-petroleum u residwi oħrajn taż-żjut tal-petroleum jew taż-żjut miksubin mill-minerali bituminużi, mhux speċifikati x’imkien ieħor

2713

mastiċi bituminużi, cut-backs u taħlitiet oħrajn bituminużi bbażati fuq asfalt naturali, fuq il-bitum naturali, fuq il-bitum tal-petroleum, fuq il-qatran minerali jew fuq iż-żift tal-qatran minerali

2715


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2020:361:FULL&from=EN


ANNESS VI

“ANNESS VIII

LISTA TA’ PRODOTTI TAL-KLORUR TAL-POTASSJU (“POTASSA”) IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1i

L-isem tal-oġġett

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM)  (1)

Klorur tal-potassju b’kontenut ta’ potassju evalwat bħala K2O, skont il-piż, li ma jaqbiżx l-40 % tal-prodott xott anidru

3104 20 10

Klorur tal-potassju b’kontenut ta’ potassju evalwat bħala K2O, skont il-piż, li jaqbeż it-62 % tal-prodott xott anidru

3104 20 90

Fertilizzanti minerali jew kimiċi li fihom it-tliet elementi fertilizzanti nitroġenu, fosforu u potassju

3105 20 10

3105 20 90

Fertilizzanti minerali jew kimiċi li fihom iż-żewġ elementi fertilizzanti fosforu u potassju

ex3105 60 00

Fertilizzanti oħrajn li fihom il-klorur tal-potassju

ex 3105 90 20

ex 3105 90 80


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2020:361:FULL&from=EN


ANNESS VII

“ANNESS IX

LISTA TA’ ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU JEW ISTITUZZJONIJIET OĦRA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 1j U 1k

Belarusbank

Belinvestbank

Belagroprombank