17.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/34


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/966

tal-11 ta’ Ġunju 2021

li jagħti lil Cabo Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati, fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64(6) u l-Artikolu 66(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Cabo Verde huwa pajjiż li jibbenefika mill-arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba previst fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), imsejjaħ is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP+). Ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP), minbarra r-regoli proċedurali, huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3).

(2)

B’ittra ddatata t-18 ta’ Marzu 2020, Cabo Verde ppreżenta talba għal estensjoni tad-derogi temporanji mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, li kienu ngħataw permezz tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/561 (4) u (UE) 2019/620 (5). It-talba kienet tikkonċerna volum annwali ta’ 5 000 tunnellata ta’ fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati, 3 000 tunnellata ta’ fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u 1 000 tunnellata ta’ fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Skont id-deroga mitluba, dawn il-prodotti jitqiesu li joriġinaw f’Cabo Verde anki jekk ikunu pprokurati minn ħut mhux oriġinarju.

(3)

Cabo Verde sostna t-talba tiegħu għall-estensjoni ta’ dawn id-derogi billi bbaża fuq l-argumenti ppreżentati f’talbiet preċedenti, li skont huwa għadhom rilevanti, jiġifieri kwantitajiet baxxi ta’ tonn u kavalli maqbuda fl-ilmijiet territorjali tiegħu, opportunitajiet tas-sajd skarsi barra mill-ilmijiet territorjali tiegħu u perjodu limitat tal-istaġun tas-sajd. Element ieħor enfasizzat fit-talba huwa li Cabo Verde dan l-aħħar żviluppa l-infrastruttura portwarja tiegħu. B’riżultat ta’ dan, jistgħu jiġu mmaniġġjati kwantitajiet akbar ta’ ħut biex ifornu lill-industrija lokali tal-ipproċessar tal-ħut il-provvista biex iżżomm il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, it-talba enfasizzat id-diffikultajiet li jħabbat wiċċu magħhom Cabo Verde minħabba d-dewmien biex jiġi applikat il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika tal-Punent. Fl-argument tiegħu Cabo Verde jenfasizza l-ħtieġa tiegħu għal deroga mir-regoli SĠP dwar l-oriġini preferenzjali sabiex jikkumpensa għall-fatt li għadu mhux possibbli li wieħed jiddependi fuq il-kwoti tal-oriġini jew ir-regoli tal-akkumulazzjoni skont il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika li għadu mhux applikat b’mod provviżorju.

(4)

Id-deroga prevista fl-Artikolu 64(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (Kodiċi Doganali tal-Unjoni) hija ta’ natura temporanja u soġġetta għal konformità mtejba mar-regoli tal-oriġini għall-prodotti kkonċernati u mar-rekwiżit dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Sabiex ikun jista’ jimmaniġġja tali deroga mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali, il-pajjiż li jagħmel it-talba jrid jikkonforma mar-regoli tal-oriġini għall-prodotti kkonċernati u mal-proċeduri relatati magħhom u jrid jiggarantixxi kooperazzjoni amministrattiva tajba.

(5)

F’dan ir-rigward, l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ftit snin fil-kuntest tad-deroga mogħtija skont l-Artikolu 64(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 żvelaw ċerti nuqqasijiet fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva ta’ Cabo Verde mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fil-verifika tal-provi tal-oriġini. Nuqqasijiet bħal dawn setgħu rriżultaw f’ċaħda tad-deroga mitluba għar-raġunijiet imressqa minn Cabo Verde. Madankollu, wara l-preżentazzjoni ta’ dik it-talba, Cabo Verde u b’mod partikolari l-industrija tas-sajd tiegħu, kellhom jiffaċċjaw kriżi kbira minħabba telf ta’ dħul ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni hija intitolata, permezz tal-Artikolu 64(6) tal-kodiċi, li tqis din is-sitwazzjoni ġdida, biex tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ deroga fuq inizjattiva proprja.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li Cabo Verde jingħata deroga temporanja mir-rekwiżit skont ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali li l-prodotti jitqiesu li joriġinaw fil-pajjiż benefiċjarju biss meta materjali inkorporati fil-Kapitoli 3 u 16 tan-Nomenklatura Magħquda jinkisbu għalkollox f’dak il-pajjiż. Fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tagħha, jenħtieġ li d-deroga tingħata għal volum annwali ta’ 5 000 tunnellata ta’ fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati, 3 000 tunnellata ta’ fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u għal volum annwali ta’ 1 000 tunnellata ta’ fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Sabiex jitqiesu l-interessi kummerċjali tal-Unjoni Ewropea u tinżamm kompetizzjoni ġusta bejn l-industrija domestika tas-sajd tagħha u dik ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-volum annwali jonqos fis-snin ta’ wara skont il-volumi previsti fl-Annessi I u II, ħlief għall-fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati. Jenħtieġ li d-deroga tkun limitata għal perjodu ta’ tliet snin sabiex Cabo Verde jkun jista’ jirkupra mill-kriżi tal-COVID-19 u jagħmel ħiltu biex ilesti l-aġġustamenti strutturali meħtieġa fis-settur tas-sajd, bil-ħsieb li jikkonforma mar-regoli tal-oriġini għall-prodotti kkonċernati. Jenħtieġ li d-deroga tingħata bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali ta’ Cabo Verde jwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti soġġetti għad-deroga, u li dawn jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu dikjarazzjonijiet tal-oriġini skont dan ir-Regolament u n-numri tas-serje ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

(7)

Barra minn hekk, jenħtieġ li Cabo Verde jibbenefika minn deroga prevista mir-regoli preferenzjali tal-oriġini tas-SĠP għat-tonn u l-kavalli bil-kundizzjoni li jirrapporta regolarment lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkun ħa sabiex itejjeb il-konformità mar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti u mal-proċeduri relatati u biex jipprovdi kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali skont is-SĠP imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Jenħtieġ li dawn ir-rapporti jiġu ppreżentati skont skeda ta’ żmien preċiża, fejn kull dewmien biex jintlaħqu l-iskadenzi stabbiliti jwassal għas-sospensjoni tad-deroga li tkun trid tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde wara tfakkira u stedina biex jippreżenta r-rapporti fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol. Kull tali sospensjoni ma għandhiex ittawwal il-perjodu ta’ żmien previst fir-Regolament u fl-Annessi 1 u 2 tiegħu. L-elementi li għandhom jiġu inklużi f’dawn ir-rapporti jenħtieġ li jiġu elenkati f’anness ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Jenħtieġ li l-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ikunu ġestiti skont l-Artikoli minn 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (6) li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

(9)

Jenħtieġ li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u jiġu applikati b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021, sabiex titqies is-sitwazzjoni diffiċli ta’ Cabo Verde u biex dan il-pajjiż ikun jista’ japplika d-deroga għall-prodotti importati fl-UE minn dik id-data ’l hawn.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 41(b) u l-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, il-prodotti msemmijin fl-Annessi I u II, ipprokurati f’Cabo Verde minn ħut mhux oriġinarju għandhom jitqiesu li joriġinaw f’Cabo Verde f’konformità mal-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Din id-deroga għandha tapplika għall-prodotti li jkunu ġew esportati minn Cabo Verde u iddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.   Id-deroga għandha tapplika għall-prodotti sal-kwantitajiet annwali elenkati fl-Anness I (tonn) u fl-Anness II (kavalli u tumbrell).

3.   L-applikazzjoni tad-deroga hija soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti f’konformità mal-Artikoli minn 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 li jirregolaw il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji.

Artikolu 4

Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

L-awtoritajiet doganali ta’ Cabo Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1.

2.

Ir-referenza segwenti għandha tiddaħħal fid-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini magħmula mill-esportaturi rreġistrati: “Deroga — Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/966”.

3.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu jew saru dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini skont dan ir-Regolament u kopji ta’ dawn il-provi. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni sitt (6) xhur, 18-il xahar u 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

4.

Flimkien mar-rapporti msemmijin fil-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri li jkunu ħadu sabiex:

(a)

jiggarantixxu konformità mar-regoli dwar l-oriġini tal-prodotti u mal-proċeduri relatati;

(b)

jipprovdu kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali skont is-SĠP.

L-informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi rrappurtata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde hija elenkata fl-Anness III.

Artikolu 5

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jissodisfaw l-obbligu ta’ rappurtar tagħhom stabbilit fl-Artikolu 4(3) u (4), fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fih, il-Kummissjoni għandha tibgħat tfakkira lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde, fejn titlobhom jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa fi żmien 10 (għaxart) ijiem ta’ xogħol. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde ma jirrispondux għal din it-talba sal-iskadenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ tissospendi d-deroga prevista f’dan ir-Regolament. Kull tali sospensjoni ma għandhiex ittawwal il-perjodu ta’ żmien previst f’dan ir-Regolament u fl-Anness 1 u l-Anness 2 tiegħu. Dik is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, serje C.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/561 tat-8 ta’ April 2019 li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti tat-tonn ippreparati jew ippreservati (ĠU L 98, 9.4.2019, p. 13).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/620 tas-17 ta’ April 2019 li jagħti lil Cape Verde deroga temporanja mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward ta’ fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati u ta’ fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati (ĠU L 108, 23.4.2019, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS I

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Perjodi

Kwantità annwali (piż nett f’tunnellati)

09.1602

1604142100

1604142690

1604142800

1604207050

1604207055

1604143190

1604143690

1604143800

1604207099

0304870090

1604144120

1604144629

1604144820

1604207045

0304870020

1604144130

1604144830

10

Fletti u lojns ippreparati jew ippreservati ta’ palamit (Katsuwonus pelamis)

Fletti u lojns ippreparati jew ippreservati ta’ tonn isfar (Thunnus albacares)

Fletti u lojns ippreparati jew ippreservati ta’ tonn obeż (Thunnus obesus)

Alonga ppreparata (Thunnus alalunga)

1.1.2021 sal-31.12.2021

1.1.2022 sal-31.12.2022

1.1.2023 sal-31.12.2023

5 000 tunnellata

3 500 tunnellata

2 500 tunnellata


ANNESS II

Nru tal-ordni

Kodiċi NM

 

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Perjodi

Kwantità annwali (piż nett f’tunnellati)

09.1647

1604 15 11

ex 1604 19 97

 

Fletti tal-kavalli ppreparati jew ippreservati (Scomber scombrus, Scomber japonicus, Scomber colias)

1.1.2021 sal-31.12.2021

1.1.2022 sal-31.12.2022

1.1.2023 sal-31.12.2023

3 000 tunnellata

2 500 tunnellata

2 000 tunnellata

09.1648

1604 20 90

ex 1604 19 97

 

Fletti tat-tumbrell ippreparati jew ippreservati (Auxis thazard, Auxis rochei)

1.1.2021 sal-31.12.2021

1.1.2022 sal-31.12.2022

1.1.2023 sal-31.12.2023

1 000 tunnellata

1 000 tunnellata

1 000 tunnellata


ANNESS III

Miżuri li jridu jiġu rrappurtati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde kif imsemmi fl-Artikolu 4(4)

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 4(4) għandu jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde biex jiggarantixxu li:

(a)

jitwettqu verifiki tal-istatus oriġinarju tal-prodotti b’talba tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għal kull talba li ssir sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 109 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447;

(b)

il-verifiki tal-istatus oriġinarju tal-prodotti tas-sajd marittimu msemmijin fl-Artikolu 44(1), il-punt (h) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 ikunu jinkludu kontroll fil-post tal-qabda, u li l-verifiki tal-istatus oriġinarju ta’ prodotti oħra meħuda mill-baħar barra l-baħar territorjali msemmijin fl-Artikolu 44(1), il-punt (h), ta’ dak ir-Regolament Delegat jinkludu kontroll tal-kundizzjonijiet tas-sjieda tal-bastiment;

(c)

il-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 108(1), il-punt (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jitwettqu fuq l-esportaturi f’intervalli ddeterminati abbażi ta’ kriterji xierqa ta’ analiżi tar-riskji skont l-Artikolu 108(2) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

(d)

l-esportaturi u l-uffiċjali tal-gvern f’Cabo Verde ikunu infurmati kif xieraq bir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SĠP u dwar il-proċeduri relatati permezz ta’ struzzjonijiet, taħriġ, seminars u/jew informazzjoni fl-Internet adegwati.

Ir-rapport dwar il-miżuri msemmijin fil-punt (a) ta’ hawn fuq għandu jinkludi, għal kull talba ta’ verifika tal-oriġini li tasal mingħand l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, l-elementi li ġejjin:

ir-referenza u d-data tat-talba għall-verifika tal-oriġini;

l-Istat Membru li bagħat it-talba [l-Istat Membru rikjedenti];

id-data ta’ meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde rċevew it-talba;

il-prodotti kkonċernati (il-kodiċi SA u d-deskrizzjoni tal-prodotti);

id-data meta t-tweġiba ntbagħtet lill-Istat Membru rikjedenti;

ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien fit-tweġiba għat-talba, kif xieraq;

il-valutazzjoni tat-talba mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Cabo Verde (jiġifieri jekk l-oriġini ddikjarata fid-dikjarazzjoni dwar l-oriġini ġietx ikkonfermata jew le).

Ir-rapport dwar il-miżuri msemmijin fil-punt (c) ta’ hawn fuq għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

l-għadd ta’ kontrolli mwettqa;

il-kriterji tal-analiżi tar-riskju li użaw l-awtoritajiet kompetenti biex jivvalutaw ir-riskji u biex jiddeterminaw l-intervalli bejn il-kontrolli regolari fuq l-esportaturi;

il-metodoloġija segwita matul il-kontrolli;

informazzjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunux talbu lil (xi) esportaturi jipprovdu kopji jew lista tad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini li jkunu għamlu, bil-ħsieb li jwettqu l-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 108(1), il-punt (b), f’konformità mal-Artikolu 108(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447;

informazzjoni dwar jekk il-kontrolli wrewx li l-esportaturi f’Cabo Verde jifhmu r-regoli tal-oriġini applikabbli u l-proċeduri relatati;

kull miżura korrettiva li ttieħdet u/jew penali imposta fuq l-esportatur talli għamel dikjarazzjoni dwar l-oriġini skorretta.

Ir-rapport dwar il-miżuri msemmijin fil-punt (d) ta’ hawn fuq għandu jinkludi l-istruzzjonijiet, id-dokumenti u l-materjali ta’ taħriġ li jirrigwardaw ir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali għall-finijiet tas-SĠP u dwar il-proċeduri relatati, użati biex jinfurmaw lill-esportaturi u lill-uffiċjali tal-gvern ta’ Cabo Verde.

Ir-rapporti msemmijin fl-Artikolu 4(3) u (4) għandhom jaġġornaw l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti preċedenti.