14.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/79


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (Euratom) 2021/948

tas-27 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi Strument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari li jikkomplementa l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali abbażi tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 237/2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-Unjoni tħares u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha madwar id-dinja sabiex taħdem għall-objettivi u l-prinċipji tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 3(5) u l-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

Sabiex jimplimenta l-qafas internazzjonali l-ġdid stabbilit mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, ir-Regolament (EU) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)+ għandu l-għan li jżid il-koerenza u jiżgura l-effettività tal-azzjoni esterna tal-Unjoni billi jikkonċentra l-isforzi tiegħu permezz ta’ strument simplifikat biex itejjeb l-implimentazzjoni tal-politiki differenti ta’ azzjoni esterna.

(3)

L-objettiv tal-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari (l-“Istrument”), li jikkomplementa l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947, jenħtieġ li jkun il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari, protezzjoni mir-radjazzjoni, u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effiċjenti u effettivi ta’ materjali nukleari f’pajjiżi terzi, li jibnu fuq l-attivitajiet fi ħdan il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Komunità). Fi ħdan dan l-objettiv, dan ir-Regolament għandu l-għan li jappoġġa l-promozzjoni ta’ trasparenza fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam nukleari tal-awtoritajiet f’pajjiżi terzi.

(4)

Jenħtieġ li l-Istrument jiġi stabbilit għal perijodu ta’ seba’ snin biex it-tul ta’ żmien tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (3).

(5)

Dan ir-Regolament jagħmel parti mill-qafas imfassal għall-ippjanar tal-kooperazzjoni u jenħtieġ li jikkomplementa dawk il-miżuri ta’ kooperazzjoni nukleari li huma ffinanzjati skont ir-Regolament (UE) 2021/947.

(6)

L-Istati Membri tal-Unjoni huma Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari ffirmat fl-1 ta’ Lulju 1968 u japplikaw il-Protokoll Addizzjonali għall-ftehimiet ta’ salvagwardja rispettivi tagħhom mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

(7)

Sabiex jibqa’ jsir u jiġi promoss it-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari u r-regolamentazzjoni tagħha, il-Kunsill adotta d-Direttivi 2009/71/Euratom (4), 2011/70/Euratom (5) u 2013/59/Euratom (6). Dawk id-Direttivi u l-istandard għoli ta’ sikurezza nukleari u ta’ ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat implimentat fil-Komunità huma eżempji li għandhom jintużaw biex pajjiżi terzi jitħeġġu jadottaw standards għolja simili.

(8)

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari adottata fis-17 ta’ Ġunju 1994 u l-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sigurtà tal-Maniġġar ta’ Karburant Użat u dwar is-Sigurtà tal-Maniġġar ta’ Skart Radjuattiv adottata fil-5 ta’ Settembru 1997.

(9)

Jenħtieġ li l-Komunità tkompli tikkoopera mill-qrib mal-IAEA skont il-Kapitolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“it-Trattat Euratom”) fir-rigward tas-sikurezza nukleari u s-salvagwardji nukleari, biex jinkisbu l-objettivi tal-Kapitoli 3 u 7 tat-Titolu II tat-Trattat Euratom. Il-Komunità tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet u programmi internazzjonali oħra li jipprovaw jiksbu objettivi simili.

(10)

Jenħtieġ li l-Istrument jipprevedi azzjonijiet b’appoġġ għall-objettivi mixtieqa u f’konformità mal-azzjonijiet appoġġati preċedentement skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 237/2014 (7). Dawk l-objettivi jikkonċernaw il-promozzjoni ta’ kultura ta’ sikurezza nukleari effettiva u l-implimentazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari u ta’ protezzjoni mir-radjazzjoni u t-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari, il-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, id-dekummissjonar u r-rimedjazzjoni ta’ dawk li kienu siti u installazzjonijiet nukleari, u salvagwardji effiċjenti u effettivi għal materjal nukleari f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari fil-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

(11)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun imsejsa fuq konsultazzjoni, fejn rilevanti, mal-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti tagħhom, b’mod partikolari l-awtoritajiet regolatorji kompetenti fil-qasam tas-sikurezza nukleari, mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u permezz tal-kumitat tal-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari, u fuq djalogu mal-pajjiżi sħab. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar assistenza lil pajjiżi terzi fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari adottati fid-9 ta’ Diċembru 2008.

(12)

Jenħtieġ li r-riżultati tal-azzjoni esterna tal-Komunità jiġu mmonitorjati u vvalutati fuq il-bażi ta’ indikaturi predefiniti, trasparenti, speċifiċi għall-pajjiżi u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-objettivi tal-Istrument u preferibbilment jenħtieġ li jkunu msejsa fuq il-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali. Jenħtieġ li l-indikaturi jkunu orjentati lejn il-kwalità, il-prestazzjoni u r-riżultati, sabiex jirrikjedu aktar responsabbiltà u obbligu ta’ rendikont mill-pajjiżi benefiċjarji fil-konfront tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni ta’ miżuri għat-titjib tas-sikurezza.

(13)

Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Komunità jfittxu l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex jottimizzaw l-impatt tal-azzjoni esterna tagħhom. Jenħtieġ li dan jinkiseb permezz ta’ koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-Unjoni, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta’ sinerġiji ma’ politiki u programmi oħra tal-Unjoni. Sabiex jimmassimizza l-impatt ta’ interventi kkombinati biex jintlaħaq objettiv komuni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti l-kombinament ta’ finanzjamenti ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess spejjeż.

(14)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Istrument, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja fit-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, (8) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(15)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għall-Istrument. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni.

(16)

Jenħtieġ li r-regoli u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE) 2021/947 japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif xieraq, u jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jirriflettu d-dispożizzjonijiet previsti f’dak ir-Regolament.

(17)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom u l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premji u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom u l-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li l-forom u l-metodi ta’ implimentazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni stipulati f’dan ir-Regolament jintgħażlu fuq il-bażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta’ somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(19)

Jenħtieġ li l-miżuri u l-pjanijiet ta’ azzjoni annwali jikkostitwixxu programmi ta’ ħidma skont ir-Regolament Finanzjarju. Il-pjanijiet ta’ azzjoni annwali jikkonsistu f’sett ta’ miżuri miġbura f’dokument wieħed.

(20)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ ssir mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, huwa neċessarju li tiġi prevista l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-bidu tas-sena finanzjarja 2021.

(21)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (11), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) u (UE) 2017/1939 (13), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ pieni amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u għandha tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. Għal dik ir-raġuni, ftehimiet ma’ pajjiżi u territorji terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll kwalunkwe kuntratt jew ftehim li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-UPPE li jwettqu awditi u verifiki u spezzjonijiet fuq il-post skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u jiżguraw li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(22)

Għalhekk ir-Regolament (Euratom) Nru 237/2014 jenħtieġ li jitħassar.

(23)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(24)

Jenħtieġ li r-referenzi għall-istrumenti ta’ assistenza esterna fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (16) jinqraw bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għar-Regolamenti msemmijin hawnhekk. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dan ir-Regolament jiġi implimentat skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE.

(25)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament isegwu strettament il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mill-miżuri restrittivi tal-Unjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, fuq il-bażi tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari (l-“Istrument”), li jikkomplementa l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Istrument, il-baġit tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, u l-forom u l-metodi ta’ implimentazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni.

Artikolu 2

Objettivi tal-Instrument

1.   L-objettiv tal-Istrument huwa li jikkomplementa dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni nukleari li jiġu ffinanzjati skont ir-Regolament (UE) 2021/947, b’mod partikolari sabiex jappoġġa l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni, u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effiċjenti u effettivi ta’ materjali nukleari f’pajjiżi terzi, fuq il-bażi tal-attivitajiet fi ħdan il-Komunità tal-qafas regolatorju Euratom rilevanti, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod kemm jista’ jkun miftuħ. Fi ħdan dan l-objettiv, dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jappoġġa l-promozzjoni tat-trasparenza fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-qasam nukleari tal-awtoritajiet f’pajjiżi terzi.

2.   Skont il-paragrafu 1, l-Istrument għandu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta’ kultura effettiva ta’ sikurezza nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni, l-implimentazzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari u protezzjoni mir-radjazzjoni, u t-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari, inkluż il-promozzjoni tat-trasparenza fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet f’pajjiżi terzi relatati mas-sikurezza ta’ installazzjonijiet nukleari;

(b)

il-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv u d-dekummissjonar u r-rimedjazzjoni ta’ dawk li kienu siti u installazzjonijiet nukleari, inkluż il-promozzjoni tat-trasparenza fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet f’pajjiżi terzi;

(c)

l-istabbiliment ta’ salvagwardji effiċjenti u effettivi għall-materjal nukleari f’pajjiżi terzi.

Artikolu 3

Koerenza, konsistenza u komplementarjetà

1.   Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu żgurati konsistenza, sinerġiji u komplementarjetà mar-Regolament (UE) 2021/947, programmi oħrajn ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni, u politiki u programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp.

2.   Fejn xieraq, programmi oħra tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu għal azzjonijiet stabbiliti skont dan ir-Regolament, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Dan ir-Regolament jista’ wkoll jikkontribwixxi għal miżuri stabbiliti fil-qafas ta’ programmi oħrajn tal-Unjoni, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet.

3.   Ir-regoli ta’ kull programm tal-Unjoni li jikkontribwixxi għal azzjonijiet stabbiliti skont dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

Artikolu 4

Baġit tal-Istrument

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Istrument għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 300 miljun bi prezzijiet attwali.

Artikolu 5

Qafas ta’ politika

Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, il-ftehimiet ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni, il-ftehimiet multilaterali u ftehimiet oħra li jistabbilixxu relazzjoni legalment vinkolanti bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab tagħha, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill, id-dikjarazzjonijiet ta’ summits, il-konklużjonijiet ta’ laqgħat ta’ livell għoli ma’ pajjiż sħab, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandhom jikkostitwixxu l-qafas ta’ politika ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

TITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRUMENT

Artikolu 6

Programmi indikattivi pluriennali

1.   Il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata fuq il-bażi tal-programmi indikattivi pluriennali.

2.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandu jkollhom l-għan li jipprovdu qafas koerenti għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni kkonċernati, b’mod konsistenti mal-għan globali u l-kamp ta’ applikazzjoni, l-objettivi, il-prinċipji u l-politika tal-Komunità u fuq il-bażi tal-qafas politiku msemmi fl-Artikolu 5.

3.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jikkostitwixxu bażi ġenerali għall-kooperazzjoni taħt dan ir-Regolament u għandhom jistabbilixxu l-għanijiet tal-Komunità għall-kooperazzjoni, fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi kkonċernati, il-prijoritajiet tal-Komunità, is-sitwazzjoni internazzjonali u l-attivitajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jindikaw ukoll il-valur miżjud tal-kooperazzjoni u kif għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni ma’ programmi u inizjattivi oħrajn, b’mod partikolari dawk ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom objettivi simili u donaturi ewlenin.

4.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta’ prijorità magħżula għall-finanzjament, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni u dawk orjentati lejn ir-riżultati u l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, kemm globalment kif ukoll għal kull objettiv.

5.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom ikunu bbażati fuq djalogu mal-pajjiżi jew ir-reġjuni sħab li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti, speċjalment l-awtoritajiet governattivi u regolatorji u l-organizzazzjonijiet maħtura minnhom, sabiex jiżguraw li l-pajjiż jew ir-reġjun ikkonċernat jieħu biżżejjed sjieda tal-proċess, u biex jinkoraġġixxu appoġġ għal aktar żvilupp tas-sikurezza nukleari fil-livell nazzjonali.

6.   Fejn rilevanti wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (“ENSREG”), il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi indikattivi pluriennali f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

7.   Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2), għandha tirrevedi u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-programmi indikattivi pluriennali mill-inqas erba’ snin wara l-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 7

Pjanijiet ta’ azzjoni annwali u miżuri

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta pjanijiet ta’ azzjoni annwali abbażi tal-programmi indikattivi pluriennali. Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll miżuri speċjali u miżuri ta’ appoġġ.

Fil-każ ta’ ħtiġijiet, ċirkostanzi jew impenji mhux previsti u debitament iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri speċjali.

Il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-miżuri speċjali għandhom jispeċifikaw għal kull pajjiż terz jew reġjun, l-objettivi segwiti, il-proċeduri ta’ ġestjoni, il-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, skeda ta’ żmien indikattiva, ir-riżultati mistennija u l-attivitajiet ewlenin, il-metodi u, fejn adatt, l-istatus tal-pjanijiet ta’ azzjoni u l-miżuri speċjali għal kull pajjiż terz jew reġjun, il-baġit u kwalunkwe nefqa ta’ appoġġ assoċjata. Dawk il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-miżuri għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-ġabra ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu finanzjati u deskrizzjoni fil-qosor ta’ kull azzjoni, indikazzjoni tal-ammonti allokati għal kull azzjoni, skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni u indikaturi speċifiċi għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-prestazzjoni u r-riżultati kif ukoll kwalunkwe nefqa ta’ appoġġ assoċjata, kif adatt. Jekk adatt, dawn għandhom jinkludu r-riżultati ta’ kwalunkwe tagħlima li ttieħdet minn kooperazzjoni preċedenti.

2.   Il-pjanijiet ta’ azzjoni u l-miżuri għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.   Il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ma għandhiex tkun meħtieġa għal:

(a)

miżuri speċjali u miżuri ta’ appoġġ li għalihom il-finanzjament tal-Unjoni ma jaqbiżx il-EUR 5 miljun;

(b)

emendi tekniċi, sakemm dawn ma jaffettwawx sostanzjalment l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni jew tal-miżura kkonċernata, bħal:

(i)

bidla fil-metodu tal-implimentazzjoni;

(ii)

riassenjazzjonijiet ta’ fondi bejn l-azzjonijiet li jinsabu fi pjan ta’ azzjoni;

(iii)

żiediet jew tnaqqis fil-baġit tal-pjanijiet ta’ azzjoni u miżuri speċjali b’mhux iktar minn 20 % tal-baġit inizjali u li ma jaqbiżx il-EUR 5 miljun.

Ladarba adottati f’konformità ma’ dan il-paragrafu, il-miżuri speċjali u l-miżuri ta’ sostenn kif ukoll l-emendi tekniċi tagħhom għandhom jiġu kkomunikati lill-kumitat tal-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari msemmi fl-Artikolu 15 fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom. Dawn għandhom jiġu kkomunikati wkoll lill-Parlament Ewropew.

4.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati mal-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Komunità, il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3), għandha tadotta jew temenda l-pjanijiet ta’ azzjoni jew miżuri permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li għandhom japplikaw immedjatament.

Artikolu 8

Miżuri ta’ appoġġ

1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista’ jkopri n-nefqa ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrument u għall-kisba tal-objettivi tiegħu, inkluż l-appoġġ amministrattiv assoċjat mat-tħejjija, is-segwitu, il-monitoraġġ, il-kontroll, il-verifika u l-evalwazzjoni neċessarji għall-implimentazzjoni, kif ukoll għan-nefqa fil-kwartieri ġenerali għall-appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-Istrument, u għall-ġestjoni ta’ operazzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, inkluż azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, u sistemi ta’ teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi.

2.   Meta n-nefqa ta’ appoġġ ma tkunx inkluża fil-pjanijiet ta’ azzjoni jew fil-miżuri speċjali msemmija fl-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha tadotta, fejn applikabbli, miżuri ta’ appoġġ. Il-finanzjament mill-Unjoni taħt il-miżuri ta’ appoġġ jista’ jkopri:

(a)

studji, laqgħat, informazzjoni, sensibilizzazzjoni, taħriġ, tħejjija u l-iskambju tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki, attivitajiet ta’ pubblikazzjoni u kwalunkwe nefqa oħra għall-assistenza amministrattiva jew teknika neċessarja għall-ipprogrammar u l-ġestjoni ta’ azzjonijiet, inkluż missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti jew esperti esterni mħallsa;

(b)

nefqa relatata mal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ komunikazzjoni u l-komunikazzjoni korporattiva u l-viżibbiltà tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

Artikolu 9

Metodi ta’ kooperazzjoni

Il-finanzjament fil-qafas tal-Istrument għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni, kif previst mir-Regolament Finanzjarju, jew direttament mill-Kummissjoni nfisha jew inkella indirettament permezz ta’ xi waħda mill-entitajiet elenkati fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 10

Forom u metodi ta’ implimentazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-finanzjament tal-Unjoni fil-qafas tal-Istrument jista’ jiġi pprovdut fil-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari:

(a)

għotjiet;

(b)

kuntratti ta’ akkwist pubbliku għal servizzi jew provvisti;

(c)

ħlas ta’ esperti esterni; u

(d)

taħlit.

2.   L-appoġġ fil-qafas tal-Istrument jista’ jiġi wkoll implimentat skont ir-regoli applikabbli għal Garanzija għall-Azzjoni Esterna stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2021/947 (“Garanzija għall-Azzjoni Esterna”) u jikkontribwixxi għall-proviżjonament favur il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. Il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna għandha wkoll tappoġġa l-operazzjonijiet abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/270/Euratom (17).

Ir-rata ta’ proviżjonament għall-operazzjonijiet tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna li għalihom jikkontribwixxi l-appoġġ fil-qafas tal-Istrument għandha tkun ta’ 9 %.

3.   Ir-rati ta’ proviżjonament għandhom ikunu riveduti kull tliet snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Persuni u entitajiet eliġibbli

1.   Għandha tingħata prijorità lil persuni u entitajiet minn pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati, pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-parteċipazzjoni fl-akkwist, l-għotjiet u l-proċeduri ta’ għoti ta’ premjijiet għal azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tal-Istrument għandha tkun miftuħa għall-organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll għall-entitajiet legali kollha li huma ċittadini tal-pajjiżi jew tat-territorji li ġejjin, jew, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, li huma wkoll stabbiliti b’mod effettiv fihom:

(a)

L-Istati Membri, il-benefiċjarji taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) stabbilit minn Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), u l-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (18);

(b)

il-pajjiżi sħab fiż-żona tal-Viċinat imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2021/947;

(c)

il-pajjiżi u t-territorji fil-fażi tal-iżvilupp, kif inklużi fil-lista ta’ benefiċjarji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp ippubblikata mill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (il-“lista ta’ benefiċjarji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp”), li mhumiex membri tal-G20, u pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (19);

(d)

il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, kif inklużi fil-lista ta’ benefiċjarji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, li huma membri tal-G20, u għal pajjiżi u territorji oħra, meta l-proċedura rilevanti sseħħ fil-kuntest ta’ azzjoni ffinanzjata mill-Unjoni skont dan ir-Regolament li jipparteċipaw fiha;

(e)

il-pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-finanzjament estern mill-Kummissjoni;

(f)

il-pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, fil-każ ta’ kuntratti implimentati f’wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati jew f’pajjiż fqir b’ħafna dejn, kif inklużi fil-lista ta’ riċevituri tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp;

(g)

pajjiżi terzi li fihom jitwettqu l-attivitajiet kif previsti fil-programmi indikattivi pluriennali, fil-pjanijiet ta’ azzjoni jew fil-miżuri speċifiċi.

L-aċċess reċiproku msemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu jista’ jingħata, għal perijodu limitat ta’ mhux inqas minn sena, kull meta pajjiż jirrikonoxxi eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku u dwar id-durata tiegħu wara konsultazzjoni mal-pajjiż jew pajjiżi riċevituri kkonċernati.

2.   Il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati fil-qafas tal-Istrument jistgħu joriġinaw mill-pajjiżi u skont il-kondizzjonijiet rispettivi speċifikati fil-paragrafu 1.

3.   Ir-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw u ma għandhomx joħolqu restrizzjonijiet marbuta man-nazzjonalità għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b’xi mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, subkuntrattur.

4.   Għal azzjonijiet kofinanzjati b’mod konġunt minn entità jew implimentati taħt ġestjoni diretta jew ġestjoni indiretta ma’ entitajiet elenkati fil-punti (c)(ii)–(viii) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, għandhom japplikaw ukoll ir-regoli ta’ eliġibbiltà ta’ dawk l-entitajiet.

5.   Meta donaturi jipprovdu finanzjament għal fond fiduċjarju stabbilit mill-Kummissjoni jew permezz ta’ dħul assenjat estern, għandhom japplikaw ir-regoli ta’ eliġibbiltà fl-att kostituttiv ta’ dak il-fond fiduċjarju jew fil-ftehim mad-donaturi fil-każ ta’ dħul assenjat estern.

6.   Fil-każ ta’ azzjonijiet iffinanzjati fil-qafas tal-Istrument u skont programm ieħor tal-Unjoni, l-entitajiet eliġibbli taħt xi wieħed minn dawn il-programmi għandhom jitqiesu bħala eliġibbli.

7.   Ir-regoli ta’ eliġibbiltà f’dan l-Artikolu jistgħu jkunu ristretti fir-rigward tan-nazzjonalità, il-pożizzjoni ġeografika jew in-natura tal-applikanti, jew l-oriġini tal-provvista u tal-materjali, fejn tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa min-natura speċifika u l-objettivi tal-azzjoni u fejn ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva tagħha.

8.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli fil-każ ta’ urġenza jew nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi fis-swieq tal-pajjiżi jew territorji kkonċernati, jew f’każijiet oħrajn debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta’ azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

9.   Sabiex jiġu promossi l-kapaċitajiet, is-swieq u x-xiri lokali, għandha tingħata prijorità lill-kuntratturi lokali u reġjonali f’każijiet fejn ir-Regolament Finanzjarju jipprevedi għotja abbażi ta’ offerta waħda. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-parteċipazzjoni ta’ kuntratturi lokali u reġjonali għandha tiġi promossa f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 12

Kriterji li japplikaw għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari

1.   Fehim komuni u fehim reċiproku bejn il-pajjiż terz u l-Komunità għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkonfermati permezz ta’ talba formali lill-Kummissjoni. Tali talba għandha timpenja lill-gvern rispettiv.

2.   Pajjiżi terzi li jixtiequ jikkooperaw mal-Komunità għandhom ikunu partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u għandu jkollhom Protokoll Addizzjonali fis-seħħ jew għandhom ikunu kkonkludew ftehim ta’ salvagwardji mal-IAEA. Għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-Prinċipji tas-Sikurezza Fundamentali kif stipulati fl-Istandards tas-Sikurezza tal-IAEA u għandhom ikunu partijiet għall-konvenzjonijiet rilevanti, bħall-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari u l-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sigurtà tal-Immaniġġar ta’ Kombustibbli Eżawrit u dwar is-Sigurtà tal-Immaniġġar ta’ Skart Radjuattiv, jew ikunu ħadu passi li juru impenn sod li jaderixxu ma’ tali konvenzjonijiet. Fil-każ ta’ kooperazzjoni attiva, dak l-impenn għandu jiġi evalwat kull sena, b’kont meħud tar-rapporti nazzjonali u ta’ dokumenti oħra dwar l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet rilevanti. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandha tittieħed deċiżjoni rigward it-tkomplija tal-kooperazzjoni. F’każijiet ta’ emerġenza, għandha tintwera, eċċezzjonalment, flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji.

3.   Sabiex tiġi żgurata u mmonitorjata l-konformità mal-objettivi relatati mal-kooperazzjoni tal-Istrument, il-pajjiż terz ikkonċernat għandu jaċċetta l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet meħuda. Dik l-evalwazzjoni għandha tippermetti l-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità mal-objettivi maqbula u tista’ tkun kundizzjoni għall-kontinwazzjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni tal-Komunità.

4.   Il-kooperazzjoni pprovduta mill-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari skont dan ir-Regolament ma għandhiex l-għan li tippromwovi l-enerġija nukleari u għaldaqstant ma għandhiex tiġi interpretata bħala miżura li tippromwovi tali enerġija f’pajjiżi terzi.

Artikolu 13

Benefiċjarji ta’ kooperazzjoni

1.   Il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tkun diretta lejn:

(a)

l-awtoritajiet regolatorji kompetenti fil-qasam tas-sikurezza nukleari u l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ tekniku maħtura għalihom, biex jiggarantixxu l-ħiliet tekniċi tagħhom, l-indipendenza u t-tisħiħ tal-qafas regolatorju fis-suġġetti rilevanti fir-rigward tas-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni;

(b)

l-aġenziji nazzjonali inkarigati mill-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv, biex jippermettu l-kategorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-responsabbiltà u l-ħżin sikur tiegħu;

(c)

kwalunkwe parti ikkonċernata f’missjoni tas-sistema tal-istat għall-kontabbilità u l-kontroll tal-materjal nukleari biex jiġu stabbiliti salvagwardji effiċjenti u effettivi;

(d)

operaturi tal-impjanti tal-enerġija nukleari, f’każijiet eċċezzjonali, limitati għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju u s-sikurezza (simulazzjonijiet ta’ kriżi) imwettqa mill-ENSREG.

2.   L-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(1) għandhom b’mod partikolari jintlaħqu permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

tisħiħ tal-proċeduri u s-sistemi tal-qafas regolatorju;

(b)

stabbiliment ta’ arranġamenti effettivi għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti b’konsegwenzi radjoloġiċi, inkluż l-esponiment aċċidentali, kif ukoll il-mitigazzjoni ta’ konsegwenzi bħal dawn fil-każ li jseħħu;

(c)

żvilupp u implimentazzjoni ta’ strateġiji u oqfsa, metodoloġiji, teknoloġija u approċċi, għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv;

(d)

appoġġ għall-iżgurar tas-sikurezza tal-installazzjonijiet u siti nukleari fir-rigward tal-miżuri protettivi prattiċi mfassla biex jitnaqqsu r-riskji eżistenti relatati mar-radjazzjoni għas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali;

(e)

żvilupp u implimentazzjoni ta’ strateġiji u oqfsa għad-dekummissjonar ta’ installazzjonijiet nukleari eżistenti, għar-rimedjazzjoni ta’ dawk li kienu siti nukleari u siti storiċi relatati mat-tħaffir għall-uranju, u għall-irkupru u l-ġestjoni ta’ oġġetti u materjal radjuattiv mgħarraq fil-baħar;

(f)

stabbiliment tal-qafas regolatorju, il-metodoloġiji, it-teknoloġija u l-approċċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ salvagwardji nukleari, inkluż għar-rendikont u l-kontroll xierqa ta’ materjal fissili fil-livell tal-Istat u tal-operaturi;

(g)

appoġġ għall-infrastruttura u t-taħriġ tal-persunal;

(h)

provvista limitata ta’ tagħmir f’każijiet eċċezzjonali għall-operaturi tal-impjanti tal-enerġija nukleari, kif imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

F’każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati, miżuri li jikkonċernaw il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu implimentati permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-operaturi u/jew organizzazzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-operaturi tal-installazzjonijiet nukleari ta’ pajjiżi terzi kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/71/Euratom.

L-Artikolu 7(3) ma għandux japplika għal miżuri li jikkonċernaw il-punt (h) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 14

Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni

1.   Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 41(2), (4), (5) u (6), u l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/947.

2.   Il-kisba tal-objettiv tal-Istrument għandha titkejjel abbażi tal-indikaturi li ġejjin u l-impatt tagħhom fuq is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effiċjenti u effettivi ta’ materjali nukleari:

(a)

atti legali u regolatorji mħejjija, introdotti u/jew riveduti b’kont meħud tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari;

(b)

studji dwar id-disinn, il-kunċett jew il-fattibbiltà għall-istabbiliment ta’ faċilitajiet skont l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari; u

(c)

ir-riżultati ta’ miżuri implimentati fil-faċilitajiet nukleari b’rabta mas-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, u miżuri effiċjenti u effikaċi ta’ titjib fis-salvagwardji, abbażi tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari, protezzjoni mir-radjazzjoni u salvagwardji nukleari, inklużi riżultati ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari fil-livell internazzjonali.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat tal-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 16

Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibbiltà, pubbliċità u deroga mir-rekwiżiti ta’ viżibbiltà

L-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà relatati mal-objettiv imsemmi fl-Artikolu 3 u d-deroga minn rekwiżiti ta’ viżibbiltà għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) 2021/947, rispettivament.

Artikolu 17

SEAE

Dan ir-Regolament għandu japplika f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 18

Tħassir

Ir-Regolament (Euratom) Nru 237/2014 huwa mħassar.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (Euratom) Nru 237/2014, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Istrument jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż ta’ assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn l-Istrument u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 237/2014.

3.   Il-pakkett finanzjarju għall-Istrument jista’ jkopri n-nefqa relatata mat-tħejjija ta’ kwalunkwe suċċessur għal dan ir-Regolament.

4.   Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 6, biex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet mhux kompluti sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

P. SIZA VIEIRA


(1)  Opinjoni tas-17 ta’ Jannar 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill id-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 237/2014 tat-13 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari (ĠU L 77 15.3.2014, p. 109).

(8)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/270/Euratom tad-29 ta’ Marzu 1977 li tagħti l-jedd lill-Kummissjoni li toħroġ self tal-Euratom sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ power stations nukleari (ĠU L 88, 6.4.1977, p. 9).

(18)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (ĠU L 344 19.12.2013, p. 1).