11.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/77


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/941

tal-10 ta’ Ġunju 2021

li jistabbilixxi proċedura speċifika għall-identifikazzjoni ta’ vetturi heavy-duty ċċertifikati bħala vetturi vokazzjonali iżda mhux irreġistrati bħala tali, u għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet għall-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi annwali ta’ manifattur biex jitqiesu dawk il-vetturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex jiġu identifikati l-vetturi heavy-duty ċċertifikati bħala vetturi vokazzjonali iżda mhux irreġistrati bħala tali, jixraq tintuża d-data rrappurtata mill-manifatturi u mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Biex jixxejnu d-diskrepanzi fid-data rrappurtata dwar iċ-ċertifikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/956, l-Istati Membri u l-manifatturi jenħtieġ jitħallew jikkummentaw dwar u, jekk ikun il-każ, jirrappurtaw informazzjoni ġdida biex jikkoreġu l-informazzjoni rrappurtata qabel.

(3)

Il-korrezzjonijiet, li jirriżultaw minn vetturi heavy-duty ċċertifikati bħala vetturi vokazzjonali iżda mhux irreġistrati bħala tali, u applikati għall-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi annwali tal-manifatturi, jeħtieġ ikunu proporzjonati u dissważivi biex jinċentivaw ipproċessar korrett u bir-reqqa tad-data u tkun evitata attribuzzjoni ħażina tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ tali vetturi, b’intenzjoni jew b’negliġenza.

(4)

Jekk il-Kummissjoni tqis li vettura kellha tiġi rreġistrata bħala vettura vokazzjonali, jenħtieġ tikkoreġi d-data rrappurtata mill-Istati Membri kif xieraq u tqis il-vettura bħala vettura vokazzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2019/1242.

(5)

Għalhekk, għall-kalkolu tal-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi ta’ manifattur, dawn il-vetturi heavy-duty attribwiti ħażin huma kkunsidrati bl-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom iddeterminati skont il-profili tal-missjoni vokazzjonali, li huma iżjed mill-emissjonijiet tas-CO2 iddeterminati skont il-profili tal-missjoni tat-tip tal-konsenjar, u b’hekk li huma inqas favorevoli għall-manifattur bħallikieku l-vettura kienet ġiet iċċertifikata tajjeb bħala vettura tal-konsenjar mill-bidu.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Identifikazzjoni tal-vetturi heavy-duty ċċertifikat bħala vetturi vokazzjonali iżda mhux irreġistrati bħala tali

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-vetturi heavy-duty li ġew iċċertifikati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2019/1242 bħala vetturi vokazzjonali abbażi tad-data rrappurtata mill-manifattur f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/956 iżda li ma kinux irreġistrati bħala vetturi vokazzjonali abbażi tad-data rrappurtata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/956.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-partijiet rilevanti tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/956 u lill-punti ta’ kuntatt maħtura mill-manifattur skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2018/956.

3.   Fi żmien xahar mill-wasla tal-lista skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti u l-manifatturi jistgħu jipprovdu kjarifiki lill-Kummissjoni dwar il-korrettezza tad-data rrappurtata skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) 2018/956.

4.   Meta tirċievi l-kjarifiki jew meta jgħaddi l-perjodu ta’ xahar previst fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-lista tal-vetturi heavy-duty imsemmija fil-paragrafu 1 abbażi tal-kjarifika rrappurtata pprovduta skont il-paragrafu 3, l-argumenti tal-partijiet u possibbilment xi investigazzjonijiet ulterjuri.

5.   Jekk, abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-vetturi heavy-duty identifikati skont il-paragrafu 1 ġew irreġistrati tajjeb bħala vetturi li mhumiex vokazzjonali, din għandha tapplika korrezzjonijiet għall-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi annwali ta’ manifattur f’konformità mal-Artikolu 2 tikkunsidra dawk il-vetturi.

6.   Il-Kummissjoni tista’, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi kkonċernati, tissostitwixxi ċ-ċertifikazzjoni vokazzjonali tal-vettura rrappurtata inizjalment b’ċertifikazzjoni tal-istess vettura heavy-duty, li għandha tiġi kkalkulata mill-ġdid mill-manifattur, skont il-karatteristiċi tekniċi tagħha, fil-grupp tal-vetturi 4, 5, 9 jew 10 tat-Tabella 1 fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 (3). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni ma għandhiex tapplika korrezzjonijiet għall-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi annwali ta’ manifattur f’konformità mal-Artikolu 2 biex tikkunsidra dawk il-vetturi, iżda l-vetturi għandhom jiġu inklużi fid-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi ta’ manifattur skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1242, b’mod partikolari meta l-manifattur ikun ħa l-miżuri raġonevolment mistennija abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-dikjarazzjoni biex jappoġġa dikjarazzjoni korretta bħala vokazzjonali.

7.   Jekk, abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-vetturi heavy-duty identifikati skont il-paragrafu 1 jenħtieġ ikunu ġew irreġistrati bħala vetturi vokazzjonali, din għandha tikkoreġi d-data rrappurtata mill-Istat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/956, u tinforma b’dik il-korrezzjoni lill-Istat Membru fejn ikunu rreġistrati dawk il-vetturi heavy-duty.

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-korrezzjonijiet tal-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi

Jekk jeżistu vetturi heavy-duty li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(5), il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi annwali tal-manifattur għandha tiġi kkoreġuta kif ġej:

(avgCO2sg)corr = (Vsg x avgCO2sg + Σv CO2Vv ) / (Vsg + Vocsg),

fejn:

avgCO2sg hi l-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-manifattur, kif definit fil-punt 2.2. tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1242;

Vsg hu l-għadd ta’ vetturi heavy-duty ġodda tal-manifattur fis-sottogrupp tal-vetturi sg, għajr il-vetturi vokazzjonali, skont il-punt (a) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1242;

Σv hi s-somma tal-vetturi heavy-duty ġodda tal-manifattur fis-sottogrupp tal-vetturi sg, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(5);

CO2Vv hi l-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 f’g/tkm tal-vettura vokazzjonali v għall-kombinazzjonijiet kollha ta’ profili tal-missjoni, kundizzjonijiet tat-tagħbija u tipi ta’ fjuwil differenti, irrappurtati skont ir-Regolament (UE) 2018/956;

Vocsg hu l-għadd ta’ vetturi heavy-duty ġodda tal-manifattur fis-sottogrupp tal-vetturi sg, f’konformità mal-Artikolu 1(5).

Il-medja kkoreġuta tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-manifattur (avgCO2sg)corr għandha tieħu post il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 speċifiċi tal-manifattur avgCO2sg għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/1242.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, p. 1).