10.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/933

tad-9 ta’ Ġunju 2021

li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (2) jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “sena skolastika” għall-finijiet tal-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema għall-iskejjel”). Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, li jinkludu l-għeluq temporanju tal-istabbilimenti edukattivi, fixklu l-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskejjel fis-sena skolastika 2020/2021. Dawk il-miżuri pprevjenew b’mod temporanju d-distribuzzjoni tal-frott, tal-ħxejjex u tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u t-twettiq ta’ miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament kif ukoll attivitajiet ta’ pubbliċità, monitoraġġ u evalwazzjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 sabiex tiġi estiża d-durata tas-sena skolastika 2020/2021, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attivitajiet previsti għal dik is-sena skolastika sat-30 ta’ Settembru 2021.

(2)

L-Artikolu 4(3), (4) u (5) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxu l-perjodu li jistgħu jkopru l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti u għall-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, u l-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-ħlas tal-għajnuna fi ħdan l-iskema tal-iskejjel. Fid-dawl tal-estensjoni tad-durata tas-sena skolastika 2020/2021, jenħtieġ li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 4(3), (4) u (5) u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-attivitajiet tal-iskema tal-iskejjel li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2021, sabiex dawn ikunu jistgħu jkopru perjodi ta’ inqas minn ġimagħtejn u sabiex jiġu stabbiliti l-limiti ta’ żmien għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u għall-ħlas tal-għajnuna.

(3)

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxi r-regoli għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel u li nnotifikaw ir-rieda tagħhom li jużaw iktar mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom. L-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li jista’ jiġi riallokat lil Stat Membru ieħor irid ikun ibbażat fuq il-livell ta’ użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni minn dak l-Istat Membru fis-sena skolastika preċedenti. Ir-regoli dwar il-konfinament li ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, li jinkludu l-għeluq temporanju tal-istabbilimenti edukattivi, jistgħu jwasslu biex l-għajnuna tal-Unjoni tintuża inqas fis-sena skolastika 2020/2021. Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, sabiex ma jiġix ikkunsidrat il-livell ta’ użu tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika 2020/2021 għar-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba fost l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema tal-iskejjel fis-sena skolastika 2022/2023.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, id-durata tas-sena skolastika 2020/2021 hija estiża sat-30 ta’ Settembru 2021.

2.   B’deroga mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-attivitajiet tas-sena skolastika 2020/2021 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2021 jistgħu jkopru perjodi ta’ inqas minn ġimagħtejn.

3.   B’derogi mill-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-attivitajiet tas-sena skolastika 2020/2021 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2021 għandhom jitressqu sat-30 ta’ Settembru 2021. Jekk dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż, l-għajnuna ma għandhiex titħallas.

4.   B’deroga mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-għajnuna għall-attivitajiet tas-sena skolastika 2020/2021 li jsiru wara l-31 ta’ Lulju 2021 għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet kompetenti sal-15 ta’ Ottubru 2021.

5.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, il-kalkolu deskritt f’dak is-subparagrafu ma għandux japplika għall-kalkolu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni għas-sena skolastika 2022/2023.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5 10.1.2017, p. 1).