4.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/68


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/899

tat-3 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta’ miżuri tranżizzjonali għall-esportazzjoni ta’ taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna bħala karburant għall-kombustjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi regoli tas-saħħa pubblika u tal-annimali għat-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati.

(2)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament jistipula li l-frakass tal-laħam u tal-għadam tal-Kategorija 1 (MBM) għandu jintrema permezz ta’ inċenerazzjoni, ko-inċenerazzjoni jew radam jew jista’ jintuża bħala karburant għall-kombustjoni biex jipprevjeni d-dħul mill-ġdid fil-katina tal-għalf u l-kontaminazzjoni tagħha.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda kkomunikaw il-pjanijiet tagħhom li sa tmiem l-2023 ikunu stabbilixxew kapaċitajiet ta’ kombustjoni proprji għal MBM ta’ materjali tal-Kategorija 1, u talbu li matul perjodu tranżizzjonali jiġu awtorizzati flussi ta’ kummerċ tradizzjonali ta’ MBM ta’ materjali tal-Kategorija 1 maħsuba għar-rimi fir-Renju Unit.

(4)

Wara li vvalutat it-talba tal-Irlanda, il-Kummissjoni, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari ta’ dak l-Istat Membru, tqis li huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fil-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 li abbażi tagħhom l-Irlanda tista’ tawtorizza l-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit ta’ MBM ta’ materjali tal-Kategorija 1 li jikkonformaw mar-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq għall-fini ta’ kombustjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari, l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, u soġġett għall-Artikolu 6(1) ta’ dak il-Protokoll, li jippermetti movimenti ta’ MBM ta’ materjali tal-Kategorija 1 għall-kombustjoni lejn partijiet oħra tar-Renju Unit barra l-Irlanda ta’ Fuq.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-flussi kummerċjali eżistenti wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2021 u għalhekk, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).


ANNESS

Fit-Tabella fil-Kapitolu V tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, tiżdied ringiela ġdida kif ġej:

“3

Taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna ta’ materjali tal-Kategorija 1.

Taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna (MBM) ta’ materjal tal-Kategorija 1 maħsub bħala karburant għall-kombustjoni għandu jiġi esportat biss mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit (*), skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Irlanda tkun awtorizzat l-esportazzjoni lejn l-impjant tal-kombustjoni fir-Renju Unit sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, sakemm tali movimenti ta’ MBM ta’ materjali tal-Kategorija 1 maħsuba għar-rimi jkunu saru minn dak l-Istat Membru qabel l-1 ta’ Jannar 2021 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(6), (7) u (8);

(b)

l-impjant tal-kombustjoni tad-destinazzjoni jkun awtorizzat għall-kombustjoni ta’ MBM importat ta’ materjali tal-Kategorija 1 fil-liċenzja tal-importazzjoni maħruġa mir-Renju Unit;

(c)

l-MBM ta’ materjal tal-Kategorija 1

ikun inkiseb biss mill-ipproċessar f’koformità mal-Metodu ta’ proċessar 1 (sterilizzazzjoni bil-pressjoni), 2, 3, 4 jew 5 imsemmi fil-Kapitolu III tal-Anness IV,

ikun stampat f’konformità mal-Kapitolu V tal-Anness VIII,

(d)

il-kunsinna ta’ MBM tintbagħat f’kontenituri ssiġillati direttament mill-impjant tal-ipproċessar jew mill-impjant tal-ħżin imsemmi fl-Artikolu 24(1)(a) jew (j) (ii) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 lejn l-impjant tal-kombustjoni tad-destinazzjoni;

(e)

l-operaturi għandhom jippreżentaw kunsinni ta’ MBM lill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ ħruġ;

(f)

l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ ħruġ għandha twettaq kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni msemmija fil-punt (e), b’mod partikolari fuq l-integrità tas-siġill.

F’każ li l-integrità tas-siġill tiġi kompromessa, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 138(2)(d) u (g) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (**);

(g)

l-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandha, permezz tat-TRACES, tinforma lill-awtorità kompetenti indikata fil-kaxxa I.4 tad-dokument kummerċjali bil-wasla tal-kunsinna fil-punt ta’ ħruġ u, fejn japplika, dwar l-eżitu tal-verifika tas-siġill u dwar kwalunkwe azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet.

L-awtorità kompetenti responsabbli għall-impjant tal-ipproċessar tal-oriġini għandha twettaq kontrolli uffiċjali bbażati fuq ir-riskju biex tivverifika l-konformità mal-ewwel paragrafu u biex tivverifika li, għal kull kunsinna ta’ MBM, waslet il-konferma tal-kontroll imwettaq fil-punt ta’ ħruġ mill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, permezz tat-TRACES.

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi tali movimenti ta’ kunsinna ta’ MBM ta’ materjal tal-Kategorija 1 maħsub bħala karburant għall-kombustjoni f’konformità mal-Artikolu 138(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/625.


(*)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludix l-Irlanda ta’ Fuq.

(**)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).”