27.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/12


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/841

tad-19 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 fir-rigward tar-regoli dwar in-nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini u dwar il-kalkolu tal-livell ta’ penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati skont l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 63(4), 64(6) u 77(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 30 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (2) fih regoli biex jiġi stabbilit l-għadd ta’ annimali determinati għall-finijiet ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem imrobbija skont skemi ta’ għajnuna għall-annimali jew appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament skont miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali. B’mod partikolari, jistabbilixxi regoli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini u għall-annimali ovini u kaprini. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (3) jistipula li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini. Peress li dik is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni fiha rekwiżiti simili għal dawk tas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), huwa xieraq li jiġu allinjati r-regoli biex jitqiesu n-nuqqasijiet ta’ konformità relatati mas-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ dawk it-tliet kategoriji ta’ annimali. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li r-referenza għal “tikketti tal-widnejn” tinbidel b’referenza għal “mezz ta’ identifikazzjoni” f’konformità ma’ dawk iż-żewġ Regolamenti.

(2)

Filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, huwa xieraq li jiġu adattati l-penali amministrattivi fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali u l-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 billi jiġu eżentati sa tliet annimali li jinstabu mhux determinati mill-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi sakemm dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati individwalment permezz ta’ identifikazzjoni jew dokumentazzjoni ta’ sostenn, u billi jiġi aġġustat il-livell ta’ penali li għandhom jiġu applikati jekk jinstab li ma jiġux determinati aktar minn tliet annimali.

(3)

B’konformità mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (5) meta l-miżura tal-appoġġ akkoppjat tkun tikkonċerna annimali bovini u/jew nagħaġ u mogħoż, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali previsti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jew fir-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament. Barra minn hekk, b’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti, avvenimenti tal-annimali bħal twelid, imwiet u movimenti għandhom jiġu nnotifikati lill-bażi tad-data kompjuterizzata f’ċerti limiti ta’ żmien. In-nuqqas ta’ rispett ta’ dawk il-limiti ta’ żmien jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-annimal ikkonċernat. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità u mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-Istat Membru, l-annimali bovini, ovini u kaprini jenħtieġ li jitqiesu bħala eliġibbli għall-għajnuna jew għall-appoġġ mingħajr l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi sakemm tkun saret notifika tard ta’ avveniment tal-annimali qabel il-bidu ta’ perjodu ta’ żamma jew qabel data ta’ referenza partikolari, kif stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

(4)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-formulazzjoni tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 tiġi allinjata bejn is-sistema bbażata fuq il-pretensjonijiet u s-sistema mingħajr pretensjonijiet.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jaġġustaw is-sistemi tagħhom biex jimplimentaw ir-regoli emendati, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, l-applikazzjonijiet għall-appoġġ u t-talbiet għall-pagament imressqa għas-snin tat-talba jew għall-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

annimal bovin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef waħda miż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit sakemm ikun identifikat b’mod ċar u individwalment bl-elementi l-oħrajn tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(b)

annimal ovin jew kaprin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef wieħed miż-żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat permezz tal-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini;

(c)

meta annimal bovin, ovin jew kaprin wieħed li jkun preżenti fl-impriża agrikola jkun tilef żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat individwalment mir-reġistru, mill-passaport tal-annimal, fejn rilevanti, mill-bażi tad-data jew mezz ieħor stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jew ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament u sakemm l-indokratur tal-annimali jkun jista’ jipprovdi evidenza li huwa kien diġà ħa azzjoni biex jirrimedja għas-sitwazzjoni qabel in-notifika tal-verifika fuq il-post;

(d)

meta n-nuqqas ta’ konformità li jinstab jirrigwarda entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fil-bażi tad-data kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba;

(e)

meta n-nuqqasijiet ta’ konformità misjuba jkunu relatati ma’ notifiki tard ta’ avvenimenti tal-annimali fil-bażi tad-data kompjuterizzata, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies bħala ddeterminat jekk in-notifika tkun seħħet qabel il-bidu tal-perjodu taż-żamma jew qabel id-data ta’ referenza stabbilita skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014.

L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini, ovini u kaprini u n-notifiki li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 5;

(2)

l-Artikolu 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 31

Penali amministrattivi fir-rigward ta’ annimali fil-qafas tal-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew tal-miżuri ta’ appoġġ marbuta mal-annimali

1.   L-ammont totali ta’ għajnuna jew appoġġ li għalih huwa intitolat il-benefiċjarju skont skema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali jew tip ta’ operazzjoni taħt tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitħallas abbażi tal-għadd ta’ annimali stabbilit skont l-Artikolu 30(3), dment li wara l-verifiki amministrattivi jew il-kontrolli fuq il-post:

(a)

mhux aktar minn tliet annimali jinstabu mhux determinati, u

(b)

annimali mhux determinati jistgħu jiġu identifikati individwalment bi kwalunkwe mezz stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jew ir-Regolament (KE) Nru 21/2004.

2.   Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali mhux determinati, l-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ, imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:

(a)

bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3, jekk ma jkunx aktar minn 20 %;

(b)

bid-doppju tal-perċentwal li għandu jiġi stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3, jekk ikun aktar minn 20 % iżda ma jkunx aktar minn 30 %.

Jekk il-perċentwal stabbilit f’konformità mal-paragrafu 3 ikun iżjed minn 30 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 50 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ jew tat-tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ din il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont li jkun daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 30(3). Jekk dak l-ammont ma jkunx jista’ jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

Għal speċijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu għadd ta’ annimali li jkun differenti mill-livell limitu ta’ tliet annimali li huwa previst fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta jistabbilixxu dak l-għadd, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak il-livell limitu, billi fost l-oħrajn iqisu l-unitajiet ta’ bhejjem u/jew l-ammont ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun ingħata.

3.   Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2, l-għadd ta’ annimali ta’ skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni li jinstab li ma jkunx determinat għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali determinati għal dik l-iskema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ jew tip ta’ operazzjoni taħt tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.

4.   Meta l-kalkolu tal-ammont totali ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ miżura ta’ appoġġ jew ta’ tip ta’ operazzjoni fil-qafas ta’ tali miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata jkun ibbażat fuq l-għadd ta’ jiem li fihom l-annimali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunu preżenti fl-azjenda, il-kalkolu tal-għadd ta’ annimali li jkunu nstabu mhux determinati kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ibbażat ukoll fuq l-għadd ta’ jiem li fihom dawk l-annimali jkunu preżenti fl-azjenda.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ u tat-talbiet għall-pagament sottomessi għas-snin tat-talba jew għall-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).