27.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/1


REGOLAMENT (UE) 2021/840 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni u l-Istati Membri intrabtu bl-objettiv li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala munita unika. Dawk il-miżuri jinkludu l-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata biex tiġi żgurata l-effettività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi assigurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (3) jipprevedi skambji ta’ informazzjoni, kooperazzjoni u assistenza reċiproka, u b’ hekk jistabbilixxi qafas armonizzat għall-protezzjoni tal-euro. L-effetti ta’ dak ir-Regolament ġew estiżi bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 (4) għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom, sabiex jiġi pprovdut livell ta’ protezzjoni ekwivalenti tal-euro madwar l-Unjoni.

(3)

L-azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ persunal, l-assistenza teknika u xjentifika u t-taħriġ speċjalizzat jgħinu b’mod sinifikanti biex jipproteġu l-munita unika tal-Unjoni kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata u għalhekk biex jintlaħaq livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni, filwaqt li tintwera l-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-kriminalità organizzata serja. Tali azzjonijiet jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus.

(4)

Programm għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar jikkontribwixxi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li jżid il-fiduċja tagħhom f’dik il-munita u jtejjeb il-protezzjoni tal-euro, speċjalment permezz tad-disseminazzjoni kontinwa tar-riżultati ta’ azzjonijiet appoġġati minn dak il-programm.

(5)

Il-protezzjoni b’saħħitha tal-euro kontra l-iffalsifikar hija komponent ewlieni ta’ ekonomija tal-Unjoni sigura u kompetittiva, u hija marbuta direttament mal-objettiv tal-Unjoni li ttejjeb il-funzjonament effiċjenti tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(6)

Fl-imgħoddi, l-appoġġ għal tali azzjonijiet, permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE (5) u 2001/924/KE (6), li ġew sussegwentement emendati u estiżi bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/75/KE (7), 2006/76/KE (8), 2006/849/KE (9) u 2006/850/KE (10) u r-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għamilha possibbli li jittejbu l-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. L-objettivi tal-programm għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodi preċedenti inkisbu b’suċċess.

(7)

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm ta’ azzjoni pluriennali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 331/2014 (il-programm‘Pericles 2020’), appoġġata minn rapport indipendenti. B’mod ġenerali, ir-rapport dwar il-Programm Pericles 2020kien pożittiv iżda esprima tħassib dwar l-għadd limitat ta’ awtoritajiet kompetenti li japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt il-programm Pericles 2020 u l-kwalità tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni użati biex ikejlu r-riżultati tal-programm Pericles 2020. Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Pericles 2020 u l-evalwazzjoni ex ante tagħha fil-forma ta’ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li akkumpanja l-proposta tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, filwaqt li qieset il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, li l-kontinwazzjoni tal-programm Pericles 2020 lil hinn mill-2020 jenħtieġ li tkun appoġġata, minħabba l-valur miżjud tiegħu għall-Unjoni, l-impatt fit-tul tiegħu u s-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tiegħu kif ukoll il-kontribut tiegħu għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

(8)

Il-parir fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu kien li l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm Pericles 2020 jenħtieġ li jitkomplew, filwaqt li tiġi indirizzata l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, tiġi mħeġġa d-differenzjazzjoni tal-benefiċjarji u l-parteċipazzjoni tal-akbar għadd ta’ awtoritajiet kompetenti minn pajjiżi varji fl-attivitajiet tal-programm Pericles 2020, tkompli tingħata attenzjoni lit-theddid emerġenti u rikorrenti ta’ ffalsifikar, u jiġu ssimplifikati l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

(9)

Ġew identifikati hotspots tal-iffalsifikar f’pajjiżi terzi u l-iffalsifikar tal-euro qed jakkwista dimensjoni internazzjonali li qed tikber. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-attivitajiet ta’ taħriġ li jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ għalhekk li jitqiesu bħala essenzjali biex tinkiseb protezzjoni effettiva tal-euro u jenħtieġ li jiġu mħeġġa aktar fil-kuntest tal-kontinwazzjoni tal-programm Pericles 2020.

(10)

Jenħtieġ li jiġi adottat programm ġdid għall-perjodu 2021-2027 (il-programm ‘Pericles IV’). Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-programm Pericles IV ikun konsistenti u komplementari ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra. Jenħtieġ, għalhekk, li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti, b’mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri, mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-Europol, fi dan il-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, partikolarment fir-rigward ta’ skambji, assistenza u taħriġ, għall-fini tal-applikazzjoni tal-programm Pericles IV. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-esperjenza vasta tal-BĊE fir-rigward tat-twettiq ta’ taħriġ u l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro meta tkun qed timplimenta l-programm Pericles IV.

(11)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (ir-‘Regolament Finanzjarju’) u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(12)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex l-euro jkun protett mill-iffalsifikar, mingħajr ma jiġu affettwati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, u filwaqt li r-riżorsi jintużaw b’mod iktar effiċjenti milli kieku kienu jintużaw fil-livell nazzjonali, li jassisti lill-Istati Membri biex kollettivament jipproteġu l-euro u li jħeġġeġ l-użu ta’ strutturi komuni tal-Unjoni biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju f’waqtu u komprensiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(13)

Jenħtieġ li l-programm Pericles IV jiġi implimentat f’konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (13).

(14)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta’ ħidma annwali li jistabbilixxu l-prijoritajiet, it-tqassim tal-baġit u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-għotjiet għal azzjonijiet. Jenħtieġ li l-każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, fejn tkun meħtieġa żieda fir-rata tal-kofinanzjament sabiex l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà ekonomika ikbar, biex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu u jlestu proġetti biex jipproteġu u jissalvagwardjaw l-euro b’mod sodisfaċenti, ikunu parti mill-programmi ta’ ħidma annwali.

(15)

Dan ir-Regolament jistipula pakkett finanzjarju għall-programm Pericles IV li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fit-tifsira tal-Punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 (14), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(16)

Sabiex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-programm Pericles IV lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness fir-rigward tal-indikaturi fejn jitqies meħtieġ għall-finijiet ta’ evalwazzjoni, kif ukoll biex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(17)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (17), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18) u (UE) 2017/1939 (19), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffetwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri, u fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(18)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV u rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-kisba tal-objettivi tiegħu. Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Programm Pericles IV jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ filwaqt li jevitaw piż amministrattiv, b’mod partikolari għall-Istati Membri, u regolamentazzjoni eċċessiva. Dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-programm Pericles IV fil-prattika.

(19)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 331/2014 jitħassar.

(20)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm ‘Pericles IV’), għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Huwa jistipula l-objettivi tal-programm Pericles IV, il-baġit għall-perjodu 2021-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli biex jiġi pprovdut tali finanzjament.

Artikolu 2

Objettivi tal-programm

1.   L-objettiv ġenerali tal-programm Pericles IV għandu jkun li jipprevjeni u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata u jippreserva l-integrità tal-muniti u tal-karti tal-flus tal-euro, biex b’hekk isaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fil-ġenwinità ta’ dawn il-muniti u l-karti tal-flus u għalhekk isaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

2.   L-objettiv speċifiku tal-programm Pericles IV għandu jkun li jipproteġi l-muniti u l-karti tal-flus tal-euro kontra l-iffalsifikar u frodi relatata, billi jappoġġa u jissupplimenta l-miżuri mwettqa minn Stati Membri u jassisti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw, bejniethom u mal-Kummissjoni, kooperazzjoni regolari u mill-qrib u skambju tal-aħjar prattiki, inkluż, fejn xieraq, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 3

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 6 193 284 fi prezzijiet attwali.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva.

Artikolu 4

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-programm Pericles IV għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-programm Pericles IV għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari fi stadji differenti tal-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħra, b’mod partikolari l-BĊE u l-Europol, u tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-istess miżuri. Għal dak il-għan, meta tħejji l-programmi ta’ ħidma skont l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tqis l-attivitajiet eżistenti u ppjanati tal-BĊE u tal-Europol kontra l-iffalsifikar tal-euro u l-frodi relatata.

3.   L-appoġġ finanzjarju taħt il-programm Pericles IV għall-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 6 għandu jieħu l-forma jew ta’ għotjiet jew ta’ akkwist pubbliku.

Artikolu 5

Azzjonijiet konġunti

1.   L-azzjonijiet taħt il-Programm Pericles IV jistgħu jiġu organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u sħab oħra li jkollhom l-għarfien espert rilevanti, bħal:

(a)

il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE;

(b)

iċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi tal-Muniti;

(c)

iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew u z-zekki;

(d)

l-Europol, l-Eurojust u l-Interpol;

(e)

l-uffiċċji ċentrali nazzjonali kontra l-iffalsifikar previst fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressjoni tal-Falsifikazzjoni tal-Muniti ffirmata f’Ġinevra fl-20 ta’ April 1929 (21) u aġenziji oħra speċjalizzati fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-infurzar tal-liġi b’konnessjoni mal-iffalsifikar;

(f)

korpi speċjalizzati kkonċernati fil-qasam tat-teknoloġiji tad-duplikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, stampaturi u inċiżuri;

(g)

korpi oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (f) li joffru għarfien espert speċifiku, inkluż, fejn xieraq, tali korpi minn pajjiżi terzi u b’mod partikolari minn Stati aderenti u minn pajjiżi kandidati; u

(h)

entitajiet privati li jkunu żviluppaw u pprovdew evidenza ta’ għarfien tekniku u timijiet li jispeċjalizzaw fid-detezzjoni ta’ karti tal-flus u ta’ muniti ffalsifikati.

2.   Fejn l-azzjonijiet eliġibbli jkunu organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-BĊE, l-Eurojust, l-Europol jew l-Interpol, l-infiq li jkun hemm għandhom jinqasmu bejniethom. Fi kwalunkwe każ, kull wieħed minnhom għandu jħallas l-ispejjeż tal-vjaġġi u tal-akkomodazzjoni tal-kelliema mistiedna tiegħu.

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 6

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Il-programm Pericles IV għandu jipprovdi, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 10, appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

skambju u disseminazzjoni ta’ informazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta’ workshops, laqgħat u seminars, inkluż taħriġ, traineeships immirati u skambji ta’ persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u azzjonijiet simili oħra. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun, fost l-oħrajn, immirat lejn:

l-aħjar prattiki fil-prevenzjoni tal-iffalsifikar u l-frodi relatati mal-euro;

il-metodoloġiji għall-monitoraġġ u l-analiżi tal-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-iffalsifikar;

it-tħaddim ta’ bażijiet ta’ data u sistemi ta’ twissija bikrija;

l-użu ta’ għodda ta’ detezzjoni, inkluż bl-għajnuna tal-kompjuter;

il-metodi ta’ inkjesta u ta’ investigazzjoni;

l-assistenza xjentifika, inkluż il-monitoraġġ ta’ żviluppi ġodda;

il-protezzjoni tal-euro barra l-Unjoni;

azzjonijiet ta’ riċerka;

il-forniment ta’ kompetenzi operazzjonali speċifiċi;

(b)

assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali kif jidher meħtieġ bħala parti mill-programm Pericles IV, inkluż b’mod partikolari:

kwalunkwe miżura xierqa li tistabbilixxi riżorsi għat-tagħlim fil-livell tal-Unjoni, bħal handbook ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bullettini ta’ informazzjoni, manwali prattiċi, glossarji u dizzjunarji, bażijiet ta’ data, speċjalment fil-qasam tal-assistenza xjentifika u l-għassa tat-teknoloġija, jew applikazzjonijiet tal-kompjuter li joffru appoġġ, bħas-software;

studji rilevanti b’dimensjoni multidixxiplinarja u tranżnazzjonali, inkluż ir-riċerka dwar karatteristiċi tas-sigurtà innovattivi;

l-iżvilupp ta’ strumenti u metodi tekniċi ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-azzjonijiet ta’ detezzjoni fil-livell tal-Unjoni;

l-appoġġ għall-kooperazzjoni f’operazzjonijiet li jinvolvu mill-inqas żewġ pajjiżi meta tali appoġġ ma jkunx jista’ jsir disponibbli minn programmi oħra tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni;

(c)

ix-xiri ta’ tagħmir li għandu jintuża minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi speċjalizzati kontra l-iffalsifikar għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, f’konformità mal-Artikolu 7(2).

2.   Il-programm Pericles IV għandu jqis l-aspetti tranżnazzjonali u multidixxiplinarji tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar billi jimmira lejn il-parteċipazzjoni tal-gruppi li ġejjin:

(a)

il-persunal tal-aġenziji involuti fid-detezzjoni tal-iffalsifikar u fil-ġlieda kontrih, b’mod partikolari l-korpi tal-pulizija, id-dwana u amministrazzjonijiet finanzjarji, skont il-funzjoni speċifika tagħhom fil-livell nazzjonali;

(b)

il-persunal tal-intelligence;

(c)

ir-rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali, taz-zekki, tal-banek kummerċjali u ta’ intermedjarji finanzjarji oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji;

(d)

l-uffiċjali ġudizzjarji, l-avukati speċjalizzati u l-membri tal-ġudikatura f’dan il-qasam;

(e)

kwalunkwe grupp ta’ speċjalisti ieħor kkonċernat bħall-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew strutturi komparabbli li kapaċi jipprovdu aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bejjiegħa bl-imnut u kumpaniji responsabbli għat-tranżitu ta’ flus kontanti.

3.   Il-gruppi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinkludu parteċipanti minn pajjiżi terzi.

KAPITOLU III

GĦOTJIET

Artikolu 7

Għotjiet

1.   L-għotjiet taħt il-programm Pericles IV għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Għall-azzjonijiet implimentati permezz ta’ għotjiet, ix-xiri ta’ tagħmir ma għandux ikun l-uniku komponent tal-ftehim ta’ għotja.

Artikolu 8

Rati ta’ kofinanzjament

Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mogħtija taħt il-programm Pericles IV ma għandhiex taqbeż 75 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, definiti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 10, ir-rata ta’ kofinanzjament ma għandhiex taqbeż 90 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 9

Entitajiet eliġibbli

L-entitajiet eliġibbli għall-finanzjament taħt il-programm Pericles IV għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001.

KAPITOLU IV

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Artikolu 10

Programmi ta’ ħidma

1.   Sabiex jiġi implimentat il-programm Pericles IV, il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Għall-għotjiet, flimkien mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju, il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika l-kriterji tal-għażla u tal-għoti essenzjali u r-rata massima possibbli ta’ kofinanzjament.

Artikolu 11

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(2) tingħata lill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 12(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 12

Monitoraġġ

1.   L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-programm Pericles IV lejn il-kisba tal-objettiv speċifiku stipulat fl-Artikolu 2 huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Biex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-programm Pericles IV lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 11, biex temenda l-Anness fir-rigward tal-indikaturi fejn hu meqjus li meħtieġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni, u kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-programm Pericles IV lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE, filwaqt li tieħu kont tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fl-Anness.

4.   Il-pajjiżi parteċipanti u benefiċjarji oħra għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm Pericles IV.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.   Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti tal-programm Pericles IV għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.

2.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-programm Pericles IV, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara tmiem il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-programm Pericles IV mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-BĊE.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 14

Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibilità

1.   Ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw i l-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-programm Pericles IV, u mal-azzjonijiet meħuda skont il-programm Pericles IV, u r-riżultati miksuba.

3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati lill-programm Pericles IV għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 15

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika ta’ azzjonijiet li jkunu nbdew skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014, li għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-programm Pericles IV jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-transizzjoni bejn il-programm Pericles IV u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 378, 19.10.2018, p. 2.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-13 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/924/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi skambju, għajnuna u programm ta’ taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) għall-Istati Membri li għadhom m’adottawx l-euro bħala munita unika (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 55).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm “Pericles”) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/76/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/75/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm “Pericles”) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 42).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/849/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 28).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/850/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li testendi għall-Istati Membri li mhumiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/849/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 30).

(11)  Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).

(12)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(13)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(14)  Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28).

(15)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(16)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(18)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(19)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(20)  Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(21)  Serje ta’ Trattati tal-Lega tan-Nazzjonijiet Nru 2623 (1931), p. 372.


ANNESS

INDIKATURI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-PROGRAMM PERICLES IV

Il-programm Pericles IV ser jiġi mmonitorjat mill-qrib fuq il-bażi ta’ sett ta’ indikaturi maħsuba biex ikejlu, bi spejjeż u piżijiet amministrattivi minimi, sa fejn ikunu nkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm Pericles IV. Għal dan il-għan, ser tinġabar data fir-rigward tas-sett ta’ indikaturi ewlenin li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ euro foloz skoperti;

(b)

l-għadd ta’ workshops illegali sfrattati;

(c)

l-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti li japplikaw għall-programm Pericles IV;

(d)

ir-rata ta’ sodisfazzjoni tal-parteċipanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Pericles IV; u

(e)

il-feedback tal-parteċipanti li jkunu diġà ħadu sehem f’azzjonijiet preċedenti tal-Pericles dwar l-impatt tal-programm Pericles IV fuq l-attivitajiet tagħhom fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.

Id-data u l-informazzjoni dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom jinġabru kull sena mill-Kummissjoni u mill-benefiċjarji tal-programm Pericles IV, kif ġej:

il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data għall-għadd ta’ muniti u karti tal-flus foloz tal-euro;

il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data għall-għadd ta’ workshops illegali sfrattati;

il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data għall-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti li japplikaw għall-programm Pericles IV;

il-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-programm Pericles IV għandhom jiġbru d-data fir-rigward tar-rata ta’ sodisfazzjoni tal-parteċipanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Pericles IV;

il-Kummissjoni u l-benefiċjarji tal-programm Pericles IV għandhom jiġbru d-data fir-rigward tal-feedback tal-parteċipanti li diġà ħadu sehem f’azzjonijiet preċedenti tal-Pericles dwar l-impatt tal-programm Pericles IV fuq l-attivitajiet tagħhom fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.