21.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/78


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/806

tal-10 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jinkludi d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni bħala sustanza attiva fl-Anness I tiegħu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi d-diossidu tal-karbonju ġġenerat minn propan, butan jew taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni.

(2)

Id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni ġie evalwat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tal-prodott tat-tip 19, ripellanti u attrattanti, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Franza nħatret l-Istat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tagħha ssottomettiet ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) fit-18 ta’ Settembru 2019.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjonijiet tal-Aġenzija fis-16 ta’ Ġunju 2020 (3), wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti li wettqet l-evalwazzjoni.

(5)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 19 li jużaw id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. L-opinjoni tal-ECHA kkonkludiet ukoll li din is-sustanza attiva ma tagħtix lok għal tħassib u għalhekk hija eliġibbli għall-inklużjoni fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

B’kont meħud tal-opinjoni tal-Aġenzija, huwa għalhekk xieraq li d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn li huma permezz tal-kombustjoni jiġi inkluż fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Peress li d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni ġie vvalutat abbażi ta’ dossier tas-sustanza attiva li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni jenħtieġ li jiġi inkluż fil-kategorija 6 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, “Sustanzi li għalihom Stat Membru jkun ikkonvalida dossier dwar is-sustanza attiva skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament jew li jkun aċċetta dan id-dossier skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE”.

(7)

L-Artikolu 89(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fih miżuri tranżizzjonali fejn sustanza attiva eżistenti inkluża fil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku ta’ sustanzi attivi eżistenti tiġi approvata f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlit tat-tnejn permezz tal-kombustjoni għall-prodotti tat-tip 19, id-data tal-approvazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 89(3) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi stabbilita bħala dik tal-1 ta’ Lulju 2022, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jitressqu f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(3) ta’ dak ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, id-data tal-approvazzjoni tad-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn li huma permezz tal-kombustjoni għall-prodotti tat-tip 19 hija l-1 ta’ Lulju 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva: Diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni, Prodotti tat-tip: 19, ECHA/BPC/249/2020, adottata fis-16 ta’ Ġunju 2020.

(4)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-Kategorija 6 tal-lista tas-sustanzi attivi msemmija fl-Artikolu 25(a), tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru EC

Isem/Grupp

Restrizzjoni

Kumment

“204-696-9

Diossidu tal-karbonju ġġenerat minn propan, butan jew taħlita tat-tnejn permezz tal-kombustjoni  (*1)

 

Nru tal-CAS 124-38-9


(*1)  Id-data tal-approvazzjoni tad-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-propan, mill-butan jew minn taħlita tat-tnejn li huma mill-kombustjoni għall-prodotti tat-tip 19 għall-finijiet tal-Artikolu 89(3) hija l-1 ta’ Lulju 2022.”.