18.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/795

tas-17 ta’ Mejju 2021

li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva alpha-cypermethrin, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/58/KE (2) inkludiet l-alpha-cypermethrin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1690 (4) ġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva alpha-cypermethrin bħala kandidat għas-sostituzzjoni. Konsegwentement, dik is-sustanza attiva ġiet elenkata fil-parti E tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1690 kien jesiġi li sat-30 ta’ Ottubru 2020 l-applikant ikun issottometta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità informazzjoni konfermatorja fir-rigward tal-profil tossikoloġiku ta’ ċerti metaboliti. Barra minn hekk, kienet meħtieġa informazzjoni konfermatorja għal tliet punti addizzjonali sa skadenzi oħra stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1690.

(4)

F’Ottubru 2020, l-applikant għarraf lill-Kummissjoni, lill-Istat Membru relatur u lill-Awtorità li ma kien se jissottometti l-ebda data konfermatorja għall-ebda wieħed mill-erba’ punti li għalihom intalbet informazzjoni konfermatorja.

(5)

Konsegwentement, jixraq li l-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva tiġi rtirata.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-alpha-cypermethrin.

(8)

Rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-alpha-cypermethrin, meta l-Istati Membri jagħtu perjodu ta’ grazzja f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li dak il-perjodu jiskadi sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2022.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Irtirar tal-approvazzjoni

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva alpha-cypermethrin qed tiġi rtirata.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 12 dwar l-alpha-cypermethrin.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-alpha-cypermethrin bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2021.

Artikolu 4

Perjodu ta’ grazzja

Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/58/KE tat-23 ta’ April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-alfa-ċipermetrin, il-benalaksil, il-bromossinil, id-dismedifan, il-jossinil u l-fenmedifam bħala sustanzi attivi (ĠU L 120, 24.4.2004, p. 26.).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1690 tad-9 ta’ Ottubru 2019 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva alpha-cypermethrin bħala kandidat għas-sostituzzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 259, 10.10.2019, p. 2).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).