17.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/79


REGOLAMENT (UE) 2021/784 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku diġitali f’soċjetà miftuħa u demokratika, billi jindirizza l-użu ħażin tas-servizzi ta’ hosting għal finijiet terroristiċi u jikkontribwixxi għas-sigurtà pubblika fl-Unjoni kollha. Il-funzjonament tas-suq uniku diġitali jenħtieġ li jittejjeb billi tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u tissaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fl-ambjent online, kif ukoll billi jissaħħu s-salvagwardji għal-libertà ta’ espressjoni, inklużi d-dritt li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat f’soċjetà miftuħa u demokratika u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

(2)

Il-miżuri regolatorji biex tiġi indirizzata d-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online jenħtieġ li jiġu kkomplementati bl-istrateġiji tal-Istati Membri għall-indirizzar tat-terroriżmu, inklużi t-tisħiħ tal-litteriżmu fil-media u tal-ħsieb kritiku, l-iżvilupp ta’ narrattivi alternattivi u kontronarrattivi, u inizjattivi oħra biex jitnaqqsu l-impatt ta’, u l-vulnerabbiltà għal, il-kontenut terroristiku online, kif ukoll investiment fil-ħidma soċjali, inizjattivi ta’ deradikalizzazzjoni u involviment mal-komunitajiet affettwati, biex tiġi prevenuta b’mod sostnut ir-radikalizzazzjoni fis-soċjetà.

(3)

L-indirizzar ta’ kontenut terroristiku online, li huwa parti minn problema akbar ta’ kontenut illegali online, jirrikjedi taħlita ta’ miżuri leġiżlattivi, mhux leġiżlattivi u volontarji bbażati fuq kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

(4)

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li huma attivi fuq l-Internet għandhom rwol essenzjali fl-ekonomija diġitali billi joħolqu konnessjoni bejn in-negozju u ċ-ċittadini u billi jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u t-twassil ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi fl-Unjoni. Madankollu, is-servizzi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting f’ċerti każijiet jiġu abbużati minn partijiet terzi għall-fini li jwettqu attivitajiet illegali online. Problema partikolari hi l-użu ħażin ta’ dawk is-servizzi minn gruppi terroristiċi u s-sostenituri tagħhom biex jiddisseminaw kontenut terroristiku online sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom, jirradikalizzaw u jirreklutaw segwaċi, u biex jiffaċilitaw u jidderieġu l-attività terroristika.

(5)

Minkejja li mhijiex l-uniku fattur, il-preżenza ta’ kontenut terroristiku online wriet li hija katalizzatur għar-radikalizzazzjoni ta’ individwi li tista’ twassal għal atti terroristiċi, u għalhekk għandha konsegwenzi negattivi serji għall-utenti, għaċ-ċittadini u għas-soċjetà inġenerali kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting online li jospitaw tali kontenut, peress li timmina l-fiduċja tal-utenti tagħhom u tagħmel ħsara lill-mudelli tan-negozju tagħhom. Fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħhom u l-mezzi u l-kapaċitajiet teknoloġiċi assoċjati mas-servizzi li jipprovdu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting online għandhom responsabbiltajiet soċjetali partikolari biex jipproteġu s-servizzi tagħhom minn użu ħażin mit-terroristi u jgħinu biex jiġi indirizzat il-kontenut terroristiku disseminat permezz tas-servizzi online tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-importanza fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni, inkluża l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat f’soċjetà miftuħa u demokratika.

(6)

L-isforzi fil-livell tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku online bdew fl-2015 permezz ta’ qafas ta’ kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. Dawk l-isforzi jenħtieġ li jkunu kkomplementati b’qafas leġiżlattiv ċar sabiex tkompli titnaqqas l-aċċessibbiltà tal-kontenut terroristiku online u tiġi indirizzata b’mod adegwat problema li qed tevolvi b’mod rapidu. Il-qafas leġiżlattiv għandu l-għan li jibni fuq l-isforzi volontarji, li ġew imsaħħa bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 (3), u jwieġeb għall-appelli li saru mill-Parlament Ewropew biex jissaħħu l-miżuri għall-indirizzar tal-kontenut online li huwa illegali u dannuż f’konformità mal-qafas orizzontali stabbilit bid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll mill-Kunsill Ewropew, biex jittejbu s-sejbien u t-tneħħija ta’ kontenut online li jinstiga atti terroristiċi.

(7)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE. B’mod partikolari, kwalunkwe miżura meħuda minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża kwalunkwe miżura speċifika, ma għandhiex minnha nnifisha twassal biex dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà previst f’dik id-Direttiva. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax is-setgħat tal-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva għal eżenzjoni mir-responsabbiltà ma jkunux sodisfatti.

(8)

F’każ ta’ konflitt bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw is-servizzi tal-media awdjoviżiva kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li tkun id-Direttiva 2010/13/UE li tipprevali. Dan jenħtieġ li ma jaffettwax l-obbligi taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pjattaformi ta’ video-sharing.

(9)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi r-regoli biex jiġi indirizzat l-użu ħażin tas-servizzi ta’ hosting għall-fini tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online sabiex ikun garantit il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali protetti fl-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

(10)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika filwaqt li jistabbilixxi salvagwardji xierqa u robusti biex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tar-rispett għall-ħajja privata, għal protezzjoni tad-data personali, għal-libertà ta’ espressjoni, inklużi l-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża, u d-dritt għal rimedju effettiv. Barra minn hekk, hija projbita kwalunkwe diskriminazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jadottaw biss miżuri li huma meħtieġa, xierqa u proporzjonati f’soċjetà demokratika, b’kont meħud tal-importanza partikolari mogħtija lil-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, li jikkostitwixxu l-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà pluralista u demokratika u huma l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Jenħtieġ li l-miżuri li jaffettwaw il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni jkunu strettament immirati biex jindirizzaw id-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, filwaqt li jibqa’ rispettat id-dritt li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni legalment, b’kont meħud tar-rwol ċentrali tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u t-twassil ta’ fatti, opinjonijiet u ideat skont il-liġi. Il-miżuri online effettivi biex jindirizzaw il-kontenut terroristiku online u l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni mhumiex għanijiet konfliġġenti, iżda huma għanijiet komplementari u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

(11)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar l-azzjonijiet li għandhom jieħdu kemm il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw id-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi definizzjoni ta’ ‘kontenut terroristiku’ għal finijiet preventivi, konsistenti mad-definizzjonijiet ta’ reati terroristiċi taħt id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Minħabba l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-propaganda terroristika online l-aktar dannuża, jenħtieġ li dik id-definizzjoni tkopri materjal li jinstiga jew jissolleċita minn xi ħadd it-twettiq, jew il-kontribuzzjoni għat-twettiq, ta’ reati terroristiċi, jew jissolleċita minn xi ħadd il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, jew jigglorifika attivitajiet terroristiċi inkluż bid-disseminazzjoni ta’ materjal li juri attakk terroristiku. Jenħtieġ li d-definizzjoni tinkludi wkoll materjal li jipprovdi istruzzjoni għall-manifattura jew l-użu ta’ splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew sustanzi tossiċi jew perikolużi, kif ukoll sustanzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN, chemical, biological, radiological, nuclear), jew dwar metodi u tekniki speċifiċi oħra, inkluża l-għażla ta’ miri, għall-fini tat-twettiq, jew il-kontribuzzjoni għat-twettiq, ta’ reati terroristiċi. Tali materjal jinkludi testi, immaġnijiet, reġistrazzjonijiet awdjo u filmati, kif ukoll trażmissjonijiet diretti ta’ reati terroristiċi, li jikkawża l-periklu li jitwettqu aktar reati bħal dawn. Meta jiġi vvalutat jekk il-materjal jikkostitwixxix kontenut terroristiku fis-sens ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jieħdu kont ta’ fatturi bħan-natura u l-formulazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet, il-kuntest li fih ikunu saru d-dikjarazzjonijiet u l-potenzjal tagħhom li jwasslu għal konsegwenzi dannużi fir-rigward tas-sigurtà u s-sikurezza tal-persuni. Jenħtieġ li l-fatt li l-materjal kien prodott minn, ikun attribwibbli għal, jew disseminat f’isem, persuna, grupp jew entità inklużi fil-lista tal-Unjon ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u suġġetti għal miżuri restrittivi jikkostitwixxi fattur importanti fil-valutazzjoni.

(12)

Jenħtieġ li materjal disseminat għal finijiet edukattivi, ġurnalistiċi, artistiċi jew ta’ riċerka, jew għal finijiet ta’ sensibilizzazzjoni kontra attività terroristika, ma jkunx ikkunsidrat bħala kontenut terroristiku. Meta jiġi ddeterminat jekk l-materjal ipprovdut minn fornitur ta’ kontenut jikkostitwixxix “kontenut terroristiku” kif definit f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jitqies b’mod partikolari d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-arti u x-xjenzi. Speċjalment f’każijiet fejn il-fornitur ta’ kontenut ikollu responsabbiltà editorjali, kwalunkwe deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-materjal disseminat jenħtieġ li tqis l-istandards ġurnalistiċi stabbiliti mir-regolamentazzjoni tal-istampa jew tal-media f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluża l-Karta. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-espressjoni ta’ fehmiet radikali, polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi ma titqiesx bħala kontenut terroristiku.

(13)

Sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv id-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għall-ħajja privata tal-individwi, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà ta’ informazzjoni li jaħżnu u jiddisseminaw lill-pubbliku informazzjoni u materjal ipprovduti minn utent tas-servizz fuq talba, irrispettivament minn jekk il-ħżin u d-disseminazzjoni lill-pubbliku ta’ tali informazzjoni u materjal humiex ta’ natura sempliċiment teknika, awtomatika u passiva. Il-kunċett ta’ “ħżin” jenħtieġ li jinftiehem bħala ż-żamma ta’ data fil-memorja ta’ server fiżiku jew virtwali. Jenħtieġ għalhekk li l-fornituri ta’ servizzi ta’ “sempliċi kondutturi” jew ta’ “caching”, kif ukoll ta’ servizzi oħra pprovduti f’saffi oħra tal-infrastruttura tal-Internet, li ma jinvolvux ħżin, bħal reġistri u reġistraturi, kif ukoll fornituri ta’ sistemi tal-ismijiet tad-dominji (DNS), servizzi ta’ pagament jew ta’ attakk distribwit li jwaqqaf is-servizz (DdoS) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Il-kunċett ta’ “disseminazzjoni lill-pubbliku” jenħtieġ li jinkludi t-tqegħid ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni ta’ għadd potenzjalment illimitat ta’ persuni, jiġifieri li l-informazzjoni ssir faċilment aċċessibbli għall-utenti b’mod ġenerali, mingħajr ma tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-fornitur ta’ kontenut, irrispettivament minn jekk dawk il-persuni effettivament jaċċessawx l-informazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, fejn l-aċċess għall-informazzjoni jirrikjedi reġistrazzjoni jew ammissjoni għal grupp ta’ utenti, jenħtieġ li dik l-informazzjoni titqies li hija disseminata lill-pubbliku biss meta l-utenti li jfittxu li jaċċessaw l-informazzjoni huma awtomatikament reġistrati jew ammessi mingħajr deċiżjoni jew għażla mill-bniedem dwar lil min jingħata l-aċċess. Jenħtieġ li s-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali, kif definiti fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), bħal emails jew servizzi ta’ messaġġi privati, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-informazzjoni jenħtieġ li titqies bħala maħżuna u disseminata lill-pubbliku fis-sens ta’ dan ir-Regolament biss fejn tali attivitajiet jitwettqu fuq talba diretta tal-fornitur ta’ kontenut. Konsegwentement, il-fornituri ta’ servizzi, bħall-infrastruttura tal-cloud, li jiġu pprovduti fuq talba ta’ partijiet oħra għajr il-fornituri ta’ kontenut u li jkunu ta’ benefiċċju għal dawn tal-aħħar indirettament biss, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri, pereżempju, il-fornituri ta’ media soċjali, filmati, servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ immaġni u awdjo, kif ukoll servizzi tal-kondiviżjoni ta’ fajls u servizzi oħra tal-cloud, sa fejn dawk is-servizzi jintużaw biex jagħmlu l-informazzjoni maħżuna disponibbli għall-pubbliku fuq talba diretta tal-fornitur ta’ kontenut. Fejn fornitur ta’ servizz ta’ hosting joffri diversi servizzi, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

(15)

Spiss jiġi disseminat kontenut terroristiku lill-pubbliku permezz ta’ servizzi ta’ hosting ipprovduti minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti f’pajjiżi terzi. Sabiex jiġu protetti l-utenti fl-Unjoni u jiġi żgurat li l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ hosting li joperaw fis-suq uniku diġitali jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-fornituri kollha ta’ servizzi rilevanti offruti fl-Unjoni, irrispettivament mill-pajjiż tal-istabbiliment prinċipali tagħhom. Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li jitqies bħala wieħed li joffri servizzi fl-Unjoni jekk huwa jippermetti lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar jużaw is-servizzi tiegħu u jkollu konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru jew dawk l-Istati Membri.

(16)

Jenħtieġ li jkun hemm konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu stabbiliment fl-Unjoni, fejn is-servizzi tiegħu jkunu użati minn għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew fejn l-attivitajiet tiegħu jkunu mmirati lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar ta’ attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jenħtieġ li jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż fatturi bħall-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li ġeneralment jintużaw fl-Istat Membru kkonċernat, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi minn tali Stat Membru. Tali immirar jista’ jirriżulta wkoll mid-disponibbiltà ta’ applikazzjoni fil-ħażna nazzjonali rilevanti ta’ applikazzjonijiet, jew mill-fornitura ta’ riklamar lokali jew riklamar f’lingwa ġeneralment użata fl-Istat Membru kkonċernat, jew mill-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti pereżempju bl-għoti ta’ servizz lill-klijenti f’lingwa ġeneralment użata f’dak l-Istat Membru. Jenħtieġ ukoll li tiġi preżunta konnessjoni sostanzjali fejn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Jenħtieġ li s-sempliċi aċċessibbiltà ta’ website ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, ta’ indirizz elettroniku jew ta’ dettalji oħrajn ta’ kuntatt fi Stat Membru wieħed jew aktar, ikkunsidrati waħedhom, ma tkunx suffiċjenti biex tikkostitwixxi konnessjoni sostanzjali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-forniment ta’ servizz sempliċiment għall-fini ta’ konformità mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma jitqiesx, fuq dik il-bażi biss, bħala li jikkostitwixxi konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni.

(17)

Il-proċedura u l-obbligi li jirriżultaw minn ordnijiet ta’ tneħħija li jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut terroristiku, wara valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jiġu armonizzati. Minħabba l-veloċità li biha jiġi disseminat il-kontenut terroristiku bejn is-servizzi online, jenħtieġ li jiġi impost obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting biex jiżguraw li l-kontenut terroristiku identifikat fl-ordni ta’ tneħħija jitneħħa jew li l-aċċess għalih jiġi diżattivat fl-Istati Membri kollha fi żmien siegħa minn meta tasal l-ordni ta’ tneħħija. Ħlief f’każijiet ta’ emerġenza debitament ġustifikati, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tipprovdi lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting b’informazzjoni dwar il-proċeduri u l-iskadenzi applikabbli tal-inqas minn 12-il siegħa qabel ma toħroġ għall-ewwel darba ordni ta’ tneħħija lil dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Ikunu jseħħu każijiet ta’ emerġenza debitament ġustifikati fejn it-tneħħija ta’, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, kontenut terroristiku li jsiru tard aktar minn siegħa wara l-wasla tal-ordni ta’ tneħħija jirriżultaw f’dannu serju, bħal f’sitwazzjonijiet ta’ theddida imminenti għall-ħajja jew l-integrità fiżika ta’ persuna, jew meta tali kontenut juri avvenimenti kurrenti li jirriżultaw f’dannu għall-ħajja jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tiddetermina jekk il-każijiet jikkostitwux każijiet ta’ emerġenza u jekk debitament jiġġustifikawx id-deċiżjoni tagħha fl-ordni ta’ tneħħija. Fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jkunx jista’ jikkonforma mal-ordnijiet ta’ tneħħija fi żmien siegħa minn meta tasallu, għal raġunijiet ta’ force majeure jew impossibbiltà de facto, inklużi raġunijiet ta’ natura teknika jew operattiva li jkunu oġġettivament ġustifikabbli, jenħtieġ li huwa jinforma lill-awtorità kompetenti emittenti kemm jista’ jkun malajr u jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija hekk kif is-sitwazzjoni tiġi riżolta.

(18)

L-ordni ta’ tneħħija jenħtieġ li tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tikkwalifika l-materjal li jkun meħtieġ jitneħħa jew li għalih l-aċċess ikun meħtieġ li jiġi diżattivat bħala kontenut terroristiku u tipprovdi biżżejjed informazzjoni sabiex dak il-kontenut jiġi lokalizzat, billi tindika l-URL preċiż u, fejn meħtieġ, kwalunkwe informazzjoni oħra addizzjonali, bħal screenshot tal-kontenut inkwistjoni. Jenħtieġ li dik id-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u, fl-aħħar nett, lill-fornitur tal-kontenut jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ rimedju ġuridiku. Jenħtieġ li r-raġunijiet provduti ma jimplikawx id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva li tista’ tipperikola investigazzjonijiet kurrenti.

(19)

Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tippreżenta l-ordni ta’ tneħħija direttament lill-punt ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ kwalunkwe mezz elettroniku li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jistabbilixxi l-awtentiċità tal-ordni, inklużi l-akkuratezza tad-data u l-ħin meta hija tintbagħat u tasal, pereżempju permezz ta’ posta elettronika sigura jew pjattaformi jew kanali siguri oħra, inklużi dawk magħmula disponibbli mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ikun jista’ jiġi ssodisfat bl-użu, inter alia, ta’ servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrati kif previst fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Fejn l-istabbiliment prinċipali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun, jew ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit, fi Stat Membru differenti minn dak tal-awtorità kompetenti emittenti, jenħtieġ li kopja tal-ordni ta’ tneħħija tiġi simultanjament ippreżentata lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

(20)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu, jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit li tiskrutinizza l-ordni ta’ tneħħija maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiddetermina jekk tiksirx serjament jew manifestament dan ir-Regolament jew id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta. Kemm il-fornitur tal-kontenut kif ukoll il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jitolbu tali skrutinju mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit. Fejn issir tali talba, jenħtieġ li dik l-awtorità kompetenti tadotta deċiżjoni dwar jekk l-ordni ta’ tneħħija fihiex tali ksur. Fejn dik id-deċiżjoni ssib li sar tali ksur, jenħtieġ li l-ordni ta’ tneħħija ma jibqax ikollha effetti legali. L-iskrutinju jenħtieġ li jsir b’mod rapidu sabiex jiġi żgurat li kontenut li jitneħħa jew li jiġi diżattivat bi żball jerġa’ jiddaħħal malajr kemm jista’ jkun.

(21)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jkunu esposti għal kontenut terroristiku jinkludu, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, dispożizzjonijiet li jindirizzaw l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għall-fini tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku lill-pubbliku. Jenħtieġ li huma japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet b’mod diliġenti, trasparenti, proporzjonat u nondiskriminatorju.

(22)

Fid-dawl tal-iskala tal-problema u tal-ħeffa meħtieġa biex jiġi identifikat u jitneħħa b’mod effettiv il-kontenut terroristiku, it-teħid ta’ miżuri speċifiċi, effettivi u proporzjonati, jikkostitwixxi element essenzjali fl-indirizzar ta’ kontenut terroristiku online. Bil-ħsieb li jnaqqsu l-aċċessibbiltà tal-kontenut terroristiku fuq is-servizzi tagħhom, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting esposti għal kontenut terroristiku jistabbilixxu miżuri speċifiċi b’kont meħud tar-riskji u l-livell ta’ esponiment għal kontenut terroristiku kif ukoll tal-effetti fuq id-drittijiet ta’ partijiet terzi u l-interess pubbliku tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jiddeterminaw liema miżura speċifika adatta, effettiva u proporzjonata jenħtieġ li tiġi stabbilita biex jiġi identifikat u jitneħħa kontenut terroristiku. Miżuri speċifiċi jistgħu jinkludu miżuri jew kapaċitajiet tekniċi jew operattivi adatti bħar-reklutaġġ ta’ persunal jew mezzi tekniċi biex jidentifikaw u jneħħu jew jiddiżattivaw mingħajr dewmien l-aċċess għal kontenut terroristiku, mekkaniżmi għall-utenti biex jirrappurtaw jew jimmarkaw kontenut terroristiku allegat, jew kwalunkwe miżura oħra li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting iqis adatta u effettiva biex tiġi indirizzata d-disponibbiltà ta’ kontenut terroristiku fuq is-servizzi tiegħu.

(23)

Jenħtieġ li, meta jistabbilixxu miżuri speċifiċi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jiżguraw li d-dritt tal-utenti għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni kif ukoll għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media kif protetti mill-Karta jiġu ppreżervati. Minbarra kwalunkwe rekwiżit stipulat fil-liġi, inkluż leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li jaġixxu bid-diliġenza dovuta u jimplimentaw salvagwardji, fejn xieraq, inklużi sorveljanza u verifiki mill-bniedem, biex tiġi evitata kwalunkwe deċiżjoni mhux intenzjonata jew żbaljata li twassal għat-tneħħija ta’, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, kontenut li mhuwiex kontenut terroristiku.

(24)

Jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jirrapporta lill-awtorità kompetenti dwar il-miżuri speċifiċi stabbiliti sabiex dik l-awtorità tkun tista’ tiddetermina jekk il-miżuri humiex effettivi u proporzjonati u jekk, kieku jintużaw il-mezzi awtomatizzati, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollux il-kapaċità meħtieġa għas-sorveljanza u l-verifika mill-bniedem. Fil-valutazzjoni tal-effettività u l-proporzjonalità tal-miżuri, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-parametri rilevanti, inklużi l-għadd tal-ordnijiet ta’ tneħħija maħruġa lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, id-daqs u l-kapaċità ekonomika tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u l-impatt tas-servizzi tiegħu fid-disseminazzjoni tal-kontenut terroristiku, pereżempju abbażi tal-għadd ta’ utenti fl-Unjoni, kif ukoll is-salvagwardji stabbiliti biex jiġi indirizzat l-użu ħażin tas-servizzi tiegħu għall-fini tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online.

(25)

Fejn l-awtorità kompetenti tqis li l-miżuri speċifiċi stabbiliti ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskji, jenħtieġ li hija tkun tista’ tirrikjedi li jiġu adottati miżuri speċifiċi addizzjonali li jkunu adatti, effettivi u proporzjonati. Ir-rekwiżit biex jiġu implimentati tali miżuri speċifiċi addizzjonali jenħtieġ li ma jwassalx għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ jew għal xi tfittxija attiva ta’ fatti fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE u lanqas għal obbligu li jintużaw għodod awtomatizzati. Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jkunu jistgħu jużaw għodod awtomatizzati jekk iqisu li dan ikun adatt u meħtieġ biex jindirizzaw b’mod effettiv l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għall-fini tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku.

(26)

L-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jippreservaw il-kontenut imneħħi u d-data relatata, jenħtieġ li jkun stabbilit għal finijiet speċifiċi u limitati għal perijodu li jkun meħtieġ. Hemm bżonn li r-rekwiżit ta’ preservazzjoni jiġi estiż għad-data relatata fejn kwalunkwe tali data inkella tista’ tintilef bħala konsegwenza tat-tneħħija tal-kontenut terroristiku inkwistjoni. Id-data relatata tista’ tinkludi data bħal ‘data dwar l-abbonati, b’mod partikolari data li tappartjeni għall-identità tal-fornitur tal-kontenut, kif ukoll data dwar l-aċċess, inkluża data dwar id-data u l-ħin tal-użu mill-fornitur tal-kontenut u dwar il-log-in u l-log-off mis-servizz, flimkien mal-indirizz IP allokat mill-fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-Internet lill-fornitur tal-kontenut.

(27)

L-obbligu li jiġi ppreservat il-kontenut għal proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju huwa meħtieġ u ġustifikat fid-dawl tal-bżonn li jkunu stabbiliti rimedji effettivi għall-fornituri ta’ kontenut li l-kontenut tagħhom ikun tneħħa jew li l-aċċess għalih ikun ġie diżattivat, kif ukoll biex tiġi żgurata r-reintegrazzjoni ta’ dak il-kontenut, skont l-eżitu ta’ dawk il-proċedimenti. L-obbligu tal-preservazzjoni tal-materjal għal finijiet ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni huwa ġustifikat u meħtieġ fid-dawl tal-valur li l-materjal jista’ jkollu għall-fini tal-interruzzjoni jew prevenzjoni ta’ attività terroristika. Għalhekk, jenħtieġ li l-preservazzjoni, ta’ kontenut terroristiku mneħħi, għal finijiet ta’ prevenzjoni, sejbien, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi titqies bħala ġustifikata wkoll. Jenħtieġ li l-kontenut terroristiku u d-data relatata jinħażnu biss għal perijodu li jkun meħtieġ biex jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiċċekkjaw il-kontenut terroristiku u jiddeċiedu jekk ikunx meħtieġ għal dawk il-finijiet. Għall-finijiet ta’ prevenzjoni, sejbien, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, jenħtieġ li l-preservazzjoni meħtieġa tad-data tkun limitata għal data li x’aktarx ikollha rabta ma’ reati terroristiċi, u li għalhekk tista’ tikkontribwixxi għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew għall-prevenzjoni ta’ riskji serji għas-sigurtà pubblika. Fejn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ineħħu, jew jiddiżattivaw l-aċċess għal, materjal, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri speċifiċi tagħhom stess, jenħtieġ li huma jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti minnufih dwar il-kontenut li jkun fih informazzjoni li tinvolvi theddida imminenti għall-ħajja jew suspett ta’ reat terroristiku.

(28)

Biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, jenħtieġ li l-perijodu ta’ preservazzjoni jkun limitat għal sitt xhur biex il-fornituri ta’ kontenut ikollhom biżżejjed żmien biex jibdew il-proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju u biex jippermettu l-aċċess lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għad-data rilevanti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi. Madankollu, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti jew tal-qorti, jenħtieġ li dak il-perijodu jkun jista’ jiġi estiż kemm meħtieġ f’każijiet fejn dawk il-proċedimenti jinbdew iżda ma jiġux iffinalizzati fi żmien dak il-perijodu ta’ sitt xhur. It-tul tal-perijodu ta’ żmien ta’ preservazzjoni jenħtieġ li jkun biżżejjed biex jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jippreservaw il-materjal meħtieġ fir-rigward tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, filwaqt li jiżguraw bilanċ mad-drittijiet fundamentali.

(29)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax il-garanziji proċedurali jew il-miżuri ta’ investigazzjoni proċedurali relatati mal-aċċess għal kontenut u d-data relatata ppreservati għall-finijiet tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, kif regolati taħt il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

(30)

It-trasparenza tal-politiki tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fir-rigward ta’ kontenut terroristiku hija essenzjali biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tagħhom lejn l-utenti tagħhom u biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fis-suq uniku diġitali. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jkunu ħadu azzjoni jew intalbu jieħdu azzjoni taħt dan ir-Regolament f’sena kalendarja partikolari jagħmlu disponibbli pubblikament ir-rapporti annwali dwar it-trasparenza li jkun fihom informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward tal-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku.

(31)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw rapporti annwali dwar it-trasparenza li jkun fihom informazzjoni dwar l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija, l-għadd ta’ każijiet fejn ma ġietx eżegwita ordni, l-għadd ta’ deċiżjonijiet li kkonċernaw miżuri speċifiċi, l-għadd ta’ każijiet soġġetti għal proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju u l-għadd ta’ deċiżjonijiet li imponew penali.

(32)

Id-dritt għal rimedju effettiv huwa stabbilit fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikolu 47 tal-Karta. Kull persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra kwalunkwe waħda mill-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, li tista’ taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-persuna. Dak id-dritt jenħtieġ li jinkludi, b’mod partikolari, il-possibbiltà li fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri ta’ kontenut jikkontestaw b’mod effettiv l-ordnijiet ta’ tneħħija jew kwalunkwe deċiżjoni li tirriżulta mill-iskrutinju ta’ ordnijiet ta’ tneħħija skont dan ir-Regolament quddiem qorti tal-Istat Membru li l-awtorita’ kompetenti tiegħu jkunu ħarġu l-ordni ta’ tneħħija jew ħadu d-deċiżjoni, kif ukoll il-possibbiltà li fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jikkontestaw b’mod effettiv deċiżjoni relatata ma’ miżuri speċifiċi jew penali quddiem qorti tal-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun ħadet dik id-deċiżjoni.

(33)

Il-proċeduri tal-ilmenti jikkostitwixxu salvagwardja neċessarja kontra t-tneħħija żbaljata ta’, jew id-diżattivazzjoni żbaljata tal-aċċess għal, kontenut online fejn tali kontenut ikun protett taħt il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti li jkunu faċli għall-utent u jiżguraw li l-ilmenti jiġu ttrattati mingħajr dewmien u bi trasparenza sħiħa għall-fornitur ta’ kontenut. Jenħtieġ li r-rekwiżit li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jerġa’ jdaħħal kontenut li tneħħa jew li l-aċċess għalih ġie diżattivat bi żball ma jaffettwax il-possibbiltà għall-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jinforza t-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu stess.

(34)

Il-protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi li l-fornituri ta’ kontenut ikunu jistgħu jikkonstataw ir-raġunijiet li għalihom il-kontenut ipprovdut minnhom ikun tneħħa jew kellu l-aċċess għalih diżattivat. Għal dak il-għan, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornitur ta’ kontenut informazzjoni biex ikun jista’ jikkontesta t-tneħħija jew id-diżattivazzjoni. Skont iċ-ċirkostanzi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jistgħu jissostitwixxu kontenut li tneħħa jew li kellu l-aċċess għalih diżattivat b’messaġġ li jindika li l-kontenut tneħħa jew ġie diżattivat skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li, fuq it-talba tal-fornitur ta’ kontenut, tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tneħħija jew għad-diżattivazzjoni kif ukoll ir-rimedji għat-tneħħija jew id-diżattivazzjoni. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjoni, ma jkunx xieraq, jew ikun kontro-produttiv, li l-fornitur ta’ kontenut jiġi nnotifikat direttament bit-tneħħija jew id-diżattivazzjoni, jenħtieġ li huma jinfurmaw lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting b’dan.

(35)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet kompetenti. Dan m’għandux neċessarjament jimplika l-istabbiliment ta’ awtorità ġdida u jenħtieġ li jkun possibbli li korp eżistenti jiġi inkarigat bil-funzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikjedi li jinħatru awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ tneħħija, għall-iskrutinju ta’ ordnijiet ta’ tneħħija, għas-superviżjoni ta’ miżuri speċifiċi u għall-impożizzjoni ta’ penali, filwaqt li jenħtieġ li jkun possibbli għal kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti li għandhom jinħatru u jekk ikunux amministrattivi, tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod oġġettiv u nondiskriminatorju u li ma jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe korp ieħor fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti taħt dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix superviżjoni f’konformità mad-dritt kostituzzjonali nazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkomunikaw l-awtoritajiet kompetenti maħtura taħt dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li jenħtieġ li tippubblika online reġistru li jelenka l-awtoritajiet kompetenti. Dak ir-reġistru online jenħtieġ li jkun aċċessibbli faċilment biex jiffaċilita l-verifika rapida tal-awtentiċità tal-ordnijiet ta’ tneħħija mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting.

(36)

Sabiex jevitaw duplikazzjoni ta’ sforzi u interferenzi potenzjali fl-investigazzjonijiet u biex jimminimizzaw il-piż għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting affettwati, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni, jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn xieraq, mal-Europol, qabel ma joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija. Meta tieħu deċiżjoni jekk toħroġx ordni ta’ tneħħija, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tikkunsidra b’mod debitu kwalunkwe notifika ta’ interferenza ma’ xi interess investigattiv (de-confliction). Fejn awtorità kompetenti tiġi infurmata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor b’ordni ta’ tneħħija eżistenti, jenħtieġ li hija ma toħroġx ordni ta’ tneħħija li tikkonċerna l-istess suġġett. Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Europol tista’ tipprovdi appoġġ skont il-mandat attwali tagħha u l-qafas legali eżistenti.

(37)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u koerenti biżżejjed tal-miżuri speċifiċi meħuda mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin fir-rigward tal-iskambji li jkollhom mal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting dwar l-ordnijiet ta’ tneħħija u dwar l-identifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ miżuri speċifiċi. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni huma meħtieġa wkoll fir-rigward ta’ miżuri oħrajn li jimplimentaw dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regoli dwar penali u l-impożizzjoni ta’ penali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita tali koordinazzjoni u kooperazzjoni.

(38)

Huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-impożizzjoni ta’ penali tkun infurmata b’mod sħiħ bil-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u skambji sussegwenti bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fi Stati Membri oħra. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw mezzi u mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni xierqa u siguri li jippermettu l-kondiviżjoni f’waqtha ta’ informazzjoni rilevanti.

(39)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji rapidi bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ sforzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu mħeġġa jużaw l-għodod dedikati żviluppati mill-Europol, bħall-applikazzjoni attwali tal-Ġestjoni ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet jew is-suċċessuri tagħha.

(40)

L-indikazzjonijiet ta’ kontenut mill-Istati Membri u mill-Europol urew li huma mezz effettiv u rapidu biex jiżdied l-għarfien tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting dwar kontenut speċifiku li jkun disponibbli permezz tas-servizzi tagħhom u biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni rapida. Jenħtieġ li tali indikazzjonijiet ta’ kontenut, li huma mekkaniżmu ta’ twissija lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting dwar informazzjoni li tista’ titqies bħala kontenut terroristiku biex il-fornitur ikun jista’ jqis volontarjament jekk dak il-kontenut huwiex kompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet proprji tiegħu, jibqgħu disponibbli flimkien mal-ordnijiet ta’ tneħħija. Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandux jitneħħa l-kontenut minħabba li ma jkunx kompatibbli mat-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu tibqa’ f’idejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-mandat tal-Europol kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Għalhekk, jenħtieġ li xejn f’dan ir-Regolament ma jinftiehem bħala li jipprekludi lill-Istati Membri u lill-Europol milli jużaw l-indikazzjonijiet ta’ kontenut bħala strument biex jiġi indirizzat il-kontenut terroristiku online.

(41)

Minħabba l-konsegwenzi serji partikolari ta’ ċertu kontenut terroristiku online, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti jew fejn ikollhom rappreżentant legali dwar kontenut terroristiku li jinvolvi theddida imminenti għall-ħajja jew suspett ta’ reat terroristiku. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, jenħtieġ li dak l-obbligu jkun limitat għal reati terroristiċi kif definiti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541. Jenħtieġ li dak l-obbligu li jinfurmaw ma jimplikax obbligu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jfittxu b’mod attiv xi evidenza ta’ theddida imminenti għall-ħajja jew ta’ reat terroristiku suspettat. Jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jinftiehem li jkun l-Istat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk ir-reati terroristiċi abbażi tan-nazzjonalità tat-trasgressur jew tal-vittma potenzjali tar-reat jew tal-post fil-mira tal-att terroristiku. F’każ ta’ dubju, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jippreżentaw l-informazzjoni lill-Europol, li jenħtieġ li tipprovdi l-azzjoni rilevanti ta’ segwitu skont il-mandat tagħha, inkluż billi tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw tali informazzjoni biex jieħdu miżuri investigattivi li jkunu disponibbli taħt il-liġi tal-Unjoni jew taħt dik nazzjonali.

(42)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jaħtru jew jistabbilixxu punti ta’ kuntatt biex jiffaċilitaw it-trattament mingħajr dewmien tal-ordnijiet ta’ tneħħija. Il-punt ta’ kuntatt jenħtieġ li jservi biss għal finijiet operazzjonali. Jenħtieġ li l-punt ta’ kuntatt ikun jikkonsisti minn kwalunkwe mezz iddedikat, intern jew estern, li jippermetti s-sottomissjoni elettronika ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u ta’ mezzi tekniċi jew personali li jippermettu l-ipproċessar mingħajr dewmien tagħhom. Ma huwiex neċessarju li l-punt ta’ kuntatt ikun jinsab fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun liberu li juża punt ta’ kuntatt eżistenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dment li l-punt ta’ kuntatt ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontenut terroristiku jitneħħa jew li l-aċċess għalih ikun diżattivat fi żmien siegħa minn meta tasal l-ordni ta’ tneħħija, jenħtieġ li l-punt ta’ kuntatt tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jkunu esposti għal kontenut terroristiku jkun aċċessibbli fi kwalunkwe mument. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-punt ta’ kuntatt tinkludi informazzjoni dwar il-lingwa li biha huwa jista’ jiġi indirizzat. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u l-awtoritajiet kompetenti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting huma mħeġġa jippermettu komunikazzjoni b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li biha jkunu disponibbli t-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom.

(43)

Fin-nuqqas ta’ rekwiżit ġenerali biex il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jiżguraw preżenza fiżika fit-territorju tal-Unjoni, hemm bżonn tiġi żgurata ċarezza dwar liema Stat Membru għandu ġuriżdizzjoni fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li joffri servizzi fi ħdan l-Unjoni. Bħala regola ġenerali, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kompetenza stabbiliti għall-fini ta’ ordnijiet ta’ tneħħija u deċiżjonijiet li jirriżultaw mill-iskrutinju ta’ ordnijiet ta’ tneħħija skont dan ir-Regolament. Madankollu, fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma jkollu ebda stabbiliment fl-Unjoni u li ma jkunx ħatar rappreżentant legali, jenħtieġ li kwalunkwe Stat Membru jkollu ġurisdizzjoni u għalhekk ikun jista’ jimponi penali, dment li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jiġi rispettat.

(44)

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni jenħtieġ li jaħtru bil-miktub rappreżentant legali sabiex jiżguraw il-konformità ma’, u l-infurzar ta’, l-obbligi taħt dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jaħtru, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, rappreżentant legali li jkun diġà maħtur għal skopijiet oħrajn, dment li dak ir-rappreżentant legali jkun kapaċi jissodisfa l-funzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rappreżentant legali jkun awtorizzat li jaġixxi f’isem il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

(45)

Il-penali huma meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni, b’mod effettiv, ta’ dan ir-Regolament mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw regoli dwar il-penali, li jistgħu jkunu ta’ natura amministrattiva jew kriminali, kif ukoll, fejn xieraq, linji gwida dwar il-multi. In-nuqqas ta’ konformità f’każijiet individwali jista’ jiġi soġġett għal penali filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ ne bis in idem u tal-proporzjonalità u jiġi żgurat li tali penali jieħdu kont ta’ falliment sistematiku. Il-penali jistgħu jieħdu forom differenti, inklużi twissijiet formali f’każijiet ta’ ksur minuri jew penali finanzjarji fir-rigward ta’ ksur aktar serju jew sistematiku. Jenħtieġ li jiġu imposti penali partikolarment severi f’każ li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jonqos sistematikament jew persistentement milli jneħħi kontenut terroristiku jew milli jiddiżattiva l-aċċess għalih fi żmien siegħa mill-wasla ta’ ordni ta’ tneħħija. Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi liema tipi ta’ ksur ikunu soġġetti għal penali u liema ċirkostanzi huma rilevanti għall-valutazzjoni tat-tip u l-livell ta’ tali penali. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk għandhomx ikunu imposti penali finanzjarji, jenħtieġ li debitament jitqiesu r-riżorsi finanzjarji tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tqis jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting huwiex negozju ġdid jew impriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju kif definita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (12). Għandhom jitqiesu wkoll ċirkostanzi addizzjonali, bħal jekk l-imġiba tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting kinitx oġġettivament imprudenti jew kundannabbli jew jekk il-ksur twettaqx b’negliġenza jew intenzjonalment. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-penali imposti għall-ksur ta’ dan ir-Regolament ma jħeġġux it-tneħħija ta’ materjal li ma jkunx kontenut terroristiku.

(46)

L-użu ta’ mudelli standardizzati jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, li jippermettilhom jikkomunikaw b’mod aktar rapidu u effettiv. Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata azzjoni mingħajr dewmien meta tasal ordni ta’ tneħħija. Il-mudelli jnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni u jikkontribwixxu għal standard ogħla tal-proċess. Il-mudelli għall-feedback jippermettu skambju standardizzat ta’ informazzjoni u huma partikolarment importanti fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ma jkunux jistgħu jikkonformaw ma’ ordnijiet ta’ tneħħija. Mezzi awtentikati ta’ preżentazzjoni jistgħu jiggarantixxu l-awtentiċità tal-ordni ta’ tkeċċija, inklużi l-akkuratezza tad-data u l-ħin meta l-ordni ntbagħtet u meta tasal.

(47)

Sabiex tkun possibbli emenda rapida, fejn din tkun meħtieġa, tal-kontenut tal-mudelli li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendar tal-annessi ma’ dan ir-Regolament. Sabiex ikun jista’ jittieħed kont tal-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-qafas legali relatat, jenħtieġ li l-Kummissjoni wkoll tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament b’rekwiżiti tekniċi għal mezzi elettroniċi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ tkeċċija. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13). B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(48)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġbru informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jużaw ir-rapporti ta’ trasparenza tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u li jikkomplementawhom, fejn meħtieġ, b’aktar informazzjoni dettaljata, bħar-rapporti tagħhom stess ta’ trasparenza skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jiġi stabbilit programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament sabiex jitqiesu f’evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(49)

Abbażi tas-sejbiet u l-konklużjonijiet fir-rapport ta’ implimentazzjoni u l-eżitu tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-kriterji ta’ effiċjenza, neċessità, effettività, proporzjonalità, rilevanza, koerenza u valur miżjud tal-Unjoni. Jenħtieġ li tivvaluta l-funzjonament ta’ miżuri operazzjonali u tekniċi differenti previsti minn dan ir-Regolament, inkluża l-effettività ta’ miżuri għat-titjib fis-sejbien, l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ kontenut terroristiku online, l-effettività ta’ mekkaniżmi ta’ salvagwardja kif ukoll l-impatti fuq drittijiet fundamentali potenzjalment affettwati, bħal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-impatt fuq l-interessi, li jkunu potenzjalment affettwati, ta’ partijiet terzi.

(50)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku diġitali billi jindirizza d-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi li jindirizzaw l-użu ħażin ta’ servizzi ta’ hosting għad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online lill-pubbliku, b’mod partikolari dwar:

(a)

obbligi ta’ diliġenza raġonevoli u proporzjonati li għandhom jiġu applikati minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting bil-għan li jindirizzaw id-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku lill-pubbliku permezz tas-servizzi tagħhom u jiżguraw, fejn meħtieġ, it-tneħħija ta’, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, tali kontenut mingħajr dewmien;

(b)

il-miżuri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u soġġetti għal salvagwardji adatti għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni f’soċjetà miftuħa u demokratika, biex:

(i)

jidentifikaw u jiżguraw it-tneħħija mingħajr dewmien ta’ kontenut terroristiku minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting; u

(ii)

jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri oħra, fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u, fejn xieraq, il-Europol.

2.   Dan ir-Regolament japplika għal fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li joffru servizzi fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment prinċipali tagħhom, sa fejn huma jiddisseminaw informazzjoni lill-pubbliku.

3.   Il-materjal disseminat lill-pubbliku għal finijiet edukattivi, ġurnalistiċi, artistiċi jew ta’ riċerka jew għal finijiet tal-prevenzjoni jew tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż il-materjal li jirrappreżenta espressjoni ta’ fehmiet polemiċi jew kontroversjali matul dibattitu pubbliku, ma għandux jitqies bħala kontenut terroristiku. Għandha ssir valutazzjoni li tiddetermina l-fini veru ta’ dik id-disseminazzjoni u jekk il-materjal huwiex disseminat lill-pubbliku għal dawk il-finijiet.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 TUE u għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipji fundamentali relattivi għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

5.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2000/31/KE u 2010/13/UE. Għas-servizzi tal-media awdjoviżiva kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, għandha tipprevali d-Direttiva 2010/13/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“fornitur ta’ servizzi ta’ hosting” tfisser fornitur ta’ servizzi kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), li jikkonsistu mill-ħżin ta’ informazzjoni pprovduta minn, u fuq talba ta’, fornitur ta’ kontenut;

(2)

“fornitur ta’ kontenut” tfisser utent li pprovda informazzjoni li tkun, jew li kienet, maħżuna u disseminata lill-pubbliku minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting;

(3)

“disseminazzjoni lill-pubbliku” tfisser attività li tagħmel informazzjoni disponibbli, fuq talba ta’ fornitur ta’ kontenut, lil numru potenzjalment illimitat ta’ persuni;

(4)

“offerta ta’ servizzi fl-Unjoni” tfisser il-possibbiltà mogħtija lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar li jużaw is-servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jkollu konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru jew ma’ dawk l-Istati Membri;

(5)

“konnessjoni sostanzjali” tfisser il-konnessjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma’ Stat Membru wieħed jew aktar li tirriżulta jew mill-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni jew minn kriterji fattwali speċifiċi, bħal:

(a)

meta jkollu għadd sinifikanti ta’ utenti tas-servizzi tiegħu fi Stat Membru wieħed jew aktar; jew

(b)

meta jimmira l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar;

(6)

“reati terroristiċi” tfisser reati kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(7)

“kontenut terroristiku” tfisser wieħed jew aktar mit-tipi li ġejjin ta’ materjal, jiġifieri materjal li:

(a)

jinstiga t-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541, fejn tali materjal, direttament jew indirettament, bħal permezz tal-glorifikazzjoni ta’ atti terroristiċi, jiddifendi t-twettiq ta’ reati terroristiċi, u b’hekk jikkawża l-periklu li xi wieħed jew aktar minn tali reati jitwettqu;

(b)

jissolleċita persuna jew grupp ta’ persuni biex iwettqu, jew jikkontribwixxu għat-twettiq ta’, wieħed mir-reati msemmija fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(c)

jissolleċita persuna jew grupp ta’ persuni biex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(d)

jagħti istruzzjoni dwar il-produzzjoni jew l-użu ta’ splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew ta’ sustanzi noċivi jew perikolużi, jew dwar metodi jew tekniki speċifiċi oħra, għall-fini li jitwettaq, jew li jingħata kontribut għat-twettiq ta’, wieħed mir-reati terroristiċi msemmija fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(e)

jikkostitwixxi theddida ta’ twettiq ta’ wieħed mir-reati msemmija fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(8)

“termini u kondizzjonijiet” tfisser it-termini, kondizzjonijiet u klawżoli kollha, irrispettivament mill-isem jew mill-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u l-utenti tiegħu;

(9)

“stabbiliment prinċipali” tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operazzjonali.

TAQSIMA II

MIŻURI LI JINDIRIZZAW ID-DISSEMINAZZJONI TA’ KONTENUT TERRORISTIKU ONLINE

Artikolu 3

Ordnijiet ta’ tneħħija

1.   L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandu jkollha s-setgħa li toħroġ ordni ta’ tneħħija li tirrikjedi lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ineħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut terroristiku fl-Istati Membri kollha.

2.   Fejn awtorità kompetenti ma tkunx ħarġet preċedentement ordni ta’ tneħħija lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, hija għandha tipprovdi lil dak il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting informazzjoni dwar il-proċeduri applikabbli u l-iskadenzi applikabbli, tal-inqas 12-il siegħa qabel ma toħroġ l-ordni ta’ tneħħija.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika f’każijiet ta’ emerġenza debitament ġustifikati.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom ineħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut terroristiku fl-Istati Membri kollha mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien siegħa minn meta jirċievu l-ordni ta’ tneħħija.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija permezz tal-mudell stabbilit fl-Anness I. L-ordnijiet ta’ tneħħija għandu jkun fihom l-elementi li ġejjin:

(a)

dettalji ta’ identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li toħroġ l-ordni ta’ tneħħija u awtentikazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija minn dik l-awtorità kompetenti;

(b)

dikjarazzjoni suffiċjentement dettaljata tar-raġunijiet li tispjega għaliex il-kontenut jitqies bħala kontenut terroristiku, u referenza għat-tip rilevanti ta’ materjal imsemmi fil-punt (7) tal-Artikolu 2;

(c)

lokatur uniformi tar-riżorsi (URL, uniform resource locator) preċiż u, fejn meħtieġ, informazzjoni addizzjonali għall-identifikazzjoni tal-kontenut terroristiku;

(d)

referenza għal dan ir-Regolament bħala l-bażi ġuridika għall-ordni ta’ tneħħija;

(e)

id-data, it-timbru tal-ħin u l-firma elettronika tal-awtorità kompetenti li toħroġ l-ordni ta’ tneħħija;

(f)

informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar ir-rimedju disponibbli għall-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u għall-fornitur ta’ kontenut, inkluża informazzjoni dwar ir-rimedju mill-awtorità kompetenti, dwar azzjoni quddiem qorti, kif ukoll dwar l-iskadenzi għal appell;

(g)

fejn ikun neċessarju u proporzjonat, id-deċiżjoni, taħt l-Artikolu 11(3), li ma tiġix żvelata informazzjoni dwar it-tneħħija ta’, jew diżattivazzjoni tal-aċċess għal, kontenut terroristiku.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tindirizza l-ordni ta’ tneħħija lill-istabbiliment prinċipali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jew lir-rappreżentant legali tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17.

Dik l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-ordni ta’ tneħħija lill-punt ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 15(1) b’mezz elettroniku li jkun kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-awtentikazzjoni tal-mittent, inkluża l-akkuratezza tad-data u l-ħin meta ntbagħtet u meta tasal l-ordni.

6.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtorità kompetenti, billi juża l-mudell li jinsab fl-Anness II, dwar it-tneħħija tal-kontenut terroristiku jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-kontenut terroristiku fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jindika, b’mod partikolari, il-ħin ta’ dik it-tneħħija jew ta’ dik id-diżattivazzjoni.

7.   Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jkunx jista’ jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija għal raġunijiet ta’ force majeure jew ta’ impossibbiltà de facto li ma jkunux attribwibbli lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, inkluż għal raġunijiet tekniċi jew operazzjonali oġġettivament ġustifikabbli, huwa għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija dwar dawk ir-raġunijiet, billi juża l-mudell li jinsab fl-Anness III.

L-iskadenza stipulata fil-paragrafu 3 għandha tibda tiddekorri hekk kif ir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma jkunux jeżistu iżjed.

8.   Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jkunx jista’ jikkonforma mal-ordni ta’ tneħħija minħabba li jkun hemm fiha żbalji evidenti jew ma jkunx hemm fiha biżżejjed informazzjoni biex tiġi eżegwita, huwa għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija u jitlob il-kjarifika meħtieġa, billi juża l-mudell li jinsab fl-Anness III.

L-iskadenza stipulata fil-paragrafu 3 għandha tibda tiddekorri hekk kif il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun irċieva l-kjarifika meħtieġa.

9.   Ordni ta’ tneħħija għandha ssir finali malli tiskadi l-iskadenza għal appell fejn ma jkun ġie mressaq ebda appell skont il-liġi nazzjonali jew malli tiġi kkonfermata wara appell.

Malli l-ordni ta’ tneħħija ssir finali, l-awtorità kompetenti li tkun ħarġet l-ordni ta’ tneħħija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 12(1) tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit b’dak il-fatt.

Artikolu 4

Proċedura għal ordnijiet ta’ tneħħija transfruntiera

1.   Soġġett għall-Artikolu 3, fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jkollux l-istabbiliment prinċipali jew ir-rappreżentant legali tiegħu fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija, dik l-awtorità għandha, simultanjament, tippreżenta kopja tal-ordni ta’ tneħħija lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit.

2.   Fejn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jirċievi ordni ta’ tneħħija kif imsemmi f’dan l-Artikolu, huwa għandu jieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 u jieħu l-miżuri meħtieġa biex ikun jista’ jerġa’ jdaħħal il-kontenut jew jerġa’ jippermetti l-aċċess għalih, f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess, fi żmien 72 siegħa minn meta tirċievi l-kopja tal-ordni ta’ tneħħija skont il-paragrafu 1, tiskrutinizza l-ordni ta’ tneħħija biex tiddetermina jekk din tiksirx serjament jew manifestament dan ir-Regolament jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

Fejn issib li hemm ksur, hija għandha, fl-istess żmien, tadotta deċiżjoni motivata f’dak is-sens.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u l-fornituri ta’ kontenut għandhom id-dritt li jippreżentaw, fi żmien 48 siegħa minn meta jirċievu ordni ta’ tneħħija jew informazzjoni skont l-Artikolu 11(2), talba motivata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit biex tiskrutinizza l-ordni ta’ tneħħija kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien 72 siegħa minn meta tirċievi t-talba, tadotta deċiżjoni motivata wara l-iskrutinju minnha tal-ordni ta’ tneħħija, li tistabbilixxi s-sejbiet tagħha dwar jekk hemmx ksur.

5.   L-awtorità kompetenti għandha, qabel ma tadotta deċiżjoni skont t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 jew deċiżjoni li tiddetermina li hemm ksur taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, tinforma lill-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni u bir-raġunijiet tagħha għal dan.

6.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit tadotta deċiżjoni motivata taħt il-paragrafu 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dik id-deċiżjoni lill-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, lill-fornitur ta’ kontenut li talab l-iskrutinju taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u, f’konformità mal-Artikolu 14, lill-Europol. Fejn id-deċiżjoni ssib ksur taħt il-paragrafu 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu, l-ordni ta’ tneħħija ma jibqax ikollha effetti legali.

7.   Malli jirċievi deċiżjoni li tiddetermina li hemm ksur ikkomunikata f’konformità mal-paragrafu 6, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat għandu immedjatament jerġa’ jdaħħal il-kontenut jew jerġa’ jippermetti l-aċċess għalih, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġu infurzati t-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u ma’ dik nazzjonali.

Artikolu 5

Miżuri speċifiċi

1.   Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting espost għal kontenut terroristiku kif imsemmi fil-paragrafu 4 għandu, fejn applikabbli, jinkludi fit-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu, u japplika, dispożizzjonijiet biex jindirizza l-użu ħażin tas-servizzi tiegħu għall-fini tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku lill-pubbliku.

Dan għandu jagħmlu b’mod diliġenti, proporzjonat u nondiskriminatorju, b’kunsiderazzjoni debita, f’kull ċirkostanza, għad-drittijiet fundamentali tal-utenti u b’kont meħud, partikolarment, tal-importanza fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni f’soċjetà miftuħa u demokratika, bil-ħsieb li tkun evitata t-tneħħija ta’ materjal li ma jkunx kontenut terroristiku.

2.   Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jkun espost għal kontenut terroristiku kif imsemmi fil-paragrafu 4, għandu jieħu miżuri speċifiċi biex jipproteġi s-servizzi tiegħu mid-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku lill-pubbliku.

Id-deċiżjoni dwar l-għażla tal-miżuri speċifiċi għandha tibqa’ f’idejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Tali miżuri jistgħu jinkludu waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

miżuri jew kapaċitajiet tekniċi u operazzjonali adatti, bħar-reklutaġġ ta’ persunal idoneu jew mezzi tekniċi adatti biex jidentifikaw u mingħajr dewmien ineħħu, jew jiddiżattivaw l-aċċess għal, kontenut terroristiku;

(b)

mekkaniżmi li l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw faċilment biex jirrappurtaw jew jindikaw kontenut terroristiku allegat lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting;

(c)

kwalunkwe mekkaniżmu ieħor biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar kontenut terroristiku fuq is-servizzi tiegħu, bħal mekkaniżmi għall-moderazzjoni tal-utenti;

(d)

kwalunkwe miżura oħra li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting iqis adatta biex tindirizza d-disponibbiltà ta’ kontenut terroristiku fuq is-servizzi tiegħu.

3.   Il-miżuri speċifiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

għandhom ikunu effettivi fil-mitigazzjoni tal-livell ta’ esponiment tas-servizzi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għal kontenut terroristiku;

(b)

għandhom ikunu mmirati u proporzjonati, b’kont meħud, b’mod partikolari, tas-serjetà tal-livell ta’ esponiment tas-servizzi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għal kontenut terroristiku kif ukoll tal-kapaċitajiet tekniċi u operazzjonali, tas-saħħa finanzjarja, tal-għadd ta’ utenti tas-servizzi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u tal-ammont ta’ kontenut li jipprovdu;

(c)

għandhom jiġu applikati b’mod li jieħu kont sħiħ tad-drittijiet u l-interess leġittimu tal-utenti, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali tal-utenti li jikkonċernaw il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, ir-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali;

(d)

għandhom jiġu applikati b’mod diliġenti u nondiskriminatorju.

Fejn il-miżuri speċifiċi jinvolvu l-użu ta’ miżuri tekniċi, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji adatti u effettivi, b’mod partikolari permezz ta’ sorveljanza u verifika mill-bniedem, biex tiġi żgurata l-akkuratezza u tiġi evitata t-tneħħija ta’ materjal li ma jkunx kontenut terroristiku.

4.   Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun espost għal kontenut terroristiku fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit tkun:

(a)

ħadet deċiżjoni, ibbażata fuq fatturi oġġettivi, bħal pereżempju l-fatt li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun irċieva żewġ ordnijiet ta’ tneħħija finali jew aktar fit-12-il xahar ta’ qabel, li tiddetermina li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting huwa espost għal kontenut terroristiku; u

(b)

innotifikat id-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

5.   Wara li jkun irċieva deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4 jew, fejn rilevanti, fil-paragrafu 6, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti dwar il-miżuri speċifiċi li huwa jkun ħa u li biħsiebu jieħu sabiex jikkonforma mal-paragrafi 2 u 3. Huwa għandu jagħmel dan fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi d-deċiżjoni u fuq bażi annwali minn dakinhar ’il quddiem. Dak l-obbligu jieqaf ladarba l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet, fuq talba skont il-paragrafu 7, li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jkunx għadu espost għal kontenut terroristiku.

6.   Fejn, abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 5 u, fejn rilevanti, abbażi ta’ kwalunkwe fattur oġġettiv ieħor, l-awtorità kompetenti tqis li l-miżuri speċifiċi meħuda ma jikkonformawx mal-paragrafi 2 u 3, dik l-awtorità kompetenti għandha tindirizza deċiżjoni lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fejn tesiġi li huwa jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-konformità mal-paragrafi 2 u 3.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jagħżel it-tip ta’ miżuri speċifiċi li jieħu.

7.   Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’, fi kwalunkwe mument, jitlob lill-awtorità kompetenti biex tirrieżamina u, fejn xieraq, temenda jew tirrevoka deċiżjoni kif imsemmija fil-paragrafu 4 jew 6.

L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi t-talba, tadotta deċiżjoni motivata dwar it-talba abbażi ta’ fatturi oġġettivi u tinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting dwar dik id-deċiżjoni.

8.   Kwalunkwe rekwiżit biex jittieħdu miżuri speċifiċi għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE u ma għandu jinvolvi la obbligu ġenerali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li jimmonitorjaw l-informazzjoni li huma jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas obbligu ġenerali li jfittxu attivament fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

Kwalunkwe rekwiżit biex jittieħdu miżuri speċifiċi ma għandux jinkludi l-obbligu li jintużaw għodod awtomatizzati mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

Artikolu 6

Preservazzjoni tal-kontenut u data relatata

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jippreservaw kontenut terroristiku li jkun tneħħa jew li għalih ġie diżattivat l-aċċess bħala riżultat ta’ ordni ta’ tneħħija, jew ta’ miżuri speċifiċi skont l-Artikolu 3 jew 5, kif ukoll kwalunkwe data relatata mneħħija bħala konsegwenza tat-tneħħija ta’ tali kontenut terroristiku, li jkunu meħtieġa għal:

(a)

proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju, jew it-trattament ta’ ilment taħt l-Artikolu 10 kontra deċiżjoni li jitneħħa, jew jiġi diżattivat l-aċċess għal, kontenut terroristiku u d-data relatata; jew

(b)

il-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.

2.   Il-kontenut terroristiku u d-data relatata, kif imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiġu ppreservati għal sitt xhur mit-tneħħija jew diżattivazzjoni. Il-kontenut terroristiku għandu, fuq talba mill-awtorità kompetenti jew qorti, jiġi ppreservat għal perijodu speċifikat ulterjuri biss jekk, u sakemm, ikun meħtieġ għal proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jkunu għaddejjin, kif imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jiżguraw li l-kontenut terroristiku u d-data relatata ppreservati skont il-paragrafu 1 ikunu soġġetti għal salvagwardji tekniċi u organizzattivi adatti.

Dawk is-salvagwardji tekniċi u organizzattivi għandhom jiżguraw li l-kontenut terroristiku u d-data relatata ppreservati jiġu biss aċċessati u proċessati għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u għandhom jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tad-data personali kkonċernata. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jirrevedu u jaġġornaw dawk is-salvagwardji fejn meħtieġ.

TAQSIMA III

SALVAGWARDJI U RESPONSABBILTÀ

Artikolu 7

Obbligi ta’ trasparenza għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu b’mod ċar, fit-termini u l-kondizzjonijiet tagħhom, il-politika tagħhom biex jindirizzaw id-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku, inkluża, fejn xieraq, spjegazzjoni sinifikanti tal-funzjonament ta’ miżuri speċifiċi, inkluż, fejn applikabbli, l-użu ta’ għodod awtomatizzati.

2.   Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jkun ħa azzjoni biex jindirizza d-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku jew li jkun ġie meħtieġ jieħu azzjoni skont dan ir-Regolament f’sena kalendarja partikolari, għandu jagħmel pubblikament disponibbli rapport ta’ trasparenza dwar dawk l-azzjonijiet għal dik is-sena. Huwa għandu jippubblika dak ir-rapport qabel l-1 ta’ Marzu tas-sena sussegwenti.

3.   Ir-rapporti ta’ trasparenza għandhom jinkludu tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar il-miżuri tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fir-rigward tal-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, kontenut terroristiku;

(b)

informazzjoni dwar il-miżuri tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting biex jindirizza l-apparenza online mill-ġdid ta’ materjal li preċedentement kien tneħħa jew kellu l-aċċess għalih diżattivat minħabba li tqies li huwa kontenut terroristiku, b’mod partikolari fejn ikunu intużaw għodod awtomatizzati;

(c)

l-għadd ta’ elementi ta’ kontenut terroristiku li tneħħew jew li l-aċċess għalihom ikun ġie diżattivat b’segwitu għal ordnijiet ta’ tneħħija jew miżuri speċifiċi, u l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija fejn il-kontenut ma jkunx tneħħa jew fejn l-aċċess għalih ma ġiex diżattivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(7) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(8), flimkien mar-raġunijiet għal dan;

(d)

l-għadd u l-eżitu tal-ilmenti trattati mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting skont l-Artikolu 10;

(e)

l-għadd u l-eżitu ta’ proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju mressqa mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting;

(f)

l-għadd ta’ każijiet li fihom il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting kien meħtieġ jerġa’ jdaħħal kontenut jew jerġa’ jippermetti l-aċċess għalih bħala riżultat ta’ proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju;

(g)

l-għadd ta’ każijiet li fihom il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting reġa’ daħħal kontenut jew reġa’ ppermetta l-aċċess għalih wara lment mill-fornitur ta’ kontenut.

Artikolu 8

Rapporti ta’ trasparenza mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw rapporti annwali ta’ trasparenza dwar l-attivitajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu tal-inqas l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tas-sena kalendarja partikolari:

(a)

l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija maħruġa taħt l-Artikolu 3, fejn jiġu speċifikati l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija soġġetti għall-Artikolu 4(1), l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija skrutinizzati taħt l-Artikolu 4, u tingħata informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-ordnijiet ta’ tneħħija mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernati, inklużi l-għadd ta’ każijiet li fihom il-kontenut terroristiku tneħħa jew l-aċċess għalih ġie diżattivat u l-għadd ta’ każijiet li fihom il-kontenut terroristiku ma tneħħiex jew l-aċċess għalih ma ġiex diżattivat;

(b)

l-għadd ta’ deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-Artikolu 5(4), (6) jew (7), u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, inkluża deskrizzjoni tal-miżuri speċifiċi;

(c)

l-għadd ta’ każijiet li fihom ordnijiet ta’ tneħħija u deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-Artikolu 5(4) u (6) kienu soġġetti għal proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju u informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċedimenti rilevanti;

(d)

l-għadd ta’ deċiżjonijiet li jimponu penali f’konformità mal-Artikolu 18, u deskrizzjoni tat-tip ta’ penali imposta.

2.   Ir-rapporti annwali ta’ trasparenza msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinkludu informazzjoni li tista’ tippreġudika l-attivitajiet li jkunu għaddejjin għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi jew l-interessi tas-sigurtà nazzjonali.

Artikolu 9

Rimedji

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li rċevew ordni ta’ tneħħija maħruġa skont l-Artikolu 3(1) jew deċiżjoni taħt l-Artikolu 4(4) jew taħt l-Artikolu 5(4), (6) jew (7) għandhom dritt għal rimedju effettiv. Dak id-dritt għandu jinkludi d-dritt li jikkontestaw tali ordni ta’ tneħħija quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija u d-dritt li jikkontestaw id-deċiżjoni taħt l-Artikolu 4(4) jew taħt l-Artikolu 5(4), (6) jew (7) quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li ħadet id-deċiżjoni.

2.   Il-fornituri ta’ kontenut li l-kontenut tagħhom ikun tneħħa jew li l-aċċess għalih ikun ġie diżattivat wara ordni ta’ tneħħija għandhom id-dritt għal rimedju effettiv. Dak id-dritt jinkludi d-dritt li jikkontestaw ordni ta’ tneħħija maħruġa taħt l-Artikolu 3(1) quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija u d-dritt li jikkontestaw deċiżjoni taħt l-Artikolu 4(4) quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li ħadet id-deċiżjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri effettivi għall-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Mekkaniżmi tal-ilmenti

1.   Kull fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jistabbilixxi mekkaniżmu effettiv u aċċessibbli li jippermetti lill-fornituri ta’ kontenut, fejn il-kontenut tagħhom ikun tneħħa jew fejn l-aċċess għalih ikun ġie diżattivat bħala riżultat ta’ miżuri speċifiċi taħt l-Artikolu 5, jippreżentaw ilment dwar dik it-tneħħija jew diżattivazzjoni, biex jitolbu r-reintegrazzjoni tal-kontenut jew ir-riattivazzjoni tal-aċċess għalih.

2.   Kull fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu mingħajr dewmien jeżamina l-ilmenti kollha li jirċievi permezz tal-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 1 u jirreintegra l-kontenut jew jirriattiva l-aċċess għalih, mingħajr dewmien żejjed, fejn it-tneħħija tiegħu jew diżattivazzjoni tal-aċċess għalih ma kinitx ġustifikata. Huwa għandu jinforma lill-ilmentatur bl-eżitu tal-ilment fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċevih.

Fejn l-ilment jiġi miċħud, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jipprovdi lill-ilmentatur bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tieghu.

Ir-reintegrazzjoni tal-kontenut jew ir-riattivazzjoni tal-aċċess għalihma għandhomx jipprekludu proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jew tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 11

Informazzjoni għal fornituri ta’ kontenut

1.   Fejn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi, jew jiddiżattiva l-aċċess għal, kontenut terroristiku, huwa għandu jagħmel disponibbli lill-fornitur ta’ kontenut informazzjoni dwar tali tneħħija jew diżattivazzjoni.

2.   Fuq talba tal-fornitur ta’ kontenut, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jew jinforma lill-fornitur ta’ kontenut dwar ir-raġunijiet għat-tneħħija jew għad-diżattivazzjoni u dwar id-drittijiet tiegħu għall-kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija jew jipprovdi lill-fornitur ta’ kontenut kopja tal-ordni ta’ tneħħija.

3.   L-obbligu taħt il-paragrafi 1 u 2 ma għandux japplika fejn l-awtorità kompetenti li toħroġ l-ordni ta’ tneħħija tiddeċiedi li huwa meħtieġ u proporzjonat li ma jkun hemm l-ebda żvelar għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, bħall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, sakemm ikun meħtieġ, iżda mhux aktar minn sitt ġimgħat minn dik id-deċiżjoni. F’tali każ, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma għandu jiżvela l-ebda informazzjoni dwar it-tneħħija ta’, jew id-diżattivazzjoni ta’ aċċess għal, kontenut terroristiku.

Dik l-awtorità kompetenti tista’ testendi dak il-perijodu b’sitt ġimgħat oħra fejn tali nuqqas ta’ żvelar jibqa’ ġustifikat.

TAQSIMA IV

L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-KOOPERAZZJONI

Artikolu 12

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti biex:

(a)

joħorġu ordnijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 3;

(b)

jiskrutinizzaw ordnijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 4;

(c)

jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi skont l-Artikolu 5;

(d)

jimponu penali skont l-Artikolu 18.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li jinħatar jew jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt fi ħdan l-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 biex tittratta talbiet għal kjarifika u feedback relattivament għal ordnijiet ta’ tneħħija maħruġa minn dik l-awtorità kompetenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-punt ta’ kuntatt tkun disponibbli pubblikament.

3.   Sas-7 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u dwar kwalunkwe modifika fir-rigward tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifika u kwalunkwe modifika tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Sas-7 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru online li jelenka l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u l-punt ta’ kuntatt maħtur jew stabbilit skont fil-paragrafu 2 għal kull awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika kwalunkwe modifika fir-rigward tagħhom regolarment.

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom is-setgħat meħtieġa u riżorsi suffiċjenti biex jiksbu l-għanijiet ta’, u jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt, dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament b’mod oġġettiv u nondiskriminatorju, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhom ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp ieħor fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt l-Artikolu 12(1).

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni s-superviżjoni taħt il-liġi kostituzzjonali nazzjonali.

Artikolu 14

Kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, l-awtoritajiet kompetenti u l-Europol

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni, jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn xieraq, mal-Europol, fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ tneħħija, partikularment biex jevitaw id-duplikazzjoni ta’ sforzi, itejbu l-koordinazzjoni u jevitaw l-interferenza f’investigazzjonijiet fi Stati Membri differenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni, jikkoordinaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 12(1) fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi meħuda taħt l-Artikolu 5 u penali imposti taħt l-Artikolu 18. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 12(1) ikollhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni kollha rilevanti.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprevedu mezzi jew mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni adatti u siguri biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tiġi skambjata b’mod f’waqtu.

4.   Għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament kif ukoll biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ sforzi, l-Istati Membri u l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jistgħu jużaw għodod dedikati, inklużi dawk stabbiliti mill-Europol, biex jiffaċilitaw b’mod partikolari:

(a)

l-ipproċessar u l-feedback relatati ma’ ordnijiet ta’ tneħħija taħt l-Artikolu 3; u

(b)

il-kooperazzjoni bil-ħsieb li jiġu identifikati u implimentati miżuri speċifiċi skont l-Artikolu 5.

5.   Fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting isiru jafu b’kontenut terroristiku li jinvolvi theddida imminenti għall-ħajja, huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali fl-Istati Membri kkonċernati. Fejn ma jkunx possibbli li jiġu identifikati l-Istati Membri kkonċernati, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jinnotifikaw lill-punt ta’ kuntatt skont l-Artikolu 12(2) fl-Istat Membru fejn ikollhom l-istabbiliment prinċipali tagħhom jew fejn ir-rappreżentant legali tagħhom jirrisjedi jew ikun stabbilit, u jibagħtu informazzjoni dwar dak il-kontenut terroristiku lill-Europol għal segwitu xieraq.

6.   L-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa jibagħtu kopji tal-ordnijiet ta’ tneħħija lill-Europol biex b’hekk din tkun tista’ tipprovdi rapport annwali li jinkludi analiżi tat-tipi ta’ kontenut terroristiku soġġett għal ordni biex jitneħħa jew biex l-aċċess għalih jiġi diżattivat skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Il-punti ta’ kuntatt ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting

1.   Kull fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jaħtar jew jistabbilixxi punt ta’ kuntatt għar-riċezzjoni ta’ ordnijiet ta’ tneħħija b’mezzi elettroniċi u l-ipproċessar mingħajr dewmien tagħhom skont l-Artikoli 3 u 4. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jiżgura li l-informazzjoni dwar il-punt ta’ kuntatt issir disponibbli pubblikament.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tispeċifika l-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imsemmija fir-Regolament 1/58 (15) li bihom jista’ jiġi indirizzat il-punt ta’ kuntatt u li bihom għandhom isiru skambji ulterjuri rigward ordnijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 3. Fost dawk il-lingwi għandu jkun hemm tal-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit.

TAQSIMA V

IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR

Artikolu 16

Ġuriżdizzjoni

1.   L-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jkollu l-ġuriżdizzjoni għall-finijiet tal-Artikoli 5, 18 u 21. Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu fl-Unjoni għandu jitqies li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit.

2.   Fejn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu fl-Unjoni jonqos milli jaħtar rappreżentant legali, l-Istati Membri kollha għandu jkollhom ġuriżdizzjoni.

3.   Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru teżerċita l-ġuriżdizzjoni taħt il-paragrafu 2, hija għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 17

Rappreżentant legali

1.   Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu fl-Unjoni għandu jaħtar, bil-miktub, persuna fiżika jew ġuridika bħala r-rappreżentant legali tiegħu fl-Unjoni għall-finijiet tar-riċezzjoni ta’, il-konformità ma’, u l-infurzar ta’, ordnijiet ta’ tneħħija, u deċiżjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jipprovdu lir-rappreżentant legali tagħhom is-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex jikkonforma ma’ dawk l-ordnijiet ta’ tneħħija u deċiżjonijiet u biex jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti.

Ir-rappreżentant legali għandu jkun jirrisjedi jew ikun stabbilit f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jipprovdi s-servizzi tiegħu.

3.   Ir-rappreżentant legali jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe responsabbiltà ta’, jew għal azzjonijiet legali kontra, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

4.   Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jinforma lill-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 12(1) tal-Istat Membru fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit dwar il-ħatra.

Il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jagħmel disponibbli pubblikament l-informazzjoni dwar ir-rappreżentant legali.

TAQSIMA VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Tali penali għandhom ikunu limitati għall-fini li jiġi indirizzat il-ksur tal-Artikolu 3(3) u (6), l-Artikolu 4(2) u (7), l-Artikolu 5(1), (2), (3), (5) u (6), l-Artikoli 6, 7, 10 u 11, l-Artikolu 14(5), l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 17.

Il-penali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2022, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jiddeċiedu jekk għandhomx jimponu penali u meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali, iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi:

(a)

in-natura, is-serjetà u d-dewmien tal-ksur;

(b)

jekk il-ksur kienx intenzjonali jew negliġenti;

(c)

ksur preċedenti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting;

(d)

is-saħħa finanzjarja tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting;

(e)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting mal-awtoritajiet kompetenti;

(f)

in-natura u d-daqs tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, b’mod partikolari jekk huwiex impriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju;

(g)

il-grad ta’ tort tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, b’kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda minnu biex jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li nuqqas sistematiku jew persistenti ta’ konformità mal-obbligi taħt l-Artikolu 3(3) ikun soġġett għal penali finanzjarji sa 4 % tal-fatturat globali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting tas-sena preċedenti tan-negozju.

Artikolu 19

Rekwiżiti tekniċi u emendi għall-annessi

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament bir-rekwiżiti tekniċi neċessarji għall-mezzi elettroniċi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ tneħħija.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 sabiex temenda l-annessi sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv il-ħtieġa possibbli għal titjib fir-rigward tal-kontenut tal-mudelli għall-ordnijiet ta’ tneħħija u biex tipprovdi informazzjoni dwar l-impossibbiltà li jiġu eżegwiti ordnijiet ta’ tneħħija.

Artikolu 20

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 19 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mis-7 ta’ Ġunju 2022.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 19 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’ xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 21

Monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiġbru mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u jibagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu taħt dan ir-Regolament fis-sena kalendarja preċedenti. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-għadd ta’ ordnijiet ta’ tneħħija maħruġa u l-għadd ta’ elementi ta’ kontenut terroristiku li jkunu tneħħew jew li l-aċċess għalihom ikun ġie diżattivat, u r-rapidità tat-tneħħija jew tad-diżattivazzjoni;

(b)

il-miżuri speċifiċi meħuda skont l-Artikolu 5, inkluż l-ammont ta’ elementi ta’ kontenut terroristiku li jkunu tneħħew jew li l-aċċess għalihom ikun ġie diżattivat u r-rapidità tat-tneħħija jew tad-diżattivazzjoni;

(c)

l-għadd ta’ talbiet għal aċċess maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ kontenut ippreżervat mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting taħt l-Artikolu 6;

(d)

l-għadd ta’ proċeduri ta’ lmenti mibdija u l-azzjonijiet meħuda mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting taħt l-Artikolu 10;

(e)

l-għadd ta’ proċedimenti ta’ rieżami amministrattiv jew ta’ stħarriġ ġudizzjarju mibdija u d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   Sas-7 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistipula l-indikaturi u l-mezzi li għandhom jintużaw għall-ġbir tad-data u evidenza oħra neċessarja, u l-intervalli li fihom għandu jsir dan il-ġbir. Għandu jispeċifika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u l-analiżi tad-data u evidenza oħra biex jimmonitorjaw il-progress u jevalwaw dan ir-Regolament skont l-Artikolu 23.

Artikolu 22

Rapport ta’ implimentazzjoni

Sas-7 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-monitoraġġ taħt l-Artikolu 21 u l-informazzjoni li tirriżulta mill-obbligi ta’ trasparenza taħt l-Artikolu 8. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil tar-rapport.

Artikolu 23

Evalwazzjoni

Sas-7 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tiegħu inklużi:

(a)

il-funzjonament u l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 6(3) u fl-Artikoli 7 sa 11;

(b)

l-impatt tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fuq il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali; u

(c)

il-kontribut ta’ dan ir-Regolament għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika.

Fejn xieraq, ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil tar-rapport.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-ħtieġa u l-fattibbiltà li tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea dwar il-kontenut terroristiku online biex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-7 ta’ Ġunju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D.M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A.P. ZACARIAS


(1)   ĠU C 110, 22.3.2019, p. 67.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta’ Marzu 2021 (ĠU C 135, 16.4.2021, p. 1). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta’ Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 50).

(4)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(13)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(15)  Ir-Regolament Nr 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).


ANNESS I

ORDNI TA’ TNEĦĦIJA

(Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

F’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/784 (ir-“Regolament”) id-destinatarju ta’ din l-ordni ta’ tneħħija għandu jneħħi kontenut terroristiku jew jiddiżattiva l-aċċess għall-kontenut terroristiku, fl-Istati Membri kollha mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien siegħa minn meta jirċievi l-ordni ta’ tneħħija.

F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament, id-destinatarju għandu jippreserva l-kontenut u d-data relatata, li jkunu tneħħew jew li l-aċċess għalihom ikun ġie diżattivat, għal sitt xhur jew aktar fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-qrati.

F’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament, din l-ordni ta’ tneħħija għandha tintbagħat b’waħda mill-lingwi magħżula mid-destinatarju.

TAQSIMA A:

L-Istat Membru tal-awtorità kompetenti emittenti:

……

NB: id-dettalji tal-awtorità kompetenti emittenti għandhom jiġu pprovduti fit-Taqsimiet E u F

Id-destinatarju u, fejn rilevanti, ir-rappreżentant legali:

……

Punt ta’ kuntatt:

……

L-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit:

……

Ħin u data tal-ħruġ tal-ordni ta’ tneħħija:

……

Numru ta’ referenza tal-ordni ta’ tneħħija:

……

TAQSIMA B: Kontenut terroristiku li għandu jitneħħa jew li l-aċċess għalih għandu jiġi diżattivat fl-Istati Membri kollha mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien siegħa minn meta jirċievi l-ordni ta’ tneħħija:

URL u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni u l-lok eżatt tal-kontenut terroristiku:

……

Ir-raġunijiet għaliex il-materjal jitqies li huwa kontenut terroristiku, taħt il-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament.

Il-materjal (jekk jogħġbok immarka l-kaxxa/kaxex rilevanti):

Image 1

jinstiga persuni oħrajn biex iwettqu atti terroristiċi, billi pereżempju jigglorifika atti terroristiċi, billi jiddifendi t-twettiq ta’ tali reati (il-punt (7)(a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament)

Image 2

jissolleċita persuni oħrajn biex iwettqu jew biex jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ reati terroristiċi (il-punt (7)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament)

Image 3

jissolleċita persuni oħrajn biex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku (il-punt (7)(c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament)

Image 4

jagħti istruzzjoni dwar il-produzzjoni jew l-użu ta’ splussivi, armi tan-nar jew armi oħra jew ta’ sustanzi noċivi jew perikolużi, jew dwar metodi jew tekniki speċifiċi oħra, għall-fini li jitwettaq, jew li jingħata kontribut għat-twettiq ta’ reati terroristiċi (il-punt (7)(d) tal-Artikolu 2 tar-Regolament)

Image 5

jikkostitwixxi theddida ta’ twettiq ta’ xi wieħed mir-reati terroristiċi (il-punt (7)(e) tal-Artikolu 2 tar-Regolament)

Informazzjoni addizzjonali dwar għaliex il-materjal jitqies li huwa kontenut terroristiku:

……

……

……

TAQSIMA C: Informazzjoni lill-fornitur ta’ kontenut

Għandu jiġi nnotat li (jekk jogħġbok immarka l-kaxxa jekk applikabbli):

Image 6
għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, id-destinatarju ma għandux jinforma lill-fornitur tal-kontenut dwar it-tneħħija ta’, jew dwar diżattivazzjoni tal-aċċess għal, il-kontenut terroristiku

Jekk il-kaxxa ma tapplikax, ara t-Taqsima G għad-dettalji tal-possibbiltajiet għall-kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti emittenti taħt il-liġi nazzjonali (għandha tintbagħat kopja tal-ordni ta’ tneħħija lill-fornitur tal-kontenut, jekk mitluba)

TAQSIMA D: Informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit

Jekk jogħġbok, immarka l-kaxxa jew kaxex rilevanti

Image 7

L-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit huwa differenti mill-Istat Membru tal-awtorità kompetenti emittenti

Image 8

Kopja tal-ordni ta’ tneħħija tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit

TAQSIMA E: Dettalji tal-awtorità kompetenti emittenti

Tip (jekk jogħġbok, immarka l-kaxxa rilevanti):

Image 9

imħallef, qorti jew imħallef investigattiv

Image 10

awtorità tal-infurzar tal-liġi

Image 11

awtorità kompetenti oħra

Image 12
jekk jogħġbok, imla wkoll it-Taqsima F

Dettalji tal-awtorità kompetenti emittenti jew tar-rappreżentant tagħha li jiċċertifikaw li l-ordni ta’ tneħħija hija akkurata u korretta:

Isem l-awtorità kompetenti emittenti:

……

Isem ir-rappreżentant tagħha u l-pożizzjoni li għandu (titolu u grad):

……

Nru tal-fajl:

……

Indirizz:

……

Nru tat-telefon (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt):

……

Nru tal-fax (kodiċi tal-pajjiż) (kodiċi taż-żona/tal-belt):

……

Indirizz tal-email…

Data…

Timbru uffiċjali (jekk disponibbli) u firma (1):

……

TAQSIMA F: Dettalji ta’ kuntatt għal segwitu

Dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti emittenti għal feedback dwar il-ħin tat-tneħħija jew tad-diżattivazzjoni tal-aċċess, jew biex tingħata xi kjarifika ulterjuri:

……

Dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu jew fejn ir-rappreżentant legali tiegħu jirrisjedi jew ikun stabbilit:

……

TAQSIMA G: Informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ rimedju

Informazzjoni dwar il-korp jew qorti kompetenti, l-iskadenzi u l-proċeduri għall-kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija:

Il-korp jew qorti kompetenti li quddiemhom tista’ tiġi kkontestata l-ordni ta’ tneħħija:

……

Skadenza għall-kontestazzjoni tal-ordni ta’ tneħħija (jiem/xhur li jibdew minn)

……

Link għad-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali:

……


(1)  Mhijiex meħtieġa firma jekk l-ordni ta’ tneħħija tintbagħat permezz ta’ kanali ta’ preżentazzjoni awtentikata li jistgħu jiggarantixxu l-awtentiċità tal-ordni ta’ tneħħija.


ANNESS II

FEEDBACK WARA T-TNEĦĦIJA TA’, JEW WARA D-DIŻATTIVAZZJONI TAL-AĊĊESS GĦAL, KONTENUT TERRORISTIKU

(Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

TAQSIMA A:

Id-destinatarju tal-ordni ta’ tneħħija:

……

L-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija:

……

Ir-referenza tal-fajl tal-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija:

……

Ir-referenza tal-fajl tad-destinatarju:

……

Ħin u data meta waslet l-ordni ta’ tneħħija:

……

TAQSIMA B: Miżuri meħuda f’konformità mal-ordni ta’ tneħħija

(Jekk jogħġbok, immarka l-kaxxa rilevanti):

Image 13

il-kontenut terroristiku tneħħa

Image 14

l-aċċess għall-kontenut terroristiku ġie diżattivat fl-Istati Membri kollha

Ħin u data tal-miżura meħuda:

……

TAQSIMA C: Dettalji tad-destinatarju

Isem il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting:

……

JEW

Isem ir-rappreżentant legali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting:

……

L-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting:

……

JEW

L-Istat Membru tar-residenza jew tal-istabbiliment tar-rappreżentant legali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting:

……

Isem il-persuna awtorizzata:

……

L-indirizz tal-email tal-punt ta’ kuntatt:

……

Data:

……


ANNESS III

INFORMAZZJONI DWAR L-IMPOSSIBBILTÀ LI TIĠI EŻEGWITA ORDNI TA’ TNEĦĦIJA

(Artikolu 3(7) u (8) tar-Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

TAQSIMA A:

Id-destinatarju tal-ordni ta’ tneħħija:

……

L-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija:

……

Ir-referenza tal-fajl tal-awtorità kompetenti li ħarġet l-ordni ta’ tneħħija:

……

Ir-referenza tal-fajl tad-destinatarju:

……

Ħin u data meta waslet l-ordni ta’ tneħħija:

……

TAQSIMA B: Noneżekuzzjoni

(1)

L-ordni ta’ tneħħija ma tistax tiġi eżegwita fi żmien l-iskadenza għar-raġunijiet li ġejjin (jekk jogħġbok, immarka l-kaxxa jew kaxex rilevanti):

Image 15

force majeure jew impossibbiltà de facto mhux attribwibbli għall-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, inkluż għal raġunijiet tekniċi jew operazzjonali oġġettivament ġustifikabbli

Image 16

l-ordni ta’ tneħħija fiha żbalji ċari

Image 17

l-ordni ta’ tneħħija ma fihiex biżżejjed informazzjoni

(2)

Jekk jogħġbok agħti aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għan-noneżekuzzjoni:

……

(3)

Jekk fl-ordni ta’ tneħħija jkun hemm żbalji ċari u/jew ma jkunx hemm biżżejjed informazzjoni, jekk jogħġbok speċifika x’inhuma l-iżbalji u x’inhi l-informazzjoni jew kjarifika ulterjuri meħtieġa:

……

TAQSIMA C: Dettalji tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jew ir-rappreżentant legali tiegħu

Isem il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting:

……

JEW

Isem ir-rappreżentant legali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting:

……

Isem il-persuna awtorizzata:

……

Dettalji ta’ kuntatt (indirizz tal-email):

……

Firma:

……

Ħin u data:

……