12.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/775

tal-11 ta’ Mejju 2021

li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ derogi mir-regoli dwar “prodotti oriġinarji” stipulati fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fuq naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, fuq in-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fid-29 ta’ Diċembru 2020.

(2)

It-Tieni Parti tat-Titolu I tal-Kapitolu 2 tal-Ftehim tikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. L-Anness ORIG-2 (Regoli ta’ oriġini speċifiċi għall-prodott) tal-Ftehim jistabbilixxi lista ta’ xogħol jew proċessar li jrid isir fir-rigward ta’ materjali mhux oriġinarji biex il-prodott manifatturat ikun jista’ jikseb status oriġinarju. L-Anness ORIG-2 A jistabbilixxi regoli alternattivi li jistgħu japplikaw minflok ir-regoli stipulati fl-Anness ORIG-2 (Regoli ta’ oriġini speċifiċi għall-prodott) għal ċerti prodotti li jridu jitqiesu bħala oriġinarji fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jew fl-Unjoni fil-limiti tal-kwota annwali applikabbli.

(3)

Il-prodotti li għalihom japplikaw ir-regoli alternattivi stabbiliti fl-Anness ORIG-2 A jistgħu jiġu importati fl-Unjoni sakemm ikunu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

(4)

Biex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, il-kwoti annwali stipulati fl-Anness ORIG-2 A jenħtieġ li jiġu ġestiti abbażi tal-ordni kronoloġiku tad-dati tal-aċċettazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet tad-dwana għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera b’konformità mar-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3).

(5)

Skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 (4), “il-Ftehim għandu jiġu applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2021. Biex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva u l-applikazzjoni f’waqtha tal-kwoti ta’ oriġini stipulati fl-Anness ORIG-2 A tal-Ftehim, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik id-data.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-derogi stipulati fl-Anness ORIG-2 A tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, fuq naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, fuq in-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) għandhom japplikaw fil-każ tal-prodotti elenkati fl-Anness u importati fl-Unjoni, fil-limiti tal-kwoti stabbiliti fih.

Artikolu 2

Il-kwoti stipulati fl-Anness għandhom jiġu ġestiti b’konformità mal-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 3

Biex jitgawdew il-kwoti stipulati fl-Anness, fejn it-trattament [tariffarju] preferenzjali jintalab abbażi ta’ dikjarazzjoni dwar l-oriġini, id-dikjarazzjoni tal-oriġini għandha titfassal skont l-Artikolu ORIG.19 tal-Ftehim u jkun fiha d-dikjarazzjoni addizzjonali li ġejja bl-Ingliż: “Kwoti ta’ oriġini — Prodott li joriġina skont l-Anness ORIG-2 A”.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).


ANNESS

Minkejja r-regoli tal-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema preferenzjali għandu jkun determinat, fil-kuntest ta’ dan l-Anness, mill-kodiċijiet tan-NM kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 (2), u mid-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija fit-tielet kolonna tat-tabella ta’ dan l-Anness, meħudin flimkien.

Nru tal-Ordni

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu tal-kwota

Volum (piż nett)

09.6002

1604 14

Tonn ipproċessat jew ippreservat, palamit u plamtu (Sarda spp.), sħiħ jew f’biċċiet (iżda mhux ikkapuljati)

Mill-1.1 sal-31.12 (Mis-sena 2021 ’il quddiem)

3 000 tunnellata

09.6004

1604 20 70

Tonn ippreparat jew ippreservat ieħor, palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus (minbarra sħiħ jew f’biċċiet)

Mill-1.1 sal-31.12 (mis-sena 2021 ’il quddiem)

4 000 tunnellata

09.6006

7603

Prodotti tal-aluminju u oġġetti tal-aluminju (minbarra wajer u fojl tal-aluminju)

Mill-1.1 sal-31.12 (għas-snin 2021, 2022 u 2023)

95 000 tunnellata

7604

7606

7608 sa 7616

7605

Wajer tal-aluminju

7607

Fojl tal-aluminju

09.6006

7603

Prodotti tal-aluminju u oġġetti tal-aluminju (minbarra wajer u fojl tal-aluminju)

Mill-1.1 sal-31.12 (għas-snin 2024, 2025 u 2026)

72 000 tunnellata

7604

7606

7608 sa 7616

7605

Wajer tal-aluminju

7607

Fojl tal-aluminju

09.6006

7604

Biċċiet sħaħ tal-aluminju, vireg u profili; Pjanċi, folji u strixxa ta’ aluminju, eħxen minn 0,2 mm; Fojl tal-aluminju

Mill-1.1 sal-31.12 (mis-sena 2027 ’il quddiem)

57 500 tunnellata

7606

7607


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal-21 ta’ Settembru 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 361, 30.10.2020, p. 1).