|
11.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/25 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/771
tal-21 ta’ Jannar 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(8)(a)(i) u (ii) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-produzzjoni organika, jeħtieġ jiġu stabbiliti kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali magħmula biex tiġi żgurata t-traċċabilità fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni, u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispezzjoni fiżika fuq il-post tal-operaturi jew tal-gruppi ta’ operaturi organiċi kif imsemmi fl-Artikolu 38(3) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tkun effettiva, dik l-ispezzjoni fiżika fuq il-post jenħtieġ li minn tal-inqas tinkludi verifika tat-traċċabilità u verifika tal-bilanċ tal-massa permezz ta’ verifiki tal-kontijiet dokumentarji. Il-verifika tat-traċċabilità hija maħsuba biex tikkonferma jekk il-prodotti riċevuti jew mibgħuta mill-operatur jew mill-grupp ta’ operaturi humiex organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. L-għan tal-verifika tal-bilanċ tal-massa hu li jiġi ddeterminat il-bilanċ bejn l-input u l-produzzjoni tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi u b’mod partikolari, il-plawżibilità tal-volumi nnegozjati ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni. L-elementi li jeħtieġ jiġu koperti mill-verifika tat-traċċabilità u mill-verifika tal-bilanċ tal-massa jenħtieġ li jiġu stabbiliti. |
|
(2) |
Għall-fini tal-kontrolli uffiċjali, il-kunċett tal-grupp ta’ operaturi kif stabbilit fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 jikkonsisti minn kategorija speċifika ta’ operaturi li huma bdiewa jew operaturi li jipproduċu l-algi jew l-annimali tal-akkwakultura u li barra minn hekk jistgħu jkunu involuti fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni u fit-tqegħid fis-suq tal-ikel jew tal-għalf. Kull grupp ta’ operaturi jeħtieġ jistabbilixxi sistema għall-kontrolli interni (ICS) li tinkludi sett dokumentat ta’ attivitajiet ta’ kontroll. L-awtorità kompetenti, jew meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, jenħtieġ li jkunu kwalifikati kif xieraq biex jivvalutaw l-ICS u jwettqu l-ispezzjonijiet mill-ġdid fuq kampjun ibbażat fuq ir-riskju tal-membri tal-grupp ta’ operaturi sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar il-konformità ġenerali tal-grupp. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għall-kompetenza tal-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, biex tiġi vvalutata dik il-kompożizzjoni speċifika tal-operaturi fi grupp kif ukoll l-ICS, għal qafas armonizzat għall-valutazzjoni tal-ICS u għall-għażla tal-kampjun tal-membri għall-ispezzjonijiet mill-ġdid. |
|
(3) |
Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Verifiki ta’ kontijiet dokumentarji
1. L-ispezzjoni fiżika fuq il-post skont l-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tinkludi verifika tat-traċċabilità u verifika tal-bilanċ tal-massa tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi mwettqa permezz ta’ verifiki tal-kontijiet dokumentarji.
2. L-awtorità kompetenti, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll għandhom iwettqu l-verifika tat-traċċabilità u l-verifika tal-bilanċ tal-massa skont il-mudell standard dokumentat fir-rekord miktub imsemmi fl-Artikolu 38(6) tar-Regolament (UE) 2018/848.
3. Għall-fini tal-verifika tat-traċċabilità u l-verifika tal-bilanċ tal-massa, l-għażla tal-prodotti, tal-gruppi ta’ prodotti u tal-perjodu taħt verifika għandha ssir abbażi tar-riskju.
4. Il-verifika tat-traċċabilità għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin, iġġustifikati minn dokumenti xierqa inkluż ir-rekords tal-istokk u dawk finanzjarji:
|
(a) |
l-isem u l-indirizz tal-fornitur u, meta dawn ikunu differenti, tas-sid jew tal-bejjiegħ, jew l-esportatur tal-prodotti; |
|
(b) |
l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u, meta dawn ikunu differenti, tal-bejjiegħ jew tal-importatur tal-prodotti; |
|
(c) |
iċ-ċertifikat tal-fornitur f’konformità mal-Artikolu 35(6) tar-Regolament (UE) 2018/848; |
|
(d) |
l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 2.1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848; |
|
(e) |
l-identifikazzjoni xierqa tal-lott. |
5. Meta rilevanti, il-verifika tal-bilanċ tal-massa għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin, iġġustifikati minn dokumenti xierqa inkluż ir-rekords tal-istokk u dawk finanzjarji:
|
(a) |
in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti kkonsenjati lill-unità u, meta rilevanti, tal-materjali mixtrija u l-użu tat-tali materjali u, meta rilevanti, il-kompożizzjoni tal-prodotti; |
|
(b) |
in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti maħżuna fil-postijiet; |
|
(c) |
in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu ħallew l-unità tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi lejn il-postijiet jew il-faċilitajiet tal-ħżin tad-destinatarju; |
|
(d) |
f’każ li l-operaturi li jixtru u jbigħu l-prodott(i) mingħajr ma jimmanipulaw il-prodott(i), in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li nxtraw jew nbiegħu, u l-fornituri, u meta dawn ikunu differenti, il-bejjiegħa jew l-esportaturi u x-xerrejja, u meta dawn ikunu differenti, id-destinatarji; |
|
(e) |
ir-rendiment tal-prodotti miksuba, miġbura jew maħsuda tul is-sena preċedenti; |
|
(f) |
ir-rendiment reali tal-prodotti miksuba, miġbura jew maħsuda tul is-sena kurrenti; |
|
(g) |
in-numru u/jew il-piż fil-każ ta’ bhejjem ġestiti tul is-sena kurrenti u dik preċedenti; |
|
(h) |
kull telf, żieda jew tnaqqis fil-kwantità tal-prodotti fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni; |
|
(i) |
il-prodotti organiċi jew fil-każi ta’ konverżjoni li jinbiegħu fis-suq bħala mhux organiċi. |
Artikolu 2
Kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi
1. Sabiex jiċċertifikaw u jivverifikaw il-konformità ta’ grupp ta’ operaturi, l-awtorità kompetenti u, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jassenjaw spetturi kompetenti biex jivvalutaw is-sistemi għall-kontrolli interni (ICS).
2. Għall-fini tal-evalwazzjoni tal-istabbiliment, tal-funzjonament u taż-żamma tal-ICS ta’ grupp ta’ operaturi, l-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom mill-inqas jiddeterminaw li:
|
(a) |
il-proċeduri dokumentati tal-ICS li ddaħħlu fis-seħħ jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848; |
|
(b) |
il-lista tal-membri tal-grupp ta’ operaturi bl-informazzjoni meħtieġa għal kull membru hija aġġornata kontinwament u allinjata mal-ambitu taċ-ċertifikat; |
|
(c) |
il-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 36(1)(a), (b) u (e) tar-Regolament (UE) 2018/848 matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-grupp ta’ operaturi; |
|
(d) |
in-numru, it-taħriġ u l-kompetenzi tal-ispetturi tal-ICS huma proporzjonati u adegwati u l-ispetturi tal-ICS ma għandhomx kunflitti ta’ interess; |
|
(e) |
l-ispezzjonijiet interni tal-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi u l-attivitajiet u l-unitajiet jew il-postijiet tal-produzzjoni tagħhom, inkluż iċ-ċentri tax-xiri u tal-ġbir, twettqu mill-inqas darba fis-sena u huma ddokumentati; |
|
(f) |
membri ġodda jew unitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew attivitajiet ġodda ta’ membri eżistenti, inkluż iċ-ċentri tax-xiri u tal-ġbir ġodda, ġew aċċettati biss wara li ġew approvati mill-maniġer tal-ICS abbażi tar-rapport ta’ spezzjoni interna skont il-proċeduri dokumentati tal-ICS li ddaħħlu fis-seħħ; |
|
(g) |
il-maniġer tal-ICS jieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ nonkonformità, inkluż is-segwitu tagħhom, skont il-proċeduri ddokumentati tal-ICS li tqiegħdu fis-seħħ; |
|
(h) |
in-notifiki tal-maniġer tal-ICS lill-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll, huma xierqa u biżżejjed; |
|
(i) |
it-traċċabilità interna għall-prodotti u l-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi hija żgurata billi jiġu stmati l-kwantitajiet u billi ssir kontroverifika tar-rendimenti ta’ kull membru tal-grupp ta’ operaturi; |
|
(j) |
il-membri tal-grupp ta’ operaturi jirċievu taħriġ adegwat dwar il-proċeduri tal-ICS u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/848. |
3. L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom japplikaw valutazzjoni tar-riskju biex jagħżlu kampjun tal-membri tal-grupp ta’ operaturi għall-ispezzjonijiet mill-ġdid f’konformità mal-Artikolu 38(4)(d) tar-Regolament (UE) 2018/848. Meta jsir dan, għandhom iqisu mill-inqas il-volum u l-valur tal-produzzjoni u l-valutazzjoni tal-probabbiltà tan-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848. L-ispezzjonijiet mill-ġdid għandhom jitwettqu fiżikament fuq il-post fil-preżenza tal-membri magħżula.
4. L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jallokaw żmien raġonevoli għall-kontroll ta’ grupp ta’ operaturi, proporzjonat mat-tip, mal-istruttura, mad-daqs, mal-prodotti, mal-attivitajiet u mal-produzzjoni tal-produzzjoni organika tal-grupp ta’ operaturi.
5. L-awtorità kompetenti, jew meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom iwettqu awditi ta’ osservazzjoni sabiex jiġu verifikati l-kompetenza u l-għarfien tal-ispetturi tal-ICS.
6. L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jivvalutaw jekk hemmx nuqqas tal-ICS abbażi tan-numru ta’ nonkonformitajiet mhux individwati mill-ispetturi tal-ICS u r-riżultat tal-investigazzjoni tal-kawża u tan-natura tan-nonkonformitajiet.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN