|
11.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/15 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2021/770
tat-30 ta’ April 2021
dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex titqiegħed għad-dispożizzjoni dik ir-riżorsa proprja, fuq il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u fuq ċerti aspetti tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2),
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni jrid ikollha disponibbli r-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (3) (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat”) fl-aħjar kondizzjonijiet possibbli u, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex l-Istati Membri jipprovdu dik ir-riżorsa proprja lill-Kummissjoni. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (4) jistabbilixxi regoli dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053, u dwar l-arranġamenti amministrattivi li huma komuni għal riżorsi proprji oħra u li jistgħu jiġu applikati, fejn xieraq, mutatis mutandis fin-nuqqas ta’ regolament uniku wieħed li jirregola t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji kollha tal-Unjoni. |
|
(3) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita s-setgħa mogħtija lilha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jibgħatu lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet perjodiċi relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jipprovdu lill-Kummissjoni d-dokumenti li jissostanzjaw l-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat li jkun ġie kkalkulat. |
|
(5) |
Id-determinazzjoni tar-rata uniformi ta’ ġbir applikabbli tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 (“ir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG”) jenħtieġ li titwettaq wara li jkunu ġew miżjuda d-dħul mir-riżorsi proprji l-oħra kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni, u d-dħul mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-programmi ta’ riċerka supplementari u ta’ żvilupp teknoloġiku u dħul ieħor. |
|
(6) |
It-tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet annwali bbażati fuq id-DNG mogħti lid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija, in-Netherlands u l-Iżvezja skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 jenħtieġ li jittieħed kont tiegħu għall-entrata fil-kontijiet tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dik ir-riżorsa proprja skont l-Artikolu 10a ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Sabiex jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jiġi ffinanzjat fiċ-ċirkostanzi kollha, jenħtieġ li tiġi stipulata proċedura biex l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, fil-forma ta’ porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax ta’ kull xahar, ir-riżorsa proprja fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat mdaħħla fil-baġit u sussegwentement biex jaġġustaw l-ammonti li jkunu tqegħdu għad-dispożizzjoni. |
|
(8) |
Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod ċar, filwaqt li titqies ir-rata uniformi ta’ ġbir applikabbli skont il-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053. |
|
(9) |
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jenħtieġ li titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-forma ta’ entrata tal-ammonti dovuti fil-kont li jkun infetaħ skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għal dak il-għan f’isem il-Kummissjoni mat-teżor jew mal-korp maħtur minn kull Stat Membru. |
|
(10) |
Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, il-proċedura għall-aġġustament tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jenħtieġ li tiġi allinjata mad-dispożizzjonijiet ta’ aġġustament għar-riżorsi proprji eżistenti. Jenħtieġ li l-ammont globali ta’ kwalunkwe aġġustament jiġi immedjatament imqassam mill-ġdid fost l-Istati Membri. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha riżorsi ta’ flus kontanti suffiċjenti biex tkun f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji għal ħlasijiet ikkonċentrati fl-ewwel xhur tas-sena, sa fejn ikun iġġustifikat mir-rekwiżiti ta’ flus kontanti. |
|
(12) |
Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni, il-proċedura għall-kalkolu tal-interessi jenħtieġ li tiżgura b’mod partikolari li r-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod sħiħ u f’waqtha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħallsu l-interessi f’każ ta’ dewmien fl-entrata ta’ dik ir-riżorsa proprja fil-kontijiet. F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ispiża tal-irkupru tal-interessi dovuti fuq ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tard ma taqbiżx l-ammont tal-interessi pagabbli. |
|
(13) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ rieżami affidabbli u rapida sabiex jiġi solvut it-tilwim possibbli li jista’ jirriżulta bejn Stat Membru u l-Kummissjoni li jikkonċerna l-ammont ta’ kwalunkwe aġġustament tad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jew li jikkonċerna jekk l-allegat nuqqas ta’ provvediment ta’ data jistax jiġi attribwit lil Stat Membru, sabiex b’hekk jiġu evitati proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jieħdu l-ħin u bi spiża għolja. |
|
(14) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tajba tar-regoli finanzjarji relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, huwa meħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. |
|
(15) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ formoli għad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat u fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-proċedura għar-rieżami biex jiġi solvut it-tilwim possibbli bejn Stat Membru u l-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu stabbiliti formoli għad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat minħabba n-natura teknika ta’ dawk l-atti. |
|
(17) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdi previżjonijiet sal-aħħar jum tat-tieni xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk il-previżjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar stima tal-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, ikkalkulat f’konformità mal-metodoloġija riveduta stipulata fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (8) kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/665 (9) (il-“metodoloġija riveduta”). Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-metodoloġija riveduta, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jipprovdu previżjonijiet fis-snin 2021 u 2022 abbażi tal-metodoloġija preċedenti. |
|
(18) |
Għal raġunijiet ta’ konsistenza„ jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess jum bħad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 u jenħtieġ li japplika mill-istess data ta’ applikazzjoni bħal dik id-Deċiżjoni, jiġifieri, mill-1 ta’ Jannar 2021, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat”), dwar it-tqegħid ta’ dik ir-riżorsa għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, dwar il-miżuri sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ flus kontanti, u dwar effetti speċifiċi fuq il-kalkolu tar-rata uniformi ta’ ġbir applikabbli tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni (ir-“riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG”).
Artikolu 2
Konservazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn
1. Id-dokumenti ta’ sostenn relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandhom jinżammu mill-Istati Membri sal-31 ta’ Lulju tal-ħames sena wara s-sena finanzjarja inkwistjoni.
2. Jekk il-verifika skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 (10) tad-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu turi li tinħtieġ korrezzjoni jew aġġustament, dawk id-dokumenti għandhom jinżammu għal perijodu suffiċjenti wara l-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sabiex il-korrezzjoni jew l-aġġustament ikunu jistgħu jsiru jew jiġu mmonitorjati.
3. Fejn tilwima bejn Stat Membru u l-Kummissjoni li tikkonċerna l-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċertu ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat jew dwar allegazzjonijiet li jinvolvu spezzjonijiet jew in-nuqqas ta’ provvediment tad-data tiġi riżolta bi ftehim reċiproku, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru għandu jibgħat id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għas-segwitu finanzjarju lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara dik ir-riżoluzzjoni.
Artikolu 3
Kooperazzjoni amministrattiva
1. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan li ġej:
|
(a) |
l-ismijiet tad-dipartimenti jew tal-aġenziji responsabbli għall-kalkolu jew l-istabbiliment, il-ġbir, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-kontroll tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ, u d-dispożizzjonijiet bażiċi relatati mar-rwol u l-operat ta’ dawk id-dipartimenti u l-aġenziji; |
|
(b) |
id-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fil-liġi, ir-regolament jew l-azzjoni amministrattiva u dawk relatati mal-proċeduri ta’ kontabbiltà li jikkonċernaw il-kalkolu, l-istabbiliment, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-kontroll mill-Kummissjoni tar-riżorsa proprji bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat; |
|
(c) |
it-titolu preċiż tar-rekords amministrattivi u tal-kontabbiltà kollha li fihom tiddaħħal ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, b’mod partikolari dawk użati għat-tfassil tal-kontijiet previsti fl-Artikolu 5. |
Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata immedjatament bi kwalunkwe bidla fl-ismijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jew id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.
2. Il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta’ Stat Membru, tibgħat lill-Istati Membri kollha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Effetti speċifiċi fuq ir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG
1. Għall-finijiet tal-istabbiliment tar-rata uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, id-dħul imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 għandu jiżdied mad-dħul imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Deċiżjoni sabiex tiġi kkalkulata l-parti tal-baġit li għandha tiġi koperta mir-riżorsa proprja bbażata fuq id-DNG.
2. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 10a tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandhom japplikaw għat-tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet annwali bbażati fuq id-DNG mogħti lid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija, in-Netherlands u l-Iżvezja skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053+.
KAPITOLU II
KONTIJIET GĦAR-RIŻORSA PROPRJA BBAŻATA FUQ L-ISKART TAL-PLASTIK MILL-IMBALLAĠĠ MHUX RIĊIKLAT
Artikolu 5
Entrata fil-kontijiet u rappurtar
1. Il-kontijiet għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandhom jinżammu mit-teżor ta’ kull Stat Membru jew minn entità pubblika li teżerċita funzjonijiet simili (“teżor”), jew mill-bank ċentrali nazzjonali ta’ kull Stat Membru.
2. Għall-finijiet ta’ kontabbiltà tar-riżorsi proprji, ix-xahar għandu jintemm mhux qabel is-1 p.m. tal-aħħar jum tax-xogħol tax-xahar li matulu jkun sar il-kalkolu jew l-istabbiliment.
3. Il-porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar.
Ir-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-Artikolu 9 għandu jiġi rreġistrat kull sena.
4. Sal-15 ta’ April ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni previżjonijiet tal-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li ma jkunx ser jiġi riċiklat għas-sena attwali u dik segwenti.
5. Sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni annwali għas-sena, sentejn qabel is-sena attwali (“n-2”), filwaqt li jipprovdi data statistika dwar il-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat fl-Istat Membru u dwar il-piż ta’ dak l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li jkun ġie riċiklat, bil-piżijiet li jingħataw f’kilogrammi, u dikjarazzjoni annwali għas-sena filwaqt li jipprovdi l-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat f’konformità mal-Artikolu 6.
6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli tad-dikjarazzjonijiet relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14(2).
KAPITOLU III
KALKOLU TAR-RIŻORSA PROPRJA BBAŻATA FUQ L-ISKART TAL-PLASTIK MILL-IMBALLAĠĠ MHUX RIĊIKLAT
Artikolu 6
Kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat
1. Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandha tiġi kkalkulata kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053. Il-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 6a tad-Direttiva 94/62/KE u l-metodoloġija stabbilita fid-Deċiżjoni 2005/270/KE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 6c tagħha.
2. Għal kull Stat Membru, l-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ għandu jiġi kkalkulat f’euro.
3. L-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat f’sena partikolari għandu jiġi determinat abbażi tal-previżjoni msemmija fl-Artikolu 5(4).
KAPITOLU IV
TQEGĦID GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAR-RIŻORSA PROPRJA BBAŻATA FUQ L-ISKART TAL-PLASTIK MILL-IMBALLAĠĠ
Artikolu 7
Teżor u arranġamenti tal-kontabbiltà
L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu japplika mutatis mutandis għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
Artikolu 8
Tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat
1. L-ammonti kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 6 għal kull sena kalendarja għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar. Dawk l-ammonti għandhom ikunu wieħed minn tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti f’muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-offerta tas-sena kalendarja ta’ qabel il-perijodu bażi tal-kontijiet, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.
2. L-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar.
3. Kwalunkwe bidla fir-rata ta’ ġbir uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat għandha tirrikjedi l-adozzjoni finali ta’ baġit emendatorju u għandha twassal għal riaġġustamenti tal-porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax li jkunu ġew imdaħħla fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 mill-bidu tas-sena finanzjarja.
Dawk ir-riaġġustamenti għandhom jitwettqu meta ssir l-ewwel entrata wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk dan jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella għandhom jitwettqu meta ssir it-tieni entrata wara l-adozzjoni finali. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), dawk ir-riaġġustamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju inkwistjoni.
4. Il-kalkolu tal-porzjonijiet ta’ wieħed minn tnax għal Jannar ta’ kull sena finanzjarja għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti previsti fl-abbozz ta’ baġit, imsemmi fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u kkonvertit f’muniti nazzjonali bir-rata tal-kambju tal-ewwel jum ta’ offerta wara l-15 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li jippreċedi l-perijodu bażi tal-kontijiet; l-aġġustament għandu jsir mal-entrata għax-xahar li jmiss.
5. Jekk il-baġit ma jkunx ġie adottat b’mod finali sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel l-entrata għal Jannar tas-sena finanzjarja li jmiss, l-Istati Membri għandhom jagħmlu entrata fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar, inkluż Jannar, ta’ porzjon ta’ wieħed minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat imdaħħal fl-aħħar baġit adottat b’mod finali; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel maturità wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk dan jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni maturità wara l-adozzjoni finali tal-baġit.
Artikolu 9
Aġġustamenti għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat tas-snin finanzjarji preċedenti
1. Abbażi tad-dikjarazzjoni annwali li tipprovdi l-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat imsemmija fl-Artikolu 5(5), kull Stat Membru għandu, fis-sena ta’ wara dik li fiha tkun intbagħtet dik id-dikjarazzjoni, jiġi ddebitat jew ikkreditat b’ammont ikkalkulat bħala d-differenza bejn l-ammonti fil-previżjoni għal sena partikolari u l-ammonti reali fid-dikjarazzjoni għal dik l-istess sena.
2. Għal kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tikkalkula d-differenza bejn l-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1 u r-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammonti totali ta’ aġġustamenti mal-perċentwal li d-DNG ta’ dak l-Istat Membri jirrappreżenta tad-DNG tal-Istati Membri kollha, kif applikabbli fil-15 ta’ Jannar tal-baġit fis-seħħ għas-sena ta’ wara dik li fiha tkun ġiet ipprovduta d-data għall-aġġustamenti (l-“ammont nett”).
Għall-finijiet tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ammonti għandhom jiġu kkonvertiti mill-muniti nazzjonali għall-euro bir-rata tal-kambju tal-aħħar jum ta’ offerta tas-sena kalendarju ta’ qabel is-sena tal-entrata fil-kontijiet, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu qabel l-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik li fiha tkun ġiet ipprovduta d-data għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru għandu jagħmel entrata tal-ammont nett fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju ta’ dik l-istess sena.
3. Kwalunkwe aġġustament tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-Regolament għas-snin finanzjarji ta’ qabel li jirriżulta minn spezzjonijiet għandu jwassal għal aġġustament partikolari tal-entrati fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat f’ittra dwar l-aġġustament meħtieġ. L-ammont li jikkorrispondi għal dak l-aġġustament għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f’dik l-ittra.
4. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-aġġustament ikkomunikat fl-ittra msemmija fil-paragrafu 3 fi żmien xahrejn mill-jum li fih tasal dik l-ittra. Ir-rieżami għandu jiġi konkluż b’deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum tal-wasla tat-talba tal-Istat Membru.
Fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrieżamina l-ammonti b’mod sħiħ jew parzjalment li jikkorrispondu għall-aġġustament ikkomunikat fl-ittra msemmija fil-paragrafu 3, l-Istat Membru għandu jagħmel disponibbli l-ammont korrispondenti. La t-talba tal-Istat Membru għal rieżami tal-aġġustament u lanqas azzjoni għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhom jaffettwaw l-obbligu tal-Istat Membru li jagħmel disponibbli l-ammont korrispondenti għall-aġġustament.
5. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw aktar il-proċedura għar-rieżami msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(3).
6. Wara l-31 ta’ Lulju tal-ħames sena wara sena finanzjarja partikolari, ma għandu jibqa’ jittieħed kont tal-bidliet, ħlief tal-punti nnotifikati f’dak il-limitu ta’ żmien, jew mill-Kummissjoni, inkella mill-Istat Membru.
7. L-operazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu jikkostitwixxu operazzjonijiet tad-dħul fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha dawn għandhom jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.
Artikolu 10
Riportar ta’ wieħed minn kull tnax
1. Għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ħlas tan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u skont il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni jirriportaw, sa mhux aktar minn xahrejn fl-ewwel tliet xhur tas-sena finanzjarja, l-entrata ta’ porzjon ta’ wieħed minn tnax, jew frazzjoni minnu, tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
2. Soġġett għal-paragrafu 3, għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ħlas tan-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u skont il-pożizzjoni tal-likwidità tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni jirriportaw, fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja, l-entrata ta’ mhux aktar minn nofs addizzjonali ta’ porzjon ta’ wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
3. L-ammont totali li l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna jantiċipaw mill-Kummissjoni fl-istess xahar skont il-paragrafi 1 u 2 għandu, fi kwalunkwe każ, ma jaqbiżx ammont li jikkorrispondi għal żewġ porzjonijiet addizzjonali ta’ wieħed minn tnax.
4. Wara l-ewwel sitt xhur, l-entrata ta’ kull xahar mitluba ma għandhiex taqbeż wieħed minn tnax tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, filwaqt li tibqa’ fil-limitu tal-ammonti li ddaħħlu fil-baġit għal dak il-għan.
5. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-Istati Membri b’dan minn qabel, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel entrata mitluba skont il-paragrafi 1 u 2.
6. Il-Kummissjoni għandha tinforma l-Istati Membri ferm qabel, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel entrata mitluba skont il-paragrafu 2, bl-intenzjoni tagħha li titlob tali entrata.
7. L-Artikolu 8(4), li jikkonċerna l-ammont li għandu jiddaħħal f’Jannar kull sena, u l-Artikolu 8(5), applikabbli jekk il-baġit ma jkunx ġie adottat b’mod finali qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, għandhom japplikaw għall-entrati minn qabel imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 11
Interessi fuq l-ammonti li tqegħdu għad-dispożizzjoni tard
1. Għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat, l-interessi għandhom ikunu pagabbli biss b’rabta ma’ dewmien fl-entrati tal-ammonti li ġejjin:
|
(a) |
l-ammonti msemmija fl-Artikolu 8; |
|
(b) |
l-ammonti li jirriżultaw mill-kalkolu msemmi fl-Artikolu 9(1), fil-mument speċifikat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2); |
|
(c) |
l-ammonti li jirriżultaw mill-aġġustamenti partikolari msemmija fl-Artikolu 9(3); |
|
(d) |
ammonti li jirriżultaw min-nuqqas attribwibbli ta’ Stat Membru li jipprovdi d-data kif mitlub minn dan ir-Regolament. |
Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-interessi fuq l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-korrezzjonijiet li jkunu saru minħabba n-nuqqas ta’ Stat Membri li jipprovdi data għandhom jiġu kkalkulati mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara dik li fiha jkun skada l-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni.
Stat Membru għandu jinħeles mill-obbligu li jħallas l-imgħax għan-nuqqas imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu jekk dak in-nuqqas ikun ibbażat jew fuq raġunijiet ta’ force majeure jew fuq raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat.
It-tilwim bejn Stat Membru u l-Kummissjoni dwar jekk in-nuqqas allegat imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jistax jiġi attribwit għall-Istat Membru għandu jiġi riżolt permezz tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 9(4).
2. Fejn Stat Membru jibda r-rieżami msemmi fl-Artikolu 9(4), l-interessi għandhom jiġu kkalkulati mid-data speċifikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9(3).
3. Għandu jiġi rrinunzjat l-irkupru ta’ ammonti ta’ interessi li jkunu inqas minn EUR 500.
4. L-interessi għandhom jiġu imposti bir-rati u l-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(4) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.
5. Għall-ħlas ta’ interessi msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika mutatis mutandis l-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.
KAPITOLU V
ĠESTJONI TAR-RIŻORSI TA’ FLUS KONTANTI
Artikolu 12
Rekwiżiti dwar il-ġestjoni tar-riżorsi ta’ flus kontanti u l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għall-pagamen
L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Grupp ta’ esperti
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp formali ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kompiti tal-grupp ta’ esperti formali għandhom ikunu li jagħti pariri lill-Kummissjoni, u li jesprimi l-fehmiet tiegħu fir-rigward tal-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tal-istatistika dwar l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat u rriċiklat, li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta’ miżuri biex id-data ssir aktar komparabbli u aktar affidabbli u li joħroġ opinjonijiet annwali dwar l-adegwatezza tad-data dwar l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik ippreżentata mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat. Il-grupp formali ta’ esperti għandu jiġu rreġistrat fir-reġistru ta’ gruppi esperti tal-Kummissjoni, u t-trasparenza u tal-kompożizzjoni u l-ħidma tiegħu għandha tkun żgurata.
Artikolu 14
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 94/62/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 15
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
Sabiex jitwettaq il-kalkolu msemmi fl-Artikolu 6, kull Stat Membru għandu, sal-aħħar jum tat-tieni xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jipprovdi lill-Kummissjoni bil-previżjonijiet tal-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li ma jiġix riċiklat mill-2021 ’il quddiem u sas-sena ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Fis-snin 2021 u 2022, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu t-tbassir tagħhom tal-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li mhuwiex riċiklat, ikkalkulat f’konformità mad-Direttiva 94/62/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u l-metodoloġija stabbilita fid-Deċiżjoni 2005/270/KE kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 (15), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tad-9 ta’ Ottubru 2018 (ĠU C 431, 29.11.2018, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(6) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(7) Id-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tad-bażi tad-dejta skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 86, 5.4.2005, p. 6).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/665 tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tal-bażijiet tad-data skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 112, 26.4.2019, p. 26).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/768 tat-30 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014 (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(11) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(14) Id-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 11).
(15) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 tad-19 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta’ basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE (ĠU L 160, 25.6.2018, p. 6).