|
6.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 158/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/731
tas-26 ta’ Jannar 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura għall-penali imposti fuq kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi jew partijiet terzi relatati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25i(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ġie emendat mir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dawk l-emendi introduċew fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, inter alia, setgħa għall-Kummissjoni biex tispeċifika aktar ir-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) tas-setgħa li timponi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi (“CCPs ta’ pajjiżi terzi”) u partijiet terzi relatati li lilhom is-CCPs ta’ pajjiżi terzi jkunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operazzjonali (“partijiet terzi relatati”). B’mod partikolari, dawk ir-regoli ta’ proċedura jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali u l-perjodi ta’limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali. |
|
(2) |
L-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin, u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha, filwaqt li jirrispetta l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju. |
|
(3) |
Biex jiġi żgurat li d-drittijiet tad-difiża ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet terzi relatati soġġetti għal azzjonijiet mill-ESMA jiġu rispettati u biex jiġi żgurat li l-ESMA tqis il-fatti rilevanti kollha meta tadotta deċiżjonijiet ta’ infurzar, l-ESMA jenħtieġ li tisma’ lis-CCP ta’ pajjiż terz jew lil partijiet terzi relatati jew lil kwalunkwe persuna oħra kkonċernata. Is-CCPs ta’ pajjiżi terzi u partijiet terzi relatati jenħtieġ li għalhekk ikollhom id-dritt li jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet tas-sejbiet maħruġa mill-uffiċjal tal-investigazzjoni u l-ESMA, inkluż fil-każ ta’ bidliet materjali fid-dikjarazzjoni inizjali tas-sejbiet. L-uffiċjal tal-investigazzjoni u l-ESMA jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jistiednu CCPs ta’ pajjiżi terzi u partijiet terzi relatati biex jipprovdu spjegazzjonijiet ulterjuri f’seduta ta’ smigħ orali meta l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew l-ESMA jqisu li xi elementi tas-sottomissjonijiet bil-miktub magħmula lill-uffiċjal tal-investigazzjoni jew lill-ESMA mhumiex ċari jew dettaljati biżżejjed, u li hija meħtieġa aktar spjegazzjoni. |
|
(4) |
Huwa importanti li tiġi żgurata t-trasparenza bejn l-uffiċjal tal-investigazzjoni maħtur mill-ESMA skont l-Artikolu 25i tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-ESMA stess. Tali trasparenza teħtieġ li l-fajl tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, minbarra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet, ikun fih kwalunkwe sottomissjoni magħmula mis-CCPs ta’ pajjiż terz jew partijiet terzi relatati, id-dikjarazzjoni tas-sejbiet fuq il-bażi li fuqha dawk is-CCPs ta’ pajjiż terz jew partijiet terzi relatati pprovdew is-sottomissjonijiet tagħhom, u l-minuti ta’ kull smigħ orali. |
|
(5) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 l(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha l-possibbiltà li tadotta, fejn tkun meħtieġa azzjoni urġenti, deċiżjonijiet interim li jimponu multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali mingħajr ma l-ewwel tisma’ lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni jew proċedimenti. Biex tiġi żgurata l-effettività tas-setgħa tal-ESMA li tadotta deċiżjonijiet interim, is-CCPs ta’ pajjiżi terzi u partijiet terzi relatati soġġetti għal investigazzjoni ma għandux ikollhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu qabel ma l-uffiċjal tal-investigazzjoni jkun ippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-ESMA jew qabel ma l-ESMA tkun adottat id-deċiżjoni interim tagħha. Madankollu, biex jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża, is-CCPs ta’ pajjiżi terzi u partijiet terzi relatati jenħtieġ li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl hekk kif l-uffiċjal tal-investigazzjoni jkun issottometta l-fajl bid-dikjarazzjoni tas-sejbiet tiegħu lill-ESMA, u d-dritt ta’ smigħ kemm jista’ jkun malajr wara li l-ESMA tkun adottat id-deċiżjoni interim tagħha. |
|
(6) |
Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jqisu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni applikabbli għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali fuq entitajiet taħt superviżjoni, l-esperjenza tal-ESMA fl-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni fir-rigward tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-fatt li CCPs ta’ pajjiżi terzi jinsabu barra mill-Unjoni u l-ħtieġa li l-ESMA tikkoordina mal-awtoritajiet f’tali ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ infurzar. Il-perjodi ta’ limitazzjoni jenħtieġ li jiġu kkalkulati skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni għal atti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (3). |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 25 m(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ammonti li jikkorrispondu għall-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA jenħtieġ li jiġu depożitati f’kontijiet bl-imgħax sakemm isiru finali. Għal kull deċiżjoni li timponi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, l-ammonti miġbura mill-ESMA jenħtieġ li jiġu ddepożitati f’kont separat jew subkont biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà sakemm dik id-deċiżjoni ssir finali. |
|
(8) |
Fl-interess tal-eżerċizzju immedjat mill-ESMA ta’ setgħat superviżorji u ta’ infurzar effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jispeċifika aktar ir-regoli ta’ proċedura rigward multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali li jiġu imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fuq kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi (CCPs) jew partijiet terzi relatati li lilhom dawn is-CCPs ikunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operazzjonali soġġetti għall-proċedimenti ta’ investigazzjoni u infurzar tal-ESMA, inklużi regoli dwar id-dritt ta’ difiża u perjodi ta’ limitazzjoni.
Artikolu 2
Id-dritt li jiġi mismugħ mill-uffiċjal tal-investigazzjoni
1. Meta titlesta l-investigazzjoni u qabel ma jippreżenta l-fajl lill-ESMA skont l-Artikolu 3(1), l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinforma lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni bil-miktub u jiddikjara s-sejbiet tiegħu u għandu jipprovdi lil dik il-persuna bl-opportunità li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub skont il-paragrafu 3. Dik id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż kwalunkwe fattur aggravanti jew ta’ mitigazzjoni ta’ dak il-ksur.
2. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li fih il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux ikun obbligat jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara li jkun skada dak il-limitu ta’ żmien.
3. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tippreżenta l-fatti kollha magħrufa lilha li huma rilevanti għad-difiża tagħha. Hija għandha tehmeż kwalunkwe dokument rilevanti bħala prova tal-fatti ppreżentati. Hija tista’ tipproponi li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jisma’ persuni oħra li jistgħu jikkorroboraw il-fatti stabbiliti fis-sottomissjonijiet tal-persuna soġġetta għal investigazzjoni.
4. L-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jistieden ukoll lil persuna soġġetta għal investigazzjoni li lilha tkun ġiet indirizzata dikjarazzjoni tas-sejbiet biex tattendi seduta ta’ smigħ orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti mill-avukati tagħhom, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-uffiċjal tal-investigazzjoni. Is-seduti ta’ smigħ orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
Artikolu 3
Id-dritt ta’ smigħ mill-ESMA fir-rigward tal-multi u l-miżuri superviżorji
1. Il-fajl komplut li għandu jiġi ppreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni lill-ESMA għandu jinkludi d-dokumenti li ġejjin:
|
(a) |
id-dikjarazzjoni tas-sejbiet u kopja tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet indirizzata lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni; |
|
(b) |
kopja tas-sottomissjonijiet bil-miktub mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni; |
|
(c) |
il-minuti ta’ kull smigħ orali. |
2. Fejn l-ESMA tqis li l-fajl ippreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni ma jkunx komplut, hija għandha tibgħat il-fajl lura lill-uffiċjal tal-investigazzjoni b’talba motivata għal dokumenti addizzjonali.
3. Fejn l-ESMA tqis, fuq il-bażi ta’ fajl komplut, li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet jidhru li ma jikkostitwixxux ksur elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, hija għandha tiddeċiedi li tagħlaq l-investigazzjoni u tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni.
4. Fejn l-ESMA ma taqbilx mas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, hija għandha tissottometti dikjarazzjoni ġdida tas-sejbiet lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni.
Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li fih il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
L-ESMA tista’ tistieden ukoll lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni li lilhom tkun ġiet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta ta’ smigħ orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti mill-avukati tagħhom, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta’ smigħ orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
5. Fejn l-ESMA taqbel mas-sejbiet kollha tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jew ma’ wħud minnhom, hija għandha tinforma lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni kif xieraq. Din il-komunikazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li fih il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
L-ESMA tista’ tistieden ukoll lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni li lilhom tkun ġiet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta ta’ smigħ orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti mill-avukati tagħhom, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta’ smigħ orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
6. Fejn l-ESMA tiddeċiedi li wieħed jew aktar mill-ksur elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 twettaq minn persuna soġġetta għal investigazzjoni u tadotta deċiżjoni li timponi multa skont l-Artikolu 25j ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.
Artikolu 4
Id-dritt ta’ smigħ mill-ESMA fir-rigward ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali
Qabel ma tittieħed deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikolu 25k tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tippreżenta dikjarazzjoni tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti li tistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ pagament perjodiku ta’ penali u l-ammont tal-pagament perjodiku ta’ penali għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex tiddeċiedi dwar il-pagament perjodiku ta’ penali.
Ladarba l-persuna soġġetta għal proċedimenti tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 25k(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ma jkunx jista’ jiġi impost aktar pagament perjodiku ta’ penali.
Id-deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali għandha tindika l-bażi legali u r-raġunijiet għad-deċiżjoni, l-ammont u d-data tal-bidu tal-pagament perjodiku ta’ penali.
L-ESMA tista’ wkoll tistieden lill-persuna soġġetta għal proċedimenti biex tattendi seduta ta’ smigħ orali. Il-persuni soġġetti għall-proċedimenti jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta’ smigħ orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
Artikolu 5
Id-dritt ta’ smigħ mill-ESMA fir-rigward ta’ deċiżjonijiet interim li jimponu multi
1. B’deroga mill-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament, il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tapplika meta l-ESMA tadotta deċiżjonijiet interim li jimponu multi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 l(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mingħajr ma l-ewwel tisma’ lill-persuni soġġetti għal investigazzjonijiet.
2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jippreżenta l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-ESMA u jinforma immedjatament lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni dwar is-sejbiet tiegħu iżda ma għandux jipprovdi lil dik il-persuna bl-opportunità li tagħmel sottomissjonijiet. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni għandha tistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż kwalunkwe fattur aggravanti jew ta’ mitigazzjoni ta’ dak il-ksur.
Meta jintalab, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.
3. Meta l-ESMA tqis li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jidhru li ma jikkostitwixxux ksur elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, hija għandha tiddeċiedi li tagħlaq l-investigazzjoni u tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni.
4. Meta l-ESMA tiddeċiedi li wieħed jew aktar mill-ksur elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 twettaq minn persuna soġġetta għal investigazzjoni u tadotta deċiżjoni interim li timponi multi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 l(1) ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni interim lil dik il-persuna.
L-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li fih persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub dwar id-deċiżjoni interim. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
Fejn tintalab tagħmel dan, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni.
L-ESMA tista’ tistieden lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni biex jattendu seduta ta’ smigħ orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti mill-avukati tagħhom, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta’ smigħ orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
5. L-ESMA għandha tisma’ lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni u tieħu deċiżjoni finali malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni interim.
Fejn l-ESMA tqis, abbażi tal-fajl komplut u wara li tkun semgħet lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni, li wieħed jew aktar mill-ksur elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikun twettaq mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni, hija għandha tadotta deċiżjoni ta’ konferma li timponi multi skont l-Artikolu 25j ta’ dan ir-Regolament. L-ESMA għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni.
Fejn l-ESMA tadotta deċiżjoni finali li ma tikkonfermax id-deċiżjoni interim, id-deċiżjoni interim għandha titqies li ġiet imħassra.
Artikolu 6
Id-dritt ta’ smigħ mill-ESMA fir-rigward ta’ deċiżjonijiet interim li jimponu pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. B’deroga mill-Artikolu 4, il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tapplika meta l-ESMA tadotta deċiżjonijiet interim li jimponu pagamenti perjodiċi ta’ penali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25 l(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mingħajr ma l-ewwel tisma’ lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti.
2. Id-deċiżjoni interim li timponi pagament perjodiku ta’ penali għandha tindika l-bażi legali u r-raġunijiet għad-deċiżjoni, l-ammont u d-data tal-bidu tal-pagament perjodiku ta’ penali.
Ladarba l-persuna soġġetta għall-proċedimenti tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25k(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ma tistax tiġi adottata aktar deċiżjoni interim li timponi pagament perjodiku ta’ penali.
L-ESMA għandha tinnotifika minnufih id-deċiżjoni interim lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti u għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih dik il-persuna tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
Fejn tintalab tagħmel dan, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti.
L-ESMA tista’ wkoll tistieden lill-persuna soġġetta għal proċedimenti biex tattendi seduta ta’ smigħ orali. Il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tkun assistita mill-avukati tagħha, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti ta’ smigħ orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
3. Meta l-ESMA tqis, fuq il-bażi tal-fajl komplut u wara li tkun semgħet lill-persuna soġġetta għal proċedimenti, li meta ġiet adottata d-deċiżjoni interim kien hemm raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali, l-ESMA għandha tadotta deċiżjoni ta’ konferma li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali skont l-Artikolu 25k tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-ESMA għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti.
Meta l-ESMA tadotta deċiżjoni li ma tikkonfermax id-deċiżjoni interim, id-deċiżjoni interim għandha titqies li ġiet imħassra.
Artikolu 7
Aċċess għall-fajl u l-użu tad-dokumenti
1. Meta tintalab tagħmel dan, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-partijiet li lilhom l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew l-ESMA jkunu bagħtu dikjarazzjoni tas-sejbiet. Aċċess għandu jingħata wara n-notifika ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ sejbiet.
2. Il-fajl tad-dokumenti aċċessati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jintuża biss għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 8
Perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali
1. Is-setgħat konferiti fuq l-ESMA biex timponi multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq CCPs ta’ pajjiżi terzi u partijiet terzi relatati li lilhom is-CCPs ta’ pajjiżi terzi jkunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.
2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-ġurnata ta’ wara dik li fiha jitwettaq il-ksur. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, dak il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda mill-ġurnata li fiha jintemm il-ksur.
3. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-ESMA għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta’ ksur elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Dak il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni jew proċedimenti fir-rigward ta’ ksur elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
4. Kull interruzzjoni għandha twassal biex il-perjodu ta’ limitazzjoni jerġa’ jibda. Madankollu, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu d-doppju tal-perjodu ta’ limitazzjoni mingħajr ma l-ESMA tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-limitazzjoni tiġi sospiża skont il-paragrafu 5.
5. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-ESMA tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 25n tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 9
Perjodi ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ penali
1. Is-setgħa tal-ESMA li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 25j u 25k tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tmien snin.
2. Il-perjodu ta’ tmien snin imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-ġurnata wara dik li fiha d-deċiżjoni ssir finali.
3. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott minn:
|
(a) |
notifika mill-ESMA lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali; |
|
(b) |
kwalunkwe azzjoni tal-ESMA jew ta’ awtorità ta’ pajjiż terz li taġixxi fuq talba tal-ESMA, imfassla biex tinforza l-pagament jew it-termini u l-kundizzjonijiet tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali. |
4. Kull interruzzjoni għandha twassal biex il-perjodu ta’ limitazzjoni jerġa’ jibda.
5. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali għandu jiġi sospiż sakemm:
|
(a) |
huwa permess żmien għall-pagament; |
|
(b) |
l-infurzar tal-pagament huwa sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-ESMA, f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 25n tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
Artikolu 10
Ġbir ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali
L-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA għandhom jiġu ddepożitati f’kont bl-imgħax miftuħ mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-ESMA sakemm isiru finali. F’każ li jinġabru multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali multipli mill-ESMA b’mod parallel, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-ESMA għandu jiżgura li jiġu ddepożitati f’kontijiet jew subkontijiet differenti. L-ammonti mħallsa ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-ESMA jew jiġu rreġistrati bħala ammonti baġitarji.
Ladarba l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-ESMA jkun stabbilixxa li l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jkunu saru finali wara l-eżitu tal-isfidi legali kollha possibbli, huwa jew hija għandu jittrasferixxi dawk l-ammonti flimkien ma’ kwalunkwe mgħax li jakkumula lill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-ammonti għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni taħt dħul ġenerali.
L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-ESMA għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Uffiċjal Awtorizzanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ammonti tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti u l-istatus tagħhom.
Artikolu 11
Kalkolu tal-perjodi, tad-dati u tal-limiti ta’ żmien
Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 għandu japplika għall-perjodi, id-dati u l-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).