5.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 157/1 |
REGOLAMENT (UE) 2021/728 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2021/17)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1, l-Artikolu 22 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-operaturi ta’ sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPSs) stabbiliti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro jeħtiġilhom jiżguraw il-konformità tas-SIPS li joperaw mal-ogħla standards applikabbli kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/28) (1). Dik il-konformità tiġi ssorveljata, fil-każ ta’ kull SIPS, minn bank ċentrali uniku tal-Eurosistema li jiġi nnominat bħala l-awtorità kompetenti għal dak il-għan. Fil-każ ta’ SIPSs li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), is-sorveljanza jeħtieġ li ssir mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala l-awtorità kompetenti nnominata. Madankollu, fir-rigward ta’ tali SIPSs, jista’ jkun ta’ benefiċċju f’ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali li l-konformità tiġi ssorveljata minn żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema, jiġifieri bank ċentrali nazzjonali u l-BĊE, li jkunu nnominati bħala awtoritajiet kompetenti, sabiex jinkiseb benefiċċju mill-għarfien tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti dwar l-entità sorveljata u mir-relazzjoni tiegħu stabbilita preċedentement magħha, kif ukoll biex jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-BĊE fis-sorveljanza ta’ tali SIPSs. |
(2) |
Is-sistemi ta’ ħlas jiġu identifikati bħala SIPSs jekk jissodisfaw kriterji ta’ identifikazzjoni relatati mad-daqs, is-sehem mis-suq, l-attività transfruntiera u l-forniment ta’ saldu lil infrastrutturi oħra tas-suq finanzjarju, kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28). Madankollu, xejriet teknoloġiċi li qed jinbidlu malajr flimkien ma’ preferenzi tal-konsumatur li qed jinbidlu jistgħu jwasslu għal bidliet fundamentali fil-mod kif isiru l-ħlasijiet. F’dan l-isfond, huwa importanti li jitqiesu l-fatturi kollha ta’ importanza sistemika potenzjalment rilevanti u għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija addizzjonali, flessibbli u li tħares ’il quddiem għall-identifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ħlas bħala SIPSs biex jiġi żgurat li tali sistemi ta’ ħlas ikunu soġġetti għall-ogħla standards applikabbli ta’ sorveljanza kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28). |
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li l-garanziji ta’ proċess ġust jiġu rrispettati kemm qabel kif ukoll wara li l-Kunsill Governattiv jadotta deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ proċess ġust fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28). Dawn il-proċeduri jinkludu li l-BĊE joħroġ avviż bil-miktub meta jibda l-proċess ta’ identifikazzjoni u jiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu li jidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS. Jenħtieġ ukoll li r-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jispeċifika wkoll id-dritt tal-operatur tas-sistema li jaċċessa l-fajls, id-dritt li jinstema’ u d-dritt li jitlob reviżjoni interna tad-deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS. |
(4) |
L-attività kummerċjali tas-SIPSs tista’ tvarja maż-żmien. Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-qafas ta’ identifikazzjoni tas-SIPSs, filwaqt li kemm jista’ jkun tinżamm il-kontinwità u jiġu evitati r-riklassifikazzjonijiet frekwenti tas-sistemi ta’ ħlas, jenħtieġ li sistema ta’ ħlas ma tibqax tiġi identifikata bħala SIPS jekk ma tissodisfax il-kriterji għall-identifikazzjoni bħala SIPS f’żewġ reviżjonijiet ta’ verifika konsekuttivi. Madankollu, iż-żamma tal-istatus ta’ SIPS matul tali perjodu ta’ żmien tista’ ma tkunx xierqa jekk ikun improbabbli li s-sistema tissodisfa l-kriterji li jikkwalifikawha bħala SIPS fl-eżerċizzju ta’ verifika li jkun imiss. Konsegwentement, jenħtieġ li tkun possibbli wkoll riklassifikazzjoni bikrija bbażata fuq evalwazzjoni każ b’każ. |
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jiġi emendat f’dan is-sens, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi
Ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) hu emendat kif ġej:
1. |
L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
|
2. |
L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
3. |
Jiddaħħlu l-Artikoli 2a sa 2d li ġejjin: “Artikolu 2a Avviż bil-miktub dwar il-bidu tal-proċess biex sistema ta’ ħlas tiġi identifikata bħala SIPS Il-BĊE għandu jinnotifika lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas bl-intenzjoni tiegħu li jibda proċess taħt l-Artikolu 1 bl-għan li jidentifika dik is-sistema ta’ ħlas bħala SIPS. L-avviż bil-miktub għandu jiddikjara l-fatti materjali u r-raġunijiet legali kollha rigward l-identifikazzjoni possibbli tas-sistema ta’ ħlas ikkonċernata bħala SIPS. Artikolu 2b Dritt ta’ aċċess għall-fajls matul il-proċess biex sistema ta’ ħlas tiġi identifikata bħala SIPS Malli jirċievi l-avviż bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 2a, l-operatur tas-sistema ta’ ħlas għandu jkun intitolat li jaċċessa l-fajls, id-dokumenti jew materjal ieħor tal-BĊE li jservu bħala bażi għall-identifikazzjoni ta’ dik is-sistema ta’ ħlas bħala SIPS. Dan id-dritt ma għandux jestendi għal informazzjoni meqjusa kunfidenzjali fir-rigward tal-BĊE, ta’ bank ċentrali nazzjonali, jew ta’ partijiet terzi oħra, inklużi istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni. Artikolu 2c Dritt li wieħed jinstema’ matul il-proċess biex sistema ta’ ħlas tiġi identifikata bħala SIPS 1. Fl-avviż bil-miktub mibgħut mill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 2a, l-operatur tas-sistema ta’ ħlas għandu jingħata terminu fiss li fih jista’ jesprimi bil-miktub kwalunkwe oġġezzjoni, fehma u kumment rigward il-fatti u r-raġunijiet legali ppreżentati fl-avviż bil-miktub. Dan it-terminu ma għandux ikun inqas minn 30 jum ta’ xogħol li jibdew mill-jum li fih l-operatur tas-sistema ta’ ħlas jirċievi l-avviż bil-miktub. 2. Il-BĊE jista’ jagħti l-opportunità lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas, fuq talba tiegħu, li jesprimi l-fehmiet tiegħu f’laqgħa orali. Għandhom jitħejjew minuti bil-miktub tal-laqgħa li mbagħad jiġu ffirmati mill-partijiet kollha. Il-partijiet kollha għandhom jingħataw kopja tal-minuti. 3. Minkejja l-paragrafu 2, il-BĊE jista’ joħroġ deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS mingħajr ma jagħti lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas l-opportunità li jesprimi l-fehmiet, l-oġġezzjonijiet jew il-kummenti tiegħu dwar il-fatti u r-raġunijiet legali ppreżentati fl-avviż bil-miktub mibgħut mill-BĊE, dment li dan jitqies meħtieġ biex tiġi evitata ħsara sinifikanti lis-sistema finanzjarja. Artikolu 2d Motivazzjoni tad-deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS 1. Id-deċiżjoni tal-BĊE li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandha tinkludi l-fatti materjali u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkun ibbaża d-deċiżjoni tiegħu. 2. Suġġett għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 2c, il-BĊE għandu jibbaża d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss fuq fatti u raġunijiet legali li l-operatur tas-sistema ta’ ħlas seta’ jikkummenta dwarhom.”; |
4. |
fl-Artikolu 21, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1.”; Id-deċiżjoni għandha tiddikjara b’mod ċar kif dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati u l-aspetti proċedurali li għandhom jiġu osservati meta l-awtorità kompetenti tkun kemm il-BĊE kif ukoll bank ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 2(5)(b)(ii).”; |
5. |
fl-Artikolu 22, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej: “6. Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni fuq il-proċedura li għandha tiġi segwita jekk ikunu se jiġu imposti miżuri korrettivi. Id-Deċiżjoni għandha tiddikjara b’mod ċar kif għandha tiġi osservata din il-proċedura meta l-awtorità kompetenti tkun kemm il-BĊE kif ukoll bank ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 2(5)(b)(ii).”. |
Artikolu 2
Dispożizzjoni finali
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16).