5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/726

tal-4 ta’ Mejju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi Adoxophyes orana granulovirus u flutriafol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi s-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva flutriafol ġie estiż mill-31 ta’ Mejju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/1266 (3) u kif ukoll sal-31 ta’ Awwissu 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2007 (4). Il-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva Adoxophyes orana granulovirus ġie estiż mill-31 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2007.

(3)

L-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi kkonċernati ġew sottomessi f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5). Madankollu, għas-sustanzi attivi Adoxophyes orana granulovirus u flutriafol, l-applikanti kkonfermaw li ma għadhomx jappoġġaw l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni.

(4)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-estensjonijiet tal-perjodi ta’ approvazzjoni għal dawk is-sustanzi attivi, previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2007 ma għadhomx ġustifikati. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li l-approvazzjonijiet tal-Adoxophyes orana granulovirus u tal-flutriafol jiskadu fid-dati li fihom jiskadu mingħajr l-estensjoni.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1266 tal-20 ta’ Settembru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-dekanol, 6-benżiladenina, sulfat tal-aluminju, ażadiraktin, bupirimat, karbossinu, kletodim, ċiklossidim, dażomet, diklofop, ditijanon, dodina, fenażakwin, fluwometuron, flutriafol, eżitijażoss, imessażol, aċidu indolibutriku, isossaben, kubrit tal-ġir, metaldeid, paklobutrażol, penċikuron, sintofen, tau fluvalinat u tebufenożur (ĠU L 238, 21.9.2018, p. 81).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2007 tat-8 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-dekanol, 1,4-dimetilnaftalina, 6-benżiladenina, aċekinoċil, Adoxophyes orana granulovirus, sulfat tal-aluminju, amisulbrom, Aureobasidium pullulans (ir-razez DSM 14940 u DSM 14941), ażadiraktin, Bacillus pumilus QST 2808, benalaksil-M, bixafen, bupirimat, ir-razza O tal-Candida oleophila, klorantraniliprol, fosfonat tad-disodju, ditijanon, dodina, emamektin, flubendiammid, fluwometuron, fluksapirossad, flutriafol, eżitijażoss, imazamox, ipkonażol, isossaben, aċidu L-assorbiku, kubrit tal-ġir, żejt tal-larinġ, ir-razza FE9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, pendimethalin, penflufen, pentijopirad, fosfonati tal-potassju, prosulfuron, Pseudomonas sp. ir-razza DSMZ 13134, piridalil, pirjofenon, pirossulam, kinimerak, aċidu S-abxissiku, sedaxane, sintofen, tijosulfat tal-fidda u s-sodju, spinetoram, spirotetramat, Streptomyces lydicus tar-razza WYEC 108, tau-fluvalinat, tebufenożur, tembotrion, tijenkarbażon, valifenalat, fosfidu taż-żingu (ĠU L 414, 9.12.2020, p. 10).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, fir-ringiela 26, Adoxophyes orana granulovirus, id-data hija sostitwita bid-data tal-“31 ta’ Jannar 2023”;

(2)

fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, fir-ringiela 353, flutriafol, id-data hija sostitwita bid-data tal-“31 ta’ Mejju 2021”.