29.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/73


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/705

tat-28 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 333/2007 fir-rigward tal-għadd meħtieġ ta’ kampjuni inkrementali u l-kriterji tal-prestazzjoni għal xi metodi ta’ analiżi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2) jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi biex jintużaw għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikroelementi u ta’ kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Il-metodi tat-teħid ta’ kampjuni li bħalissa huma previsti fir-Regolament (KE) Nru 333/2007 jipprevedu l-ħtieġa li jittieħed kampjun aggregat ta’ mill-inqas 1 kg. Għal supplimenti tal-ikel, ħwawar jew ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fungi mnixxfin, algi jew likeni, li għandhom kost għoli għal kull unità ta’ piż, dan jirriżulta f’kost tal-kampjun sproporzjonatament għoli. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu previsti metodi speċifiċi tat-teħid ta’ kampjuni fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

(3)

Abbażi tal-aqwa informazzjoni xjentifika disponibbli, il-Laboratorji ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kontaminanti fl-għalf u fl-ikel elaboraw Dokument ta’ Gwida dwar l-istima tal-Limitu tad-Detezzjoni (LOD) u l-Limitu tal-Kwantifikazzjoni (LOQ) għall-kejl fil-qasam tal-kontaminanti fl-għalf u fl-ikel (3). Peress li dan id-Dokument ta’ Gwida fih l-aqwa għarfien teknoloġiku aġġornat, il-konklużjonijiet tiegħu jenħtieġ li jiġu riflessi fir-rekwiżiti għal-LOQ għal metodi analitiċi għal mikroelementi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 333/2007.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 333/2007 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 333/2007 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ mikroelementi u ta’ kontaminanti tal-ipproċessar fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(3)  Wenzl, T., Haedrich, J., Schaechtele, A., Robouch, P., Stroka, J., Guidance Document on the Estimation of LOD and LOQ for Measurements in the Field of Contaminants in Feed and Food; EUR 28099, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2016, ISBN 978-92-79-61768-3; doi:10.2787/8931.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 333/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt B.2.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B.2.2.   Għadd ta’ kampjuni inkrimentali

Għall-ikel, minbarra supplimenti tal-ikel, ħwawar jew ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fungi mnixxfin, algi jew likeni, il-kampjun aggregat għandu jkun mill-inqas kilogramma jew litru, ħlief fejn dan ma jkunx possibbli, eż. meta l-kampjun ikun jikkonsisti f’pakkett jew unità waħda.

Għal supplimenti tal-ikel, ħwawar jew ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fungi mnixxfin, algi jew likeni, il-kampjun aggregat għandu jkun mill-inqas 100 gramma jew 100 millilitru.

Għall-ikel, għajr is-supplimenti tal-ikel, l-għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali li għandu jittieħed mil-lott jew mis-sublott għandu jkun skont it-Tabella 3.

Fil-każ ta’ prodotti likwidi bl-ingrossa, il-lott jew is-sublott għandu jitħallat sew sakemm huwa possibbli u sakemm ma tiġix affettwata l-kwalità tal-prodott, immedjatament qabel it-teħid tal-kampjun permezz ta’ mezzi manwali jew mekkaniċi. F’dan il-każ, wieħed għandu jassumi li t-tqassim tal-kontaminanti f’lott jew f’sublott partikolari huwa omoġenju. Għalhekk l-għadd ta’ kampjuni inkrementali minn lott jew sublott biex jifforma l-kampjun aggregat għandu jkun tlieta.

Meta l-lott jew is-sublott ikun magħmul minn pakketti jew unitajiet individwali, għall-ikel, għajr is-supplimenti tal-ikel, l-għadd ta’ pakketti jew unitajiet (kampjuni inkrementali) li għandu jittieħed biex jifforma l-kampjun aggregat għandu jkun skont it-Tabella 4a.

Il-kampjuni inkrementali għandhom ikunu simili fil-piż/volum. Għall-ikel, minbarra supplimenti tal-ikel, ħwawar jew ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fungi mnixxfin, algi jew likeni, il-piż/il-volum ta’ kampjun inkrementali għandu jkun mill-inqas 100 gramma jew 100 millilitru, li jirriżulta f’kampjun aggregat ta’ mill-inqas madwar kilogramma jew litru.

Għal ħwawar jew ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fungi mnixxfin, algi jew likeni, il-piż/volum ta’ kampjun inkrementali għandu jkun mill-inqas 35 gramma jew 35 millilitru, li jirriżulta f’kampjun aggregat ta’ mill-inqas 100 gramma jew 100 millilitru.

Il-livelli massimi għal-landa inorganika jgħoddu għall-kontenut ta’ kull bott, iżda minħabba raġunijiet prattiċi huwa meħtieġ li jintuża metodu aggregat tat-teħid ta’ kampjuni. Jekk ir-riżultat tat-test għall-kampjun aggregat ta’ bottijiet ikun anqas mil-livell massimu ta’ landa inorganika iżda qribu u jekk ikun issuspettat li xi bottijiet individwali jistgħu jaqbżu l-livell massimu, allura għandhom isiru aktar investigazzjonijiet.

Għas-supplimenti tal-ikel, l-għadd minimu u d-daqs tal-kampjuni inkrementali għandhom ikunu skont it-Tabella 4b.

Fejn ma jkunx possibbli li jitwettaq il-metodu tat-teħid ta’ kampjuni stipulat f’dan il-punt B.2. minħabba l-konsegwenzi kummerċjali mhux aċċettabbli (eżempju minħabba l-forom tal-pakketti, lott li ġarrab xi ħsara, eċċ.) jew fejn huwa prattikament impossibbli li jiġi applikat il-metodu tat-teħid ta’ kampjuni previst f’dan il-punt B.2., jista’ jiġi applikat metodu alternattiv tat-teħid ta’ kampjuni jekk ikun hemm rappreżentazzjoni biżżejjed tal-kampjuni ta’ lottijiet u sublottijiet u jkun dokumentat bis-sħiħ. Dan għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru previst fil-punt B.1.8.

Tabella 1

Suddiviżjoni tal-lottijiet f’sublottijiet għall-prodotti kkummerċjalizzati f’konsenji bl-ingrossa

Piż tal-lott (tunnellati)

Piż jew għadd ta’ sublottijiet

≥ 1 500

500 tunnellata

> 300 u < 1 500

tliet sublottijiet

≥ 100 u ≤ 300

100 tunnellata

< 100


Tabella 2

Suddiviżjoni tal-lottijiet f’sublottijiet għall-prodotti kkumerċjalizzati f’konsenji bl-ingrossa

Piż tal-lott (tunnellati)

Piż jew għadd ta’ sublottijiet

≥ 15

15-30 tunnellata

< 15


Tabella 3

Għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali li għandhom jittieħdu mil-lott jew mis-sublott tal-ikel, għajr is-supplimenti tal-ikel

Piż jew volum tal-lott/tas-sublott (f’kilogrammi jew f’litri)

Għadd minimu ta’ kampjuni inkrementali li għandhom jittieħdu

< 50

3

≥ 50 u ≤ 500

5

> 500

10


Tabella 4a

Għadd ta’ pakketti jew ta’ unitajiet (kampjuni inkrementali) li għandhom jittieħdu biex jiġi ffurmat il-kampjun aggregat jekk il-lott jew is-sublott ikun magħmul minn pakketti jew unitajiet individwali, għajr is-supplimenti tal-ikel

Għadd ta’ pakketti jew ta’ unitajiet fil-lott/fis-sublott

Għadd ta’ pakketti jew unitajiet li għandhom jittieħdu

≤ 25

mill-inqas pakkett wieħed jew unità waħda

26-100

madwar 5 %, mill-inqas żewġ pakketti jew unitajiet

> 100

madwar 5 %, massimu ta’ 10 pakketti jew unitajiet


Tabella 4b

Għadd minimu u daqs tal-kampjuni inkrimentali għas-supplimenti tal-ikel

Daqs tal-lott (għadd ta’ pakketti)

Għadd ta’ pakketti (kampjuni inkrementali) li għandhom jittieħdu għall-kampjun

Piż tal-kampjun inkrementali

1-50

1

Il-kontenut sħiħ tal-pakkett

51-250

2

Il-kontenut sħiħ tal-pakkett

251-1 000

4

Minn kull pakkett għall-bejgħ bl-imnut meħud għall-kampjun, nofs il-kontenut tal-pakkett

> 1 000

erba’ pakketti + pakkett għal kull 1 000 pakkett għall-bejgħ bl-imnut b’massimu ta’ 25 pakkett għall-bejgħ bl-imnut

≤ 10 pakketti: minn kull pakkett għall-bejgħ bl-imnut meħud għall-kampjun, nofs il-kontenut tal-pakkett

> 10 pakketti: minn kull pakkett, jittieħed ammont ugwali li jirriżulta f’kampjun b’kontenut daqs il-kontenut ta’ ħames pakketti

Mhux magħruf (applikabbli biss għall-kummerċ elettroniku)

1

Il-kontenut sħiħ tal-pakkett”

(2)

fil-punt C.3.3.1., il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Kriterji ta’ prestazzjoni għall-metodi ta’ analiżi għaċ-ċomb, għall-kadmju, għall-merkurju, għal-landa inorganika u għall-arseniku inorganiku

Tabella 5

Parametru

Kriterju

Applikabbiltà

Ikel speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006

Speċifiċità

Mingħajr interferenzi matriċi jew spettrali

Ripetibbiltà (RSDr)

HORRATr inqas minn 2

Riproduċibbiltà (RSDR)

HORRATR inqas minn 2

Irkupru

Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punt D.1.2.

LOD

= tliet LOQ minn kull għaxra

LOQ

Landa inorganika

≤ 10 mg/kg

Ċomb

ML ≤ 0,02 mg/kg

0,02 < ML < 0,1 mg/kg

ML ≥ 0,1 mg/kg

≤ ML

≤ żewġ terzi tal-ML

≤ wieħed minn ħamsa tal-ML

Kadmju, merkurju, arseniku inorganiku

ML ≤ 0,02 mg/kg

0,02 < ML < 0,1 mg/kg

ML huwa ≥ 0,1 mg/kg

≤ tnejn minn ħamsa tal-ML

≤ tnejn minn ħamsa tal-ML

≤ wieħed minn ħamsa tal-ML”