5.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 156/21 |
REGOLAMENT (UE) 2021/693 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ April 2021
li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 81(1) u (2) u l-Artikolu 82(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li jikkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-Artikolu 3 TUE jispeċifika ulterjorment li l-mira tal-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha u li tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u tiżgura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew. Dawk il-valuri huma affermati u artikolati ulterjorment fid-drittijiet, fil-libertajiet u fil-prinċipji mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"). |
(2) |
Huwa kruċjali li dawk id-drittijiet u l-valuri jkomplu jiġu kkultivati, protetti u promossi, infurzati u kondiviżi b'mod attiv fost iċ-ċittadini u l-popli u lijibqgħu jkunu fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni, għax id-deterjorament fil-ħarsien ta' dawk id-drittijiet u l-valuri fi kwalunkwe Stat Membru jista' jkollu effetti detrimentali fuq l-Unjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, fil-baġit ġenerali tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi previst Fond ġdid għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri, li jinkludi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-Programm dwar il-Ġustizzja. Fi żmien meta s-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' estremiżmu, radikaliżmu u diviżjonijiet, u l-ispazju għas-soċjetà ċivili indipendenti qed jiċkien, huwa aktar importanti iżjed minn qatt qabel il-promozzjoni, it-tisħiħ u d-difiża tal-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Dan ser ikollu implikazzjonijiet diretti u profondi għall-ħajja politika, soċjali, kulturali u ekonomika fl-Unjoni. Bħala parti mill-Fond il-ġdid għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri, il-Programm dwar il-Ġustizzja (il-"Programm") f'konformità mal-Programm dwar il-Ġustizzja 2014-2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ser ikompli jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-ispazju tal-ġustizzja tal-Unjoni bbażat fuq l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, l-aċċess għall-ġustizzja u l-kooperazzjoni transkonfinali. Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri ser jiġbor flimkien il-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-2014-2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (6). |
(3) |
Jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal perijodu ta' seba' snin biex it-tul ta' żmien tiegħu jiġi allinjat ma' dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (7). |
(4) |
Il-Fond għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri u ż-żewġ programmi ta' finanzjament sottostanti tiegħu ser jiffokaw fuq il-persuni u l-entitajiet li jikkontribwixxu biex il-valuri komuni u d-diversità rikka tagħna kif ukoll id-drittijiet u l-ugwaljanza jieħdu l-ħajja u jkunu vibranti. L-objettiv aħħari huwa li titrawwem u tiġi sostnuta soċjetà demokratika, inklużiva, pluralista, miftuħa, ugwali u bbażata fuq id-drittijiet. Dan jinkludi soċjetà ċivili vibranti u emanċipata bħala parti kkonċernata ewlenija, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni demokratika, ċivika u soċjali tan-nies, u t-trawwim tad-diversità rikka tas-soċjetà Ewropea abbażi tal-valuri, l-istorja u l-memorja komuni tagħna. L-Artikolu 11 tat-TUE jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili u, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jsemmgħu l-fehmiet tagħhom u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni. |
(5) |
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-ħolqien ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri. Ir-rispett u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u tad-demokrazija fl-Unjoni huma prerekwiżiti għaż-żamma tad-drittijiet u l-obbligi kollha imnaqqxa fit-Trattati, u biex tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni. Il-mod li bih l-istat tad-dritt jiġi implimentat fl-Istati Membri jaqdi rwol vitali fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u bejn is-sistemi legali tagħhom. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Unjoni tadotta miżuri għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali. Sabiex jiġi żviluppat ulterjorment spazju Ewropew ta’ ġustizzja, jenħtieġ li jiġu żgurati u mrawma fil-livelli kollha r-rispett għad-drittijiet fundamentali kif ukoll għall-prinċipji u valuri komuni, bħan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali abbażi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta, kif ukoll is-solidarjetà, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għal kulħadd, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u sistema ġudizzjarja indipendenti li tiffunzjona tajjeb. |
(6) |
Il-finanzjament jenħtieġ li jibqa' wieħed mill-għodod importanti biex jiġu implimentati b'suċċess il-miri ambizzjużi stabbiliti bit-Trattati. Fost miżuri oħra, Programm dwar il-Ġustizzja flessibbli u effettiv huwa kruċjali sabiex jiffaċilita l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' dawk l-għanijiet. Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat b'mod faċli għall-utent, pereżempju permezz ta' applikazzjoni u proċedura ta' rappurtar faċli għall-utent, u jenħtieġ li jimmira għal kopertura ġeografika bbilanċjata. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċessibbiltà tal-Programm għat-tipi kollha ta' benefiċjarji. Fl-ambitu tal-pakkett finanzjarju għall-Programm, jenħtieġ li tinżamm ċerta flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-fondi fost objettivi speċifiċi. Jenħtieġ li l-marġini ta' flessibbiltà jiġi allokat, bħala prijorità, għal azzjonijiet li jappoġġaw il-promozzjoni tal-istat tad-dritt. |
(7) |
Sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment gradwali ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għal kulħadd, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, ħaġa li ilha element ewlieni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni sa mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999. Ir-rikonoxximent reċiproku jeħtieġ livell għoli ta' fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri. Diġà ġew adottati miżuri biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri f'diversi oqsma sabiex jiġi ffaċilitat r-rikonoxximent reċiproku u titrawwem il-fiduċja reċiproka. Qasam tal-ġustizzja li jiffunzjona tajjeb, fejn jiġu eliminati l-ostakli għall-proċedimenti ġudizzjarji transkonfinali u l-aċċess għall-ġustizzja f'sitwazzjonijiet transkonfinali, huwa wkoll ta' importanza kruċjali biex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u iżjed integrazzjoni. Fl-istess ħin, spazju Ewropew ta' ġustizzja li jiffunzjona kif suppost li jinkludi sistemi legali nazzjonali effiċjenti, indipendenti u ta' kwalità, kif ukoll livell ogħla ta' fiduċja reċiproka, huma meħtieġa għal suċċess fis-suq intern u biex jiġu difiżi l-valuri komuni tal-Unjoni. |
(8) |
L-aċċess għall-ġustizzja jenħtieġ li jinkludi, b'mod partikolari, l-aċċess għall-qrati, għal metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim u għal persuni f’karigi pubbliċi li huma obbligati bil-liġi li jipprovdu lill-partijiet pariri legali indipendenti u imparzjali. |
(9) |
Ir-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u l-promozzjoni tiegħu, huma essenzjali għal livell għoli ta' fiduċja reċiproka fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, u b'mod partikolari għal kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f'materji ċivili u kriminali, li hija bbażata fuq rikonoxximent reċiproku. L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta huwa espressjoni konkreta tal-istat tad-dritt. Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt permezz ta' appoġġ għall-isforzi biex jittejbu l-indipendenza, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, issaħħaħ il-fiduċja reċiproka, li hija indispensabbli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura huma parti mill-essenza tad-dritt għal proċess ġust u huma essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri Ewropej. Barra minn hekk, sistemi ġudizzjarji effiċjenti bi skadenzi raġonevoli għall-proċedimenti jipprovdu ċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati. |
(10) |
Skont il-punt (h) tal-Artikolu 81(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 82(1) TFUE, l-Unjoni għandha tappoġġa t-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal ġudizzjarju bħala mezz biex tiżviluppa l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. L-għoti ta' taħriġ lill-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja huwa għodda importanti għall-iżvilupp ta' fehim komuni ta' kif l-aħjar jiġu implimentati u jitħarsu l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Dan jikkontribwixxi għall-bini tal-ispazju Ewropew tal-ġustizzja billi joħloq kultura ġudizzjarja komuni fost il-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja tal-Istati Membri. Huwa essenzjali li tiġi żgurata applikazzjoni nondiskriminatorja, korretta,koerenti u konsistenti tal-liġi fl-Unjoni u li jkun hemm fiduċja u fehim reċiproċi bejn il-professjonisti tal-ġustizzja fi proċedimenti transkonfinali. L-attivitajiet ta' taħriġ appoġġati mill-Programm jenħtieġ li jkunu bbażati fuq valutazzjoni rigoruża tal-bżonnijiet tat-taħriġ, jużaw metodoloġiji tat-taħriġ bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, jinkludu avvenimenti transkonfinali li jinvolvu lil professjonisti tal-ġustizzja minn Stati Membri differenti, ikunu magħmulin minn elementi ta' tagħlim u networking attivi u jkunu sostenibbli. Dawn l-attivitajiet jenħtieġ li jinkludu taħriġ dwar it-terminoloġija legali, il-liġi ċivili u kriminali, u d-drittijiet fundamentali, u dwar ir-rikonoxximent reċiproku kif ukoll is-salvagwardji proċedurali. Tali attivitajiet jenħtieġ li jinkludu wkoll korsijiet ta' taħriġ għall-imħallfin, l-avukati u l-prosekuturi fir-rigward tal-isfidi u l-ostakli esperjenzati minn persuni li ta' spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew li jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal, il-minoranzi, il-persuni LGBTIQ, il-persuni b'diżabilità, u l-vittmi ta' vjolenza sessista, vjolenza domestika jew vjolenza f'relazzjonijiet intimi, u forom oħra ta' vjolenza interpersonali. Tali korsijiet ta' taħriġ jenħtieġ li jiġu organizzati bl-involviment dirett ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw jew jappoġġaw tali persuni u, fejn possibbli, bl-involviment ta' dawn tal-aħħar. Meta jitqies il-fatt li n-nisa huma sottorappreżentati fl-ogħla pożizzjonijiet fi ħdan il-ġudikatura, jenħtieġ li n-nisa mħallfin, in-nisa prosekuturi u n-nisa fi professjonijiet legali oħra jiġu mħeġġa jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' taħriġ. |
(11) |
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "ġudikatura u persunal ġudizzjarju" jenħtieġ li jiġi interpretat b'mod miftuħ sabiex jinkludi mħallfin, prosekuturi, il-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekutur, kif ukoll kwalunkwe professjonisti oħra tal-ġustizzja assoċjati mal-ġudikatura jew li b'xi mod ieħor jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, irrispettivament mid-definizzjoni fil-liġi nazzjonali, l-istatus legali jew l-organizzazzjoni interna tagħhom, bħal avukati, nutara, uffiċjali ġudizzjarji jew uffiċjali tal-infurzar, prattikanti fl-insolvenza, medjaturi, interpreti u tradutturi tal-qorti, esperti tal-qorti, persunal tal-ħabs u l-uffiċjali tal-probazzjoni. |
(12) |
It-taħriġ ġudizzjarju jista' jinvolvi atturi differenti, bħall-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi tal-Istati Membri, istituzzjonijiet akkademiċi, korpi nazzjonali responsabbli għat-taħriġ ġudizzjarju, organizzazzjonijiet jew networks ta' taħriġ fil-livell Ewropew, jew networks ta' koordinaturi tal-qorti tal-liġi tal-Unjoni. Il-korpi u l-entitajiet li jfittxu interess ġenerali Ewropew fil-qasam tat-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal ġudizzjarju, bħan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA), in-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (ENCJ), l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea (ACA-Europe), in-Network tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea (EUSJC ) u l-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA), ikomplu jaqdu r-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta' programmi ta' taħriġ b'dimensjoni Ewropea ġenwina għall-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju, u tali korpi jew entitajiet għaldaqstant ikunu jistgħu jingħataw appoġġ finanzjarju adegwat f'konformità mal-proċeduri u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta' ħidma adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. |
(13) |
Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-programm ta' ħidma annwali tal-EJTN, li huwa attur essenzjali fir-rigward tat-taħriġ ġudizzjarju. L-EJTN jinsab f'sitwazzjoni eċċezzjonali, minħabba li huwa l-uniku network fil-livell tal-Unjoni li jiġbor flimkien lill-korpi ta' taħriġ ġudizzjarju tal-Istati Membri. Dan jinsab f'pożizzjoni unika biex jorganizza skambji għal imħallfin u prosekuturi ġodda kif ukoll dawk esperjenzati bejn l-Istati Membri kollha, u biex jikkoordina l-ħidma tal-korpi nazzjonali ta' taħriġ ġudizzjarju rigward l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' taħriġ dwar il-liġi tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' prattiki tajba ta' taħriġ. L-EJTN huwa wkoll fornitur ta' attivitajiet ta' taħriġ ta' kwalità eċċellenti mwassla bl-aktar mod kosteffiċjenti fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, jinkludi wkoll lill-korpi ta' taħriġ ġudizzjarju ta' pajjiżi kandidati bħala membri osservaturi. Ir-rapport annwali tal-EJTN jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar it-taħriġ ipprovdut, imqassam skont, fost oħrajn, il-kategorija tal-persunal. |
(14) |
Il-miżuri skont il-Programm jenħtieġ li jappoġġaw ir-rikonoxximent reċiproku msaħħaħ ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji ċivili u kriminali, fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u l-approssimazzjoni neċessarja ta' leġislazzjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa wkoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali f'materji ċivili u kummerċjali. Jenħtieġ ukoll li jippromwovi konverġenza akbar fil-liġi ċivili, li tgħin biex jiġu eliminati l-ostakli għal proċeduri ġudizzjarji u extraġudizzjarji li jiffunzjonaw b'mod sodisfaċenti u b'mod effiċjenti għall-benefiċċju ta' kull parti f'tilwim ċivili. Fl-aħħar nett, sabiex jiġu appoġġati l-infurzar effettiv u l-applikazzjoni prattika tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-funzjonament tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (8). F'materji kriminali, il-Programm jenħtieġ li jgħin biex jitrawmu u jiġu implimentati regoli u proċeduri sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni kollha. Jenħtieġ li jiffaċilita l-kooperazzjoni u jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kooperazzjoni effettiva u għall-fiduċja reċiproka. Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, billi jiġu promossi u appoġġati d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità kif ukoll id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali. |
(15) |
Skont l-Artikolu 3TUE, l-Artikolu 24 tal-Karta u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u jenħtieġ li jintegra l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha tiegħu. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil azzjonijiet li għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-ġustizzja ċivili u kriminali, inkluż il-protezzjoni tat-tfal li jakkumpanjaw lill-ġenituri f'detenzjoni, it-tfal ta' ġenituri li jkunu l-ħabs u t-tfal li huma suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. |
(16) |
Il-Programm dwar il-Ġustizzja 2014-2020 ippermetta l-għoti ta' attivitajiet ta' taħriġ dwar il-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-fini u l-applikazzjoni tal-Karta, immirati lejn il-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni tal-Karta fl-2016, il-Kunsill fakkar fl-importanza li jixxerred l-għarfien fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Karta, inkluż fost dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti legali u d-detenturi stess tad-drittijiet, fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, sabiex id-drittijiet fundamentali jiġu armonizzati b'mod konsistenti, jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju jiġi estiż għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għal awtoritajiet pubbliċi għajr l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-prattikanti legali. |
(17) |
Skont l-Artikolu 67 TFUE, l-Unjoni għandha tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali. L-aċċess nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd huwa strumentali f'dan ir-rigward. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, u bil-għan li titrawwem il-fiduċja reċiproka li hija indispensabbli għall-funzjonament sodisfaċenti tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jenħtieġ li jiġi estiż l-appoġġ finanzjarju għal attivitajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali ta' awtoritajiet għajr l-awtoritajiet ġudizzjarji, ta’ prattikanti legali u ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi. Jenħtieġ li jingħata appoġġ, b'mod partikolari, għal attivitajiet li jiffaċilitaw aċċess effettiv u ugwali għall-ġustizzja għal persuni li ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni jew li qegħdin f'sitwazzjoni vulnerabbli. Huwa importanti li jiġu appoġġati attivitajiet ta' promozzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħan-networking, il-litigazzjoni, il-parteċipazzjoni f'kampanji, il-komunikazzjoni u attivitajiet oħra ta' sorveljanza. F'dan il-kuntest, il-professjonisti tal-ġustizzja assoċjati mal-ġudikatura u li jaħdmu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll rwol importanti x'jaqdu. |
(18) |
F'konformità mal-Artikoli 8 u 10 TFUE, fl-attivitajiet kollha tiegħu, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tan-nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tikkonferma d-dritt għal kapaċità ġuridika sħiħa u aċċess għall-ġustizzja għal persuni b'diżabilità. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni interim u dik finali tal-Programm jevalwaw l-impatti fuq is-sessi sabiex jiġi vvalutat il-punt sa fejn dan qed jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġi vvalutat jekk il-Programm hux qed ikollu impatti negattivi mhux intenzjonati fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, f'konformità mal-punt 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewopea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprja ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (9) (il-"Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020"). F'dan il-kuntest u filwaqt li jitqiesu n-natura u d-daqs differenti tal-attivitajiet tal-objettivi speċifiċi tal-Programm, ikun importanti li, kull meta jkun possibbli, id-data individwali miġbura mill-promoturi tal-proġett tinqasam skont is-sess. Huwa importanti wkoll li l-applikanti jingħataw informazzjoni dwar kif għandhom iqisu l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż informazzjoni dwar l-użu ta' għodod għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħall-ibbaġitjar skont is-sessi u valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi fejn ikun neċessarju. Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat il-bilanċ bejn is-sessi meta jiġu kkonsultati esperti u partijiet ikkonċernati. |
(19) |
Fl-attivitajiet kollha tiegħu u fejn rilevanti, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa u jipproteġi wkoll id-drittijiet tal-vittmi kemm f'materji ċivili kif ukoll f'dawk kriminali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jittejbu l-implimentazzjoni tad-diversi strumenti tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-vittmi, u għall-koordinazzjoni bejniethom, kif ukoll għall-azzjonijiet immirati lejn l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-qrati u l-prattikanti legali li jaħdmu fuq każijiet ta' vjolenza. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa wkoll it-titjib tal-għarfien u l-użu ta' strumenti ta' rimedju kollettiv. |
(20) |
L-azzjonijiet koperti bil-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja, filwaqt li jrawmu l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistema legali, isaħħu l-kooperazzjoni u n-networking transkonfinali, li jirfdu l-fiduċja reċiproka bejn il-ġudikaturi tal-Istati Membri u billi jiżguraw l-applikazzjoni korretta, koerenti u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni. L-attivitajiet ta' finanzjament jenħtieġ ukoll li jikkontribwixxu għal fehim komuni tal-valuri tal-Unjoni u tal-istat tad-dritt, għal għarfien aħjar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni, għall-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattiki fl-użu ta' strumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja mill-partijiet ikkonċernati kollha kkonċernati, kif ukoll għal proliferazzjoni u promozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali interoperabbli li jirfdu l-kooperazzjoni transkonfinali effiċjenti u bla xkiel, u jenħtieġ li dawn jipprovdu bażi analitika soda għall-appoġġ tal-iżvilupp, l-infurzar u l-fehim u implimentazzjoni xierqa tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni. L-intervent tal-Unjoni jippermetti li dawk l-azzjonijiet jitwettqu b'mod konsistenti fl-Unjoni kollha u jwassal għal ekonomiji ta' skala. Barra minn hekk, l-Unjoni tinsab f'pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tindirizza sitwazzjonijiet transkonfinali u tipprovdi pjattaforma Ewropea għal tagħlim reċiproku u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki. |
(21) |
Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kull meta l-liġi tal-Unjoni jkollha dimensjoni esterna, b'kont meħud tal-konsegwenzi esterni, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u jiffaċilita l-indirizzar tal-isfidi ġudizzjarji u proċedurali. |
(22) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura konsistenza kumplessiva, komplementarjetà u sinerġiji mal-ħidma tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), u jenħtieġ li tqis il-ħidma ta' atturi nazzjonali u internazzjonali oħra fl-oqsma koperti mill-Programm. |
(23) |
Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-azzjonijiet kollha mwettqa taħt il-Programm ikollhom valur miżjud tal-Unjoni, jikkumplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri u jkunu konsistenti ma' azzjonijiet oħra tal-Unjoni. Il-konsistenza, il-kumplementarjetà u s-sinerġiji jenħtieġ li jiġu mfittxija permezz tal-programmi ta' finanzjament li jappoġġaw oqsma ta' politika li huma interkonnessi mill-qrib, b'mod partikolari mal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, kif ukoll mal-Programm dwar is-Suq Uniku, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-programmi fl-oqsma tal-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri, b'mod partikolari il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, u l-Fond għas-Sigurtà Interna, programmi fil-qasam tal-infrastruttura strateġika, b'mod partikolari l-Programm Ewropa Diġitali, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Erasmus+, stabbilit bir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), Orizzont Ewropa, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Programm LIFE, stabbilit bir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). |
(24) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-Programm, li jrid jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(25) |
F'konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) (ir-"Regolament Finanzjarju"), tista' tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista' juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta' għotja. Madankollu, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli, ħlief f'każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista' jkun ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli, għal perijodu limitat ta' żmien fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, li l-kostijiet imġarrba fir-rigward ta' azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament li diġà nbdew jitqiesu eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021, anki jekk dawn iġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja. |
(26) |
Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni. |
(27) |
It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu riżultati, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, il-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-benefiċjarji fil-mira, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta' konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi kunsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u kostijiet ta' unità, kif ukoll ta' finanzjament mhux marbut ma' kostijiet kif imsemmija fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju. |
(28) |
F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (17), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (18) u (UE) 2017/1939 (19), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett, u fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta' penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-UPPE għandu s-setgħa, f'konformità imar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għal prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. |
(29) |
Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (21), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta' deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jieħdu sehem abbażi ta' strumenti ġuridiċi oħrajn. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. |
(30) |
Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli tar-responsabbiltà ta' atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. |
(31) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (22), il-persuni u korpi pubbliċi u/jew privati u istituzzjonijiet rilevanti f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-objettivi tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew it-territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut. |
(32) |
Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-impenji tal-Unjoni meħuda għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil tal-Klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm huwa maħsub li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta' azzjoni klimatika u għall-kisba ta' mira ġenerali ta’ 30 % tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni li jappoġġa l-objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni li, fl-2024, 7,5 % tal-baġit tal-Unjoni jkun allokat għal infiq tal-bijodiversità u 10 % fl-2026 u fl-2027 filwaqt li jitqiesu d-duplikazzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. Il-Programm għandu jappoġġa attivitajiet li jirrispettaw l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u l-prinċipju 'la tagħmilx ħsara' tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-azzjonijiet rilevanti għandhom jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm, u jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u l-proċessi ta' rieżami rilevanti. |
(33) |
Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (23), jenħtieġ li dan il-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat il-piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fil-prattika. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena dwar il-prestazzjoni tal-Programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi ħdan il-mekkaniżmi ta' rappurtar eżistenti, b'mod partikolari t-tabella ta' valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE. |
(34) |
Sabiex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward ta’ indikaturi kif indikat fl-Artikoli 13 u 15 u fl-Anness II. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija , ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati. |
(35) |
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24). |
(36) |
Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja bbażat fuq l-istat tad-dritt, ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, b'mod partikolari billi jippromwovi l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(37) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1382/2013 jitħassar. |
(38) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti u sabiex l-implimentazzjoni tkun tista' ssir mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplika, b'effett retroattiv, mill-1 ta' Jannar 2021. |
(39) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
(40) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja (il-"Programm") għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093.
Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perijodu 2021-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' tali finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, "ġudikatura u persunal ġudizzjarju" tfisser l-imħallfin, il-prosekuturi u membri tal-persunal tal-qorti u tal-uffiċċji tal-prosekutur, kif ukoll kwalunkwe professjonist ieħor tal-ġustizzja assoċjat mal-ġudikatura.
Artikolu 3
Objettivi tal-Programm
1. Il-Programm għandu l-objettiv ġenerali li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja bbażat fuq l-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, u fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja, biex b'hekk isaħħaħ ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
2. Fl-ambitu tal-objettiv ġenerali stabbilit fil-paragrafu 1, il-Programm għandu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
(a) |
li jiffaċilita u jappoġġa l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali, u jippromwovi l-istat tad-dritt u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, inkluż permezz tal-appoġġ lill-isforzi għat-titjib tal-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet; |
(b) |
li jappoġġa u jippromwovi t-taħriġ ġudizzjarju, bil-ħsieb li titrawwem kultura komuni legali u ġudizzjarja kif ukoll kultura bbażata fuq l-istat tad-dritt, u li jappoġġa u jippromwovi l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-istrumenti legali tal-Unjoni li huma rilevanti fil-kuntest tal-Programm; |
(c) |
li jiffaċilita l-aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd, u rimedju effettiv, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi (il-ġustizzja elettronika), permezz tal-promozzjoni ta' proċeduri ċivili u kriminali effiċjenti u l-promozzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-vittmi kollha ta' reati kriminali kif ukoll id-drittijiet proċedurali tas-suspettati u tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali. |
Artikolu 4
Integrazzjoni
Fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha tiegħu, il-Programm għandu jfittex li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tat-tfal, inkluż permezz ta' ġustizzja adattata għat-tfal, il-protezzjoni tal-vittmi u l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet u tan-nondiskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta, f'konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta u fil-limiti stabbiliti minnu.
Artikolu 5
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta' EUR 305 000 000 f'termini ta' prezzijiet attwali.
2. L-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 jista' jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni, inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.
3. F'konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, b'kont meħud tad-dħul fis-seħħ tardiva ta' dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, għal perijodu limitat, il-kostijiet imġarrba fir-rigward ta' azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021, anki jekk dawn iġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.
4. Fl-ambitu tal-pakkett finanzjarju għall-Programm, l-ammonti għandhom ikunu allokati għal kull objettiv speċifiku skont il-perċentwali stipulati fl-Anness I.
5. Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Politika dwar il-Viżi (ir-“Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027”). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f'konformità mal-punt (c) ta' dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 6
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:
(a) |
membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-ŻEE, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea; |
(b) |
pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi; |
(c) |
pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f'konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi; |
(d) |
pajjiżi terzi oħra, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:
|
Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 7
Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-Unjoni
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta mill-korpi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tiegħu.
2. Il-Programm jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stipulati fir-Regolament Finanzjarju.
3. Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta' fondi dovuti minn riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695.
Artikolu 8
Tipi ta' azzjoni
L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettiv speċifiku kif stabbilit fl-Artikolu 3 jistgħu jirċievu finanzjament skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-attivitajiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament:
(a) |
is-sensibilizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni biex jitjieb l-għarfien tal-politiki tal-Unjoni u tal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-liġi sostantiva u proċedurali, l-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi komparattiva u l-istandards Ewropej u internazzjonali, inkluż il-fehim tal-interazzjoni bejn oqsma differenti tal-liġi; |
(b) |
it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattiki tajba fost il-partijiet ikkonċernati biex jittejbu l-għarfien u l-komprensjoni reċiproka tal-liġi ċivili u kriminali u tas-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri, inkluż l-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja, u biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; |
(c) |
l-attivitajiet analitiċi u ta' monitoraġġ biex jittejbu l-għarfien u l-fehim ta' ostakli potenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-ispazju Ewropew ta' ġustizzja, u biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni fl-Istati Membri, bħal attivitajiet li jinkludu l-ġbir ta' data u statistika; l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni u, fejn xieraq, ta’ indikaturi jew ta’ punti ta' riferiment; studji, riċerka, analiżi u stħarriġ; evalwazzjonijiet; valutazzjoni tal-impatt; u l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta' gwidi, rapporti u materjal edukattiv; |
(d) |
it-taħriġ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jittejjeb l-għarfien tal-liġi u tal-politiki tal-Unjoni, inkluż il-liġi sostantiva u proċedurali, id-drittijiet fundamentali, l-użu tal-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-lingwaġġ legali u l-liġi komparattiva; |
(e) |
l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) kif ukoll ta' għodod tal-ġustizzja elettronika, b'kont meħud tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, biex jittejbu l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u l-kooperazzjoni bejniethom permezz tal-ICT, inkluż l-interoperabbiltà transkonfinali tas-sistemi u l-applikazzjonijiet; |
(f) |
l-iżvilupp tal-kapaċità ta' networks ewlenin fil-livell Ewropew u ta' networks ġudizzjarji Ewropej, inklużi networks stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tal-liġi tal-Unjoni, jiġu promossi u żviluppati aktar il-liġi, il-valuri, l-għanijiet ta' politika u l-istrateġiji tal-Unjoni fl-oqsma tal-Programm; |
(g) |
l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati mingħajr skop ta' qligħ u li huma attivi fl-oqsma koperti mill-Programm sabiex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu u li joffru sostenn kif ukoll li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess adegwat għas-servizzi, għall-attivitajiet ta' konsulenza u għall-attivitajiet ta' appoġġ tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; |
(h) |
it-titjib tal-għarfien tal-Programm u d-disseminazzjoni, it-trasferibbiltà u t-trasparenza tar-riżultati tiegħu u t-trawwim ta' sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, inkluż billi jiġu organizzati fora għal diskussjoni fost il-partijiet ikkonċernati. |
KAPITOLU II
GĦOTJIET
Artikolu 9
Għotjiet
1. L-għotjiet skont il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f'konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni jistgħu jkunu esperti esterni.
Artikolu 10
Finanzjament kumulattiv u alternattiv
1. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni skont il-Programm tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, inkluż minn fondi b’ġestjoni kondiviża, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkulat fuq bażi prorata f'konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.
2. L-azzjonijiet mogħtija tikketta tas-Siġill ta' Eċċellenza taħt il-Programm jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, f'konformità mal-Artikolu 73(4) tal-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027) jekk jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a) |
ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti skont il-Programm; |
(b) |
jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi ta' kwalità ta' din is-sejħa għal proposti; |
(c) |
ma jistgħux jiġu ffinanzjati skont din is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji. |
Artikolu 11
Entitajiet eliġibbli
1. Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Għandhom ikunu eliġibbli l-entitajiet li ġejjin:
(a) |
kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fi:
|
(b) |
kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali. |
3. Il-Programm għandu jappoġġa l-infiq tal-ETJN assoċjat mal-programm ta' ħidma permanenti tiegħu, u kwalunkwe għotja operattiva għal dak il-għan għandha tingħata mingħajr sejħa għal proposti f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.
KAPITOLU III
PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL
Artikolu 12
Programm ta' ħidma
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta' att ta' implimentazzjoni. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18.
Artikolu 13
Monitoraġġ u rappurtar
L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 jinsabu fl-Anness II.
Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 15, sabiex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi fejn dan ikun ikkunsidrat neċessarju kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament bid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni.
Is-sistema ta' rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżulatati tal-Programm jinġabru b'mod effiċjenti, effettiv, u f'waqtu. Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rappurtar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena dwar il-prestazzjoni tal-Programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi ħdan il-mekkaniżmi ta' rappurtar eżistenti, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-użu tal-fondi allokati għal kull objettiv speċifiku. Fir-rapport tagħha, hija għandha tispeċifika t-tipi ta' azzjoni li rċevew finanzjament, inkluż azzjonijiet marbuta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Abbażi ta' dak ir-rapport, il-Parlament Ewropew jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet.
Artikolu 14
Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet tal-Programm għandhom jitwettqu f'waqthom bil-għan li jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tiegħu.
3. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm fi tmiem tal-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 15
Eżerċizzju tad-delega
1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu..
2. Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2027.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 16
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta' deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta' kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 17
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
Ir-riċevituri ta' finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-media u lill-pubbliku.
Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba.
Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prioritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 18
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 19
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.
Artikolu 20
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika ta’ azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2. Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013.
3. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 5(2), biex tkun tista' ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2027.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 178.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-19 ta' April 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ara paġna xxx ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25).
(9) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(10) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (il-Programm dwar is-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L166, 11.5.2021, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' xxx li jistabbilixxi l-Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (għadha mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(13) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' xxx li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 (għadha mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(15) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(16) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(17) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(19) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(20) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(22) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(23) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(24) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
ANNESS I
Fl-ambitu tal-pakkett finanzjarju tal-Programm, l-ammonti għandhom jiġu allokati kif ġej għal kull objettiv speċifiku:
(a) |
27 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2); |
(b) |
36 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2); |
(c) |
27 % għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2); |
(d) |
10 % għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 3(2). |
ANNESS II
INDIKATURI
Il-Programm għandu jiġi mmonitorjat abbażi ta' sett ta' indikaturi intiżi biex ikejlu sa fejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu jkunu ntlaħqu filwaqt li jiġu minimizzati l-piż u l-kostijiet amministrattivi. Għal dak il-għan, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, ser tinġabar data fir-rigward tas-sett ta' indikaturi li ġejjin:
(1) |
l-għadd ta' membri tal-ġudikatura u ta' persunal ġudizzjarju li pparteċipaw f'attivitajiet ta' taħriġ (inklużi skambji ta' persunal, żjarat ta' studju, sessjonijiet ta' ħidma u seminars) iffinanzjati mill-Programm, inkluż permezz ta' għotja operattiva tal-EJTN; |
(2) |
l-għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili appoġġati mill-Programm; |
(3) |
l-għadd ta' skambji ta' informazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS); |
(4) |
l-għadd ta' hits fil-portal tal-Ġustizzja elettronika / il-paġni li jindirizzaw il-ħtieġa għal informazzjoni dwar kawżi ċivili u kriminali transkonfinali; |
(5) |
l-għadd ta' nies f'kull objettiv speċifiku li pparteċipaw fi:
|
Id-data individwali kollha għandha tinqasam skont is-sess kull meta jkun possibbli. L-evalwazzjonijiet interim u finali tal-Programm għandhom jiffukaw fuq kull objettiv speċifiku, u għandhom jinkludu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jevalwaw l-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi.