26.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/668

tat-23 ta’ April 2021

li jawtorizza bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/827/KE (3) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), it-tqegħid fis-suq fl-Unjoni taż-żerriegħa taċ-Chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid biex jintuża fil-prodotti tal-ħobż.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/50/UE (5) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, l-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid biex jintuża fil-kategoriji tal-ikel addizzjonali kif ġej: prodotti moħmija; ċereali tal-kolazzjon; taħlitiet tal-frott, tal-ġewż u taż-żrieragħ u pakketti lesti taż-żerriegħa taċ-chia bħala tali.

(5)

Fit-18 ta’ Settembru 2015, l-awtorità kompetenti tal-Irlanda ħarġet ittra uffiċjali (6) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, li tawtorizza estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid fil-kategoriji tal-ikel addizzjonali, b’mod partikolari l-meraq tal-frott u minn taħlitiet tal-meraq tal-frott/tal-ħaxix.

(6)

Fis-17 ta’ Ottubru 2017, l-awtorità kompetenti tal-Awstrija ħarġet ittra uffiċjali (7) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, li tawtorizza estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid fil-kategoriji tal-ikel addizzjonali, jiġifieri l-pejstijiet tal-frott.

(7)

Fit-2 ta’ Novembru 2017, l-awtorità kompetenti ta’ Spanja ħarġet ittra uffiċjali (8) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, li tawtorizza estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid fil-kategoriji tal-ikel addizzjonali, jiġifieri fi platti ppreparati sterilizzati abbażi ta’ ħbub taċ-ċereali, psewdoċereali u/jew legumi.

(8)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2354 (9) awtorizzat, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 258/97, l-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid biex jintuża f’kategorija ta’ ikel addizzjonali, jiġifieri l-jogurt.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/24 (10) awtorizza estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia bħala ikel ġdid biex jintuża f’għadd ta’ kategoriji addizzjonali ta’ ikel, ta’ ċerti bidliet tal-kundizzjonijiet tal-użu u tar-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar taż-żrieragħ taċ-chia f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/2283.

(10)

F’konformità mal-awtorizzazzjonijiet preċedenti, iż-żrieragħ taċ-chia huma awtorizzati għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni bil-kundizzjonijiet speċifikati tal-użu, inklużi “żrieragħ taċ-chia preimballata kif inhi”. F’Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet mistoqsija mill-assoċjazzjoni “Réseau Vrac” dwar jekk iż-żrieragħ taċ-chia preimballata (sfużi, bl-ingrossa) jistgħux jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni wkoll.

(11)

Wara din il-mistoqsija, il-Kummissjoni kompliet tevalwa jekk it-tneħħija tat-terminu “preimballata” mill-kategorija taż-“żrieragħ taċ-chia preimballata kif inhi” huwa sikur ukoll. Dik l-emenda tippermetti lill-operaturi ta’ negozju tal-ikel biex iqiegħdu ż-żrieragħ taċ-chia kif inhuma fis-suq tal-Unjoni fil-forom preimballati u dawk li ma humiex preimballati (sfużi, bl-ingrossa). Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-lista tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għall-aġġornament tal-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid fuq l-inizjattiva tagħha stess.

(13)

Fl-opinjoni tagħha tal-14 ta’ Marzu 2019 fir-rigward ta’ “Safety of chia seeds (Salvia hispanica L.) as a novel food for extended uses pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (11), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-użu taż-żrieragħ taċ-chia f’ikel li waqt il-manifattura, l-ipproċessar jew il-preparazzjoni tagħhom, ma jirrikjedux trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew iktar, huma sikuri mingħajr restrizzjonijiet u prekawzjonijiet speċifiċi rigward il-livelli tal-użu tagħhom.

(14)

Il-Kummissjoni tqis li mhijiex meħtieġa evalwazzjoni tas-sikurezza tal-bidla proposta għall-kundizzjonijiet tal-użu mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283, peress li l-bidla, fil-kundizzjonijiet tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salva hispanica) bħala ikel ġdid, permezz tat-tneħħija tal-forom li fihom iż-żrieragħ taċ-chia kif inhuma jistgħu jitqiegħdu fis-suq, ma jistax ikollha effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(15)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi awtorizzat ukoll it-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ taċ-chia mingħajr preimballaġġ.

(16)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat, kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/2283, u inkluża fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, li tirreferi għaż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica), bħala ikel ġdid, għandu jiġi emendat kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/827/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa taċ-Chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent alimentari ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 11.11.2009, p. 14).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/50/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza estensjoni tal-użu taż-żerriegħa taċ-Chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21, 24.1.2013, p. 34).

(6)  Ittra tat-18 ta’ Settembru 2015 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/novel-food_authorisation_2015_auth-letter_chia-seeds-2_mt.pdf).

(7)  Ittra tas-17 ta’ Ottubru 2017 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/novel-food_authorisation_2017_auth-letter_chia-seeds_mt.pdf).

(8)  Ittra tat-2 ta’ Novembru 2017 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/novel-food_authorisation_2017_auth-letter_chia-seeds-ext-steri_mt.pdf).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2354 tal-14 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza l-estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-Chia (Salvia hispanica) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 336, 16.12.2017, p. 49).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/24 tat-13 ta’ Jannar 2020 li jawtorizza estensjoni tal-użu taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) bħala ikel ġdid u l-bidla tal-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar taż-żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica) skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 8, 14.1.2020, p. 12).

(11)  EFSA Journal 2019;17(4):5657.


ANNESS

L-entrata għaż-“żerriegħa taċ-chia (Salvia hispanica)” fit-Tabella 1 fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 hija sostitwita b’dan li ġej:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

“Żrieragħ taċ-chia (Salvia hispanica)

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ikel għandha tkun ‘Żrieragħ taċ-Chia (Salvia hispanica)’

 

Prodotti mill-ħobż

5 % (żrieragħ taċ-chia sħaħ jew mitħuna)

Prodotti moħmija

10 % żrieragħ taċ-chia sħaħ

Ċereali tal-kolazzjon

10 % żrieragħ taċ-chia sħaħ

Ikliet sterilizzati lesti biex jittieklu magħmulin mill-ħbub taċ-ċereali, mill-ħbub psewdoċerealiċi u/jew mill-bus u mill-ħemes

5 % żrieragħ taċ-chia sħaħ

Taħlitiet tal-frott, tal-ġewż u taż-żrieragħ

 

Żrieragħ taċ-Chia kif inhi

 

Prodotti tal-ħelu (inklużi ċikkulata u prodotti taċ-ċikkulata), esklużi chewing gums

 

Prodotti tal-ħalib (inkluż il-jogurt) u analogi

 

Silġ li jittiekel

 

Prodotti tal-frott u tal-ħaxix (inklużi pejsts tal-frott, compotes biċ-ċereali jew mingħajr, preparazzjonijiet tal-frott li jservu ta’ bażi jew biex jitħalltu ma’ prodotti tal-ħalib, deżerti tal-frott, frott imħallat mal-ħalib tal-ġewż tal-Indi għal kontenitur b’żewġ kompartimenti)

 

Xarbiet mhux alkoħoliċi (inkluż meraq tal-frott u xorb b’taħlita ta’ frott/ħaxix)

 

Pudini li ma jeħtiġux trattament bis-sħana ta’ 120 °C jew aktar fil-manifattura, fl-ipproċessar jew fil-preparazzjoni tagħhom”