|
22.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 137/14 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/657
tal-21 ta’ April 2021
li jirreġistra isem fir-reġistru ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Caşcaval de Săveni” (IĠP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tar-Rumanija biex l-isem “Caşcaval de Săveni” jiġi rreġistrat fir-reġistru bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Fit-30 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mill-Bulgarija. Fit-2 ta’ April 2020, il-Kummissjoni għaddiet lir-Rumanija l-avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li rċeviet mir-Rumanija. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħtet il-Bulgarija u sabitha ammissibbli. Il-kelma “кашкавал”, li ġiet ippreżentata fid-dikjarazzjoni tar-Rumanija bit-traskrizzjonijiet “kashkaval” jew “kaschaval”, hija omonima mal-isem “caşcaval” li jifforma parti mill-isem kompost “Caşcaval de Săveni”. It-terminu “кашкавал” huwa l-isem użat fil-Bulgarija għal prodotti bażiċi tal-ħalib li huma prodotti u kummerċjalizzati fil-Bulgarija fuq skala kummerċjali. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni sostniet li r-reġistrazzjoni tal-isem propost tipperikola l-eżistenza tal-isem “кашкавал” jew ta’ trademarks li jinkludu t-terminu “кашкавал” u l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom legalment fis-suq Bulgaru għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Caşcaval de Săveni”. |
|
(4) |
B’ittra datata t-28 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom. |
|
(5) |
Ir-Rumanija u l-Bulgarija laħqu ftehim, li ġie nnotifikat mir-Rumanija lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Awwissu 2020, fi ħdan l-iskadenza stipulata. |
|
(6) |
Ir-Rumanija u l-Bulgarija kkonkludew li jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-isem “Caşcaval de Săveni” fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti ma tkunx ta’ detriment għat-talbiet futuri tal-Bulgarija għar-reġistrazzjoni ta’ isem kompost inkluż it-terminu “кашкавал” fil-qafas tal-iskemi tal-kwalità tal-UE. |
|
(7) |
Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija jenħtieġ li jitqies billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
(8) |
Fit-8 ta’ April 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata relatata mill-Greċja. Il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta’ oppożizzjoni lir-Rumanija fis-16 ta’ April 2020. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-oppożizzjoni li bagħtet il-Greċja u sabitha ammissibbli. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ssotni li r-reġistrazzjoni tal-isem propost tipperikola l-eżistenza tal-isem “кашкавал” jew ta’ trademarks li jinkludu t-terminu “кашкавал” u l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom legalment fis-suq Grieg għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Caşcaval de Săveni”. |
|
(10) |
B’ittra datata t-2 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom. |
|
(11) |
Fit-28 ta’ Awwissu 2020, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Rumanija ressqet talba għall-estensjoni tal-iskadenza għall-konsultazzjonijiet mal-Greċja fil-proċedura ta’ oppożizzjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni msemmija hawn fuq li ntlaqgħet mill-Kummissjoni. |
|
(12) |
Ir-Rumanija u l-Greċja laħqu ftehim, li ġie nnotifikat mir-Rumanija lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2020, fi ħdan l-iskadenza stipulata. |
|
(13) |
Ir-Rumanija u l-Greċja qablu li jenħtieġ li l-protezzjoni tal-isem “Caşcaval de Săveni” ma tkoprix l-isem waħdu “caşcaval” iżda biss l-isem kompost “Caşcaval de Săveni” bħala tali. Barra minn hekk, huma kkonkludew li jenħtieġ li r-Regolament li jirreġistra l-isem “Caşcaval de Săveni” fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti jiċċara l-ambitu għall-użu kontinwu tat-terminu “caşcaval”. |
|
(14) |
Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn ir-Rumanija u l-Greċja jenħtieġ li jitqies billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-UE. |
|
(15) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-isem “Caşcaval de Săveni” (IĠP) jiġi protett bħala tali, filwaqt li t-terminu “caşcaval” jista’ jkompli jiġi użat fit-tikkettar u fil-preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni dment li jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “Caşcaval de Săveni” (IĠP) huwa rreġistrat.
L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.3. Ġobon, kif speċifikat fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).
Artikolu 2
It-terminu “caşcaval” jista’ jibqa’ jintuża fit-tikkettar jew fil-preżentazzjonijiet fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, dment li jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridika tagħha.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).