13.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/587

tat-12 ta’ April 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jenħtieġ li jiġġeddu sat-13 ta’ April 2022.

(3)

Persuna waħda indikata fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 hija mejta, u jenħtieġ li l-entrata tiegħu titneħħa minn dak l-Anness. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li jenħtieġ li l-entrati li jikkonċernaw 34 persuna u entità waħda inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġu aġġornati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


ANNESS

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)") huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata 16 (dwar HADDAD Hassan (magħruf ukoll bħala Hassan ZAREH DEHNAVI) fil-lista intitolata “Persuni” hija mħassra;

(2)

l-entrati segwenti għal 34 persuna u entità waħda huma sostitwiti b’dan li ġej:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

AHMADI- MOQADDAM Esmail

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1961

Sess: raġel

Eks Konsulent Għoli għall-Affarijiet ta’ Sigurtà tal-Kap tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati. Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran mill-2005 sa kmieni fl-2015. Kap tal-Pulizija Ċibernetika Iranjana (elenkata) minn Jannar 2011 sa kmieni fl-2015 ukoll. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu wettqu attakki brutali fuq protesti paċifiċi, u attakk vjolenti mal-lejl fuq id-dormitorji tal-Università ta’ Tehran fil-15 ta’ Ġunju 2009. Eks kap tal-Kwartieri Ġenerali tal-Iran b’appoġġ għall-Poplu Jemenita.

12.4.2011

4.

FAZLI Ali

Sess: raġel

Titlu: Brigadier Ġeneral

Eks Kap tal-Kulleġġ tal-Kadetti Imam Hossein (2018-Ġunju 2020). Eks viċi Kmandant tal-Basij (2009-2018), Kap tal-Korp Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta’ Tehran (sa Frar 2010). Il-Korp Seyyed al-Shohada huwa inkarigat mis-sigurtà fil-provinċja ta’ Tehran u kellu rwol prinċipali fir-repressjoni brutali ta’ dimostranti fl-2009.

12.4.2011

8.

MOTLAGH Bahram Hosseini

Sess: raġel

Membru tal-persunal tal-għalliema tal-Università Imam Hossein (Gwardjani tar-Rivoluzzjoni). Eks Kap tal-Kmand tal-Armata u tal-Kulleġġ tal-Persunal Ġenerali (DAFOOS). Eks Kap tal-Korp Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta’ Tehran. Il-Korp Seyyed al-Shohada kellu rwol prinċipali fl-organizzazzjoni tar-repressjoni tal-protesti fl-2009.

12.4.2011

11.

RAJABZADEH Azizollah

Sess: raġel

Kmandant tal-Kwartieri Ġenerali tal-Ordni Urbana mill-2014. Eks Kap tal-Organizzazzjoni ta’ Mitigazzjoni tad-Diżastri ta’ Tehran (2010-2013). Bħala Kap tal-Pulizija ta’ Tehran sa Jannar 2010, kien responsabbli mill-attakki vjolenti tal-pulizija fuq dimostranti u studenti. Bħala Kmandant tal-Forzi ta’ Infurzar tal-Liġi fi Greater Tehran, kien l-akkużat bl-ogħla kariga fil-każ tal-abbużi fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Kahrizak f’Diċembru 2009.

12.4.2011

15.

DORRI-NADJAFABADI Ghorban-Ali

Post tat-twelid: Najafabad (Iran)

Data tat-twelid: 3.12.1950

Sess: raġel

Membru tal-Assemblea tal-Esperti u rappreżentant tal-Mexxej Suprem fil-Provinċja ta’ Markazi (“Ċentrali”) u Kap tal-Qorti Amministrattiva Suprema. Prosekutur Ġenerali tal-Iran sa Settembru 2009, kif ukoll eks Ministru għall-Intelligence matul il-Presidenza ta’ Khatami. Bħala Prosekutur Ġenerali tal-Iran, huwa ordna u ssorvelja l-proċessi spettaklu b’segwitu għall-ewwel protesti ta’ wara l-elezzjonijiet, fejn l-akkużati kienu miċħuda d-drittijiet tagħhom, u avukat.

12.4.2011

19.

JAFARI- DOLATABADI Abbas

Post tat-twelid: Yazd (Iran)

Data tat-twelid: 1953

Sess: raġel

Konsulent għall-Qorti Dixxiplinari Suprema tal-Imħallfin sa mid-29 ta’ April 2019. Eks Prosekutur Ġenerali ta’ Tehran (Awwissu 2009-April 2019). L-uffiċċju ta’ Dolatabadi akkuża numru kbir ta’ persuni li pprotestaw, inklużi individwi li ħadu sehem fil-protesti ta’ Jum l-Ashura f’Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta’ Karroubi f’Settembru 2009 u l-arrest ta’ diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f’Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw b“Muharebeh’, jew ‘mibegħda kontra Alla’, li ġġorr il-piena tal-mewt, u ċaħad proċess dovut lil dawk li kienu qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt. L-uffiċċju tiegħu fittex u arresta wkoll riformisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u membri tal-media, bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika.

F’Ottubru 2018 huwa ħabbar lill-media li l-erba’ attivisti ambjentali Iranjani li ġew arrestati kellhom jiġu akkużati bi “trawwim tal-korruzzjoni fid-dinja”, akkuża li ġġorr il-piena tal-mewt.

12.4.2011

21.

MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein

Post tat-twelid: Ejiyeh (Iran)

Data tat-twelid: madwar 1956

Sess: raġel

Membru tal-Kunsill ta’ Espedjenza. Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 sal-2014. Eks Viċi Kap u kelliem għall-Ġudikatura. Eks Ministru għall-Intelligence matul l-elezzjonijiet tal-2009. Waqt li kien Ministru għall-Intelligence matul l-elezzjoni tal-2009, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni, tortura u l-akkwist ta’ stqarrijiet foloz bl-użu ta’ pressjoni mingħand mijiet ta’ attivisti, ġurnalisti, dissidenti u politiċi riformisti. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjoni insopportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatti, u t-theddid ta’ membri tal-familja.

12.4.2011

22.

MORTAZAVI Said

Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran)

Data tat-twelid: 1967

Sess: raġel

Kap tas-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali mill-2011 sal-2013. Prosekutur Ġenerali ta’ Tehran sa Awwissu 2009. Bħala Prosekutur Ġenerali ta’ Tehran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta’ mijiet ta’ attivisti, ġurnalisti u studenti. F’Jannar 2010 investigazzjoni parlamentari sabitu direttament responsabbli għad-detenzjoni ta’ tliet ħabsin li sussegwentement mietu fil-ħabs. Huwa ġie sospiż mill-kariga f’Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet tat-tliet irġiel miżmuma fuq l-ordnijiet tiegħu wara l-elezzjoni.

F’Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta’ detenuti ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani. Ġie liberat minn Qorti Iranjana fid-19 ta’ Awwissu 2015, fuq akkużi marbuta mat-tortura u l-imwiet ta’ tliet ġuvintur fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Kahrizak fl-2009. Ikkundannat għall-ħabs fl-2017 u rilaxxat f’Settembru 2019.

12.4.2011

27.

ZARGAR Ahmad

Sess: raġel

Imħallef fil-Qorti Suprema u Kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Tehran. Kap tal-“Organizzazzjoni għall-Preservazzjoni tal-Moralità”. Eks Imħallef fil-tieni Fergħa tal-Qorti Speċjali tal-Korruzzjoni Ekonomika. Eks Imħallef, Qorti tal-Appell ta’ Tehran, Fergħa 36.

Huwa kkonferma mandati ta’ priġunerija fit-tul u mandati kapitali kontra persuni li pprotestaw.

12.4.2011

33.

ABBASZADEH- MESHKINI, Mahmoud

Sess: raġel

Membru tal-Parlament minn Frar 2020. Eks Konsulent għall-Kunsill Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iran (sal-2019). Eks segretarju tal-Kunsill Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem. Eks gvernatur tal-Provinċja ta’ Ilam. Eks Direttur Politiku tal-Ministeru għall-Intern. Bħala Kap tal-Kumitat tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar Attivitajiet ta’ Partiti u Gruppi Politiċi, huwa kien jieħu ħsieb l-awtorizzazzjoni ta’ dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra u r-reġistrazzjoni ta’ partiti politiċi.

Fl-2010, huwa ssospenda l-attivitajiet ta’ żewġ partiti politiċi riformisti marbuta ma’ Mousavi – il-Front Iżlamiku għall-Parteċipazzjoni tal-Iran u l-Organizzazzjoni ta’ Mujahedeen għar-Rivoluzzjoni Iżlamika. Mill-2009 ’l quddiem huwa rrifjuta b’mod konsistenti u kontinwu l-laqgħat kollha mhux governattivi, u b’hekk ċaħħad dritt kostituzzjonali għall-protesta u wassal għal ħafna arresti ta’ dimostranti paċifiċi bi ksur tad-dritt għal-libertà ta’ assemblea.

Fl-2009 huwa ċaħħad ukoll l-oppożizzjoni minn permess għal ċerimonja biex tibki t-telfa tan-nies maqtula fi protesti matul l-elezzjonijiet Presidenzjali.

10.10.2011

34.

AKBARSHAHI Ali-Reza

Sess: raġel

Eks Direttur Ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali għall-Kontroll tad-Drogi tal-Iran (magħruf ukoll bħala: Kwartieri Ġenerali Kontra n-Narkotiċi). Eks Kmandant tal-Pulizija ta’ Tehran. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-forza tal-pulizija kienet responsabbli għall-użu ta’ forza extraġudizzjarja fuq persuni suspettati waqt l-arrest u d-detenzjoni ta’ qabel il-proċess. Il-pulizija ta’ Tehran kienet implikata wkoll fi tfittxijiet f’dormitorji universitarji f’Tehran f’Ġunju 2009, meta skont kummissjoni Majlis Iranjana, aktar minn 100 student indarbu mill-pulizija u l-Basiji. Sal-2018, kap tal-pulizija ferrovjarja.

10.10.2011

36.

AVAEE Seyyed Ali-Reza (magħruf ukoll bħala: AVAEE Seyyed Alireza, AVAIE Alireza)

Post tat-twelid: Dezful (Iran)

Data tat-twelid: 20.5.1956

Sess: raġel

Ministru għall-Ġustizzja. Eks Direttur tal-uffiċċju ta’ investigazzjonijiet speċjali. Sa Lulju 2016 Viċi Ministru għall-Intern u l-Kap tar-Reġistru pubbliku. Konsulent għall-Qorti Dixxiplinari għall-Imħallfin sa minn April 2014. Eks President tal-Ġudikatura ta’ Tehran. Bħala President tal-Ġudikatura ta’ Tehran huwa kien responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, arresti arbitrarji, ċaħdiet tad-drittijiet tal-priġunieri u għadd kbir ta’ eżekuzzjonijiet.

10.10.2011

39.

GANJI Mostafa Barzegar

Sess: raġel

Direttur Ġenerali tas-Sorveljanza tal-Ispezzjoni u l-Evalwazzjoni tal-Prestazzjoni tal-Qrati minn Ġunju 2020. Eks Prosekutur Ġenerali ta’ Qom (2008-2017), u eks Kap tad-Direttorat Ġenerali għall-ħabsijiet. Huwa kien responsabbli għad-detenzjoni u l-maltrattament arbitrarji ta’ bosta offensuri f’Qom. Huwa kien kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut, u kkontribwixxa għal użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u għal żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet fl-2009/2010.

10.10.2011

40.

HABIBI Mohammad Reza

Sess: raġel

Prim Imħallef ta’ Isfahan. Eks Avukat Ġenerali ta’ Isfahan. Eks Kap tal-uffiċċju tal-Ministeru għall-Ġustizzja f’Yazd. Eks Viċi Prosekutur ta’ Isfahan. Kompliċi fi proċedimenti li jċaħħdu l-imputati minn proċess ġust – bħal Abdollah Fathi, li ngħata l-mewt f’Mejju 2011 wara li d-dritt li jinstema’ u kwistjonijiet ta’ saħħa mentali tiegħu ġew injorati minn Habibi matul il-proċess tiegħu f’Marzu 2010. Għaldaqstant huwa kien kompliċi fi ksur gravi tad-dritt għal proċess debitu li jikkontribwixxi għaż-żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet fl-2011.

10.10.2011

41.

HEJAZI Mohammad

Post tat-twelid: Ispahan (Iran)

Data tat-twelid: 1956

Sess: raġel

Viċi Kmandant tal-Forza ta’ Quds tal-IRGC mill-2020 b’riżultat tar-riorganizzazzjoni tal-linja ta’ kmand tagħha wara l-qtil tal-Ġeneral Qasem Soleimani. Bħala Ġeneral tal-IRGC, kellu rwol ewlieni fl-intimidazzjoni u t-theddid tal-“għedewwa” tal-Iran. Eks Kap tal-Korpi ta’ Sarollah tal-IRGC f’Tehran, u eks Kap tal-Forzi ta’ Basij, kellu rwol ċentrali fir-repressjoni ta’ wara l-elezzjoni fuq persuni li pprotestaw fl-2009.

10.10.2011

44.

JAZAYERI Massoud

Sess: raġel

Titlu: Brigadier Ġeneral

Konsulent kulturali għall-Kap Konġunt tal-Persunal tal-Forzi Armati tal-Iran minn April 2018. Fi ħdan il-persunal militari konġunt tal-Forzi Armati tal-Iran, il-Brigadier Ġenerali Massaud Jazayeri kien id-Deputat Kap tal-Persunal għall-affarijiet kulturali u tal-media (magħruf wkoll bħala l-Kwartieri Ġenerali tal-Pubbliċità tad-Difiża tal-Istat). Huwa kkollabora b’mod attiv fir-repressjoni tal-protesti tal-2009 bħala Viċi Kap tal-Persunal. Huwa wissa f’intervista f’Kayhan li ħafna dimostranti ġewwa u barra l-Iran ġew identifikati u ser jiġu trattati fil-mument opportun.

Huwa talab pubblikament għat-trażżin ta’ kanali tal-mezzi tax-xandir barranin u tal-oppożizzjoni Iranjana. Fl-2010, huwa talab lill-gvern jgħaddi liġijiet aktar iebsin kontra l-Iranjani li jikkooperaw ma’ sorsi tal-mezzi tax-xandir barranin.

10.10.2011

45.

JOKAR Mohammad Saleh

Post tat-twelid: Yazd (Iran)

Data tat-twelid: 1957

Sess: raġel

Membru tal-Parlament għall-Provinċja ta’ Yazd. Eks Deputat għall-Affarijiet Parlamentari tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni. Mill-2011 sal-2016 deputat parlamentari għall-Provinċja ta’ Yazd u Membru tal-Kumitat Parlamentari għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Politika Barranija. Eks Kmandant tal-Forzi tal-Istudenti ta’ Basij. F’dan ir-rwol huwa kien involut b’mod attiv fit-trażżin tal-protesti u l-indottrinazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ bil-ħsieb li jkompli bit-trażżin tal-libertà tal-espressjoni u ta’ min ma jaqbilx. Bħala Membru tal-Kumitat Parlamentari għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Politika Barranija huwa appoġġa pubblikament it-trażżin tal-oppożizzjoni għall-gvern.

10.10.2011

46.

KAMALIAN Behrouz (magħruf ukoll bħala: Hackers Brain, Behrooz_Ice)

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1983

Sess: raġel

Kap taċ-ċibergrupp “Ashiyaneh” b’rabta mar-reġim Iranjan. Is-Sigurtà Diġitali “Ashiyaneh”, imwaqqfa minn Behrouz Kamalian hija responsabbli għal attakki ċibernetiċi intensivi kemm fuq opponenti u riformisti domestiċi kif ukoll istituzzjonijiet barranin. Il-ħidma tal-organizzazzjoni “Ashiyaneh” ta’ Kamalian assistiet lir-reġim fir-repressjoni tal-oppożizzjoni, li kienet tinvolvi ħafna ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-2009. Kemm Kamalian kif ukoll iċ-ċibergrupp “Ashiyaneh” komplew bl-attivitajiet tagħhom mill-inqas sa Jannar 2020.

10.10.2011

47.

KHALILOLLAHI Moussa (magħruf ukoll bħala: KHALILOLLAHI Mousa, ELAHI Mousa Khalil)

Post tat-twelid: Tabriz (Iran)

Data tat-twelid: 1963

Sess: raġel

Prosekutur ta’ Tabriz mill-2010 sal-2019. Huwa kien involut fil-każ ta’ Sakineh Mohammadi-Ashtani u huwa kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut.

10.10.2011

48.

MAHSOULI Sadeq (magħruf ukoll bħala: MAHSULI, Sadeq)

Post tat-twelid: Oroumieh (Iran)

Data tat-twelid: 1959/1960

Sess: raġel

Viċi Segretarju Ġenerali tal-Front Paydari (Front tal-Istabbiltà Iżlamika). Eks Konsulent tal-Eks President Mahmoud Ahmadinejad, eks membru tal-Kunsill ta’ Espedjenza u eks Viċi Kap tal-Front ta’ Perseveranza. Ministru għall-Protezzjoni Soċjali u s-Sigurtà Soċjali bejn l-2009 u l-2011. Ministru għall-Intern sa Awwissu 2009. Bħala Ministru għall-Intern, Mahsouli kellu awtorità fuq il-forzi tal-pulizija, l-aġenti tas-sigurtà tal-ministeru għall-intern, u l-aġenti pajżana kollha. Il-forzi taħt it-tmexxija tiegħu kienu responsabbli mill-attakki fuq id-dormitorji tal-Università ta’ Tehran fl-14 ta’ Ġunju 2009 u t-tortura tal-istudenti fil-kantina tal-Ministeru (il-livell ta’ taħt l-art magħruf nru 4). Dimostranti oħrajn ġew abbużati b’mod sever fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Kahrizak, li kien operat mill-pulizija taħt il-kontroll ta’ Mahsouli.

10.10.2011

53.

TALA Hossein (magħruf ukoll bħala: TALA Hosseyn)

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1969

Sess: raġel

Sindku ta’ Eslamshahr. Eks MP Iranjan. Eks Gvernatur Ġenerali (“Farmandar”) tal-Provinċja ta’ Tehran sa Settembru 2010, kien responsabbli għall-intervent tal-forzi tal-pulizija u għalhekk għar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet. F’Diċembru 2010 huwa rċieva premju għar-rwol tiegħu fir-repressjoni ta’ wara l-elezzjoni.

10.10.2011

54.

TAMADDON Morteza (magħruf ukoll bħala: TAMADON Morteza)

Post tat-twelid: Shahr Kord-Isfahan (Iran)

Data tat-twelid: 1959

Sess: raġel

Eks Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta’ Tehran. Eks Gvernatur Ġenerali tal-IRGC tal-Provinċja ta’ Tehran. Fil-kapaċità tiegħu bħala gvernatur u kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta’ Tehran, kellu r-responsabbiltà ġenerali għall-attivitajiet kollha ta’ repressjoni li saru mill-IRGC fil-Provinċja ta’ Tehran, inkluż ir-repressjoni ta’ protesti politiċi minn Ġunju 2009. Attwalment membru tal-bord fl-Università għat-Teknoloġija f’Khajeh Nasireddin Tusi.

10.10.2011

60.

HOSSEINI Dr Mohammad (magħruf ukoll bħala: HOSSEYNI, Dr Seyyed Mohammad; Seyed, Sayyed u Sayyid)

Post tat-twelid: Rafsanjan, Kerman (Iran)

Data tat-twelid: 23.7.1961

Sess: raġel

Konsulent tal-Eks President Mahmoud Ahmadinejad u kelliem għall-fazzjoni politika estremista YEKTA. Ministru għall-Kultura u l-Gwida Iżlamika (2009-2013). Eks IRGC, kompliċi fir-repressjoni tal-ġurnalisti.

10.10.2011

63.

TAGHIPOUR Reza

Post tat-twelid: Maragheh (Iran)

Data tat-twelid: 1957

Sess: raġel

Membru tal-11-il Parlament Iranjan (kostitwenza ta’ Tehran). Membru tal-Kunsill Suprem għaċ-Ċiberspazju. Eks membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Tehran. Eks Ministru għall-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (2009-2012).

Bħala Ministru għall-Informazzjoni, kien wieħed mill-ogħla uffiċjali inkarigati miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-Internet u kif ukoll ta’ kull tip ta’ komunikazzjoni (b’mod partikolari telefowns ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta’ detenuti politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tad-detenuti. F’diversi okkażjonijiet wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2009 u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefowns ċellulari u s-servizzi tal-sms ġew imblukkati, il-kanali tat-TV bis-satellita ġew iġġammjati u l-Internet ġie sospiż lokalment jew mill-inqas tnaqqsitlu r-rapidità.

23.3.2012

65.

LARIJANI Sadeq

Post tat-twelid: Najaf (Iraq)

Data tat-twelid: 1960 jew Awwissu 1961

Sess: raġel

Nominat Kap tal-Kunsill ta’ Espedjenza fid-29 ta’ Diċembru 2018. Eks Kap tal-Ġudikatura (2009-2019). Il-Kap tal-Ġudikatura huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu għal u jirreġistra kull kastig għal qisas (tpattija), hodoud (reat kontra Alla) u ta’zirat (reati kontra l-istat). Dan jinkludi sentenzi li jġibu magħhom il-piena tal-mewt, is-swat u l-amputazzjonijiet. F’dan ir-rigward, hu personalment awtorizza bosta sentenzi ta’ piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards internazzjonali, inkluż bi tħaġġir, eżekuzzjonijiet bit-tgħalliq, eżekuzzjonijiet ta’ minuri, u eżekuzzjonijiet pubbliċi bħal dawk fejn il-priġunieri kienu mgħallqa mill-pontijiet quddiem folol ta’ eluf ta’ nies. Għalhekk, huwa kkontribwixxa għal għadd kbir ta’ eżekuzzjonijiet. Huwa ppermetta wkoll sentenzi ta’ kastigi korporali bħal amputazzjonijiet u t-taqtir tal-aċidu f’għajnejn l-ikkundannati. Minn meta Sadeq Larijani ħa l-kariga, l-arresti arbitrarji ta’ priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi żdiedu konsiderevolment. Sadeq Larijani huwa responsabbli wkoll mill-fallimenti sistemiċi fil-proċess ġudizzjarju Iranjan fir-rigward tad-dritt għal proċess ġust.

23.3.2012

66.

MIRHEJAZI Ali

Sess: raġel

Parti miċ-ċirku intern tal-Mexxej Suprem, wieħed minn dawk responsabbli mit-tfassil tat-trażżin tal-protesti, li ilha tiġi implimentata mill-2009, u assoċjat ma’ dawk responsabbli sabiex joħonqu l-protesti.

Huwa kien responsabbli wkoll għall-ippjanar tat-trażżin tal-inkwiet pubbliku f’Diċembru 2017/2018 u Novembru 2019.

23.3.2012

67.

SAEEDI Ali

Sess: raġel

Kap tal-uffiċċju tal-ideoloġija politika tal-Mexxej Suprem. Eks rappreżentant tal-Mexxej Suprem għall-Pasdaran (1995-2020) wara li żvolġa l-karriera kollha tiegħu fl-istituzzjoni militari, eżattament fis-Servizzi tal-Informazzjoni tal-Pasdaran. Permezz ta’ din il-funzjoni uffiċjali huwa kien ċ-ċinga ta’ trażmissjoni indispensabbli bejn l-ordnijiet ġejjin mill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem u l-apparat ta’ repressjoni tal-Pasdaran.

23.3.2012

69.

MORTAZAVI Seyyed Solat

Post tat-twelid: Farsan, Tchar Mahal-o-Bakhtiari (Nofsinhar) - (Iran)

Data tat-twelid: 1967

Sess: raġel

Mis-16 ta’ Settembru 2019, il-kap tal-fergħa tal-proprjetà immobbli tal-Fondazzjoni Mostazafan, li hija mmexxija direttament mill-Mexxej Suprem Khamenei. Sa Novembru 2019, Direttur tal-fergħa ta’ Tehran tal-Fondazzjoni Astan Qods Razavi. Eks sindku tat-tieni l-akbar belt tal-Iran, Mashhad, fejn regolarment iseħħu eżekuzzjonijiet pubbliċi. Eks Viċi Ministru għall-Intern għall-Affarijiet Politiċi, maħtur fl-2009. F’din il-kapaċità, kien responsabbli biex imexxi repressjoni ta’ persuni li tkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluż il-libertà tal-espressjoni. Aktar tard maħtur bħala Kap tal-Kumitat Elettorali Iranjan għall-elezzjonijiet parlamentari fl-2012 u għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013.

23.3.2012

73.

FARHADI Ali

Sess: raġel

Viċi Kap tal-Ispettorat tal-Affarijiet Legali u l-Ispezzjoni Pubblika tal-Ministeru għall-Ġustizzja ta’ Tehran. Eks prosekutur ta’ Karaj. Responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż prosekuzzjonijiet fejn ingħatat il-piena tal-mewt. Kien hemm għadd kbir ta’ eżekuzzjonijiet fir-reġjun ta’ Karaj matul il-mandat tiegħu bħala prosekutur.

23.3.2012

79.

RASHIDI AGHDAM, Ali Ashraf

Sess: raġel

Eks kap tal-Ħabs ta’ Evin (2012-2015). Matul il-kariga tiegħu, il-kundizzjonijiet fil-ħabs iddeterjoraw u r-rapporti għamlu referenza għal trattament ħażin intensifikat tal-priġunieri. F’Ottubru 2012, disa’ priġunieri nisa għamlu strajk tal-ġuħ bi protesta kontra l-ksur tad-drittijiet tagħhom u t-trattament vjolenti mill-gwardjani tal-ħabs.

12.3.2013

82.

SARAFRAZ, Mohammad (Dr.) (magħruf ukoll bħala: Haj-agha Sarafraz)

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: madwar 1963

Post ta’ residenza: Tehran

Sess: raġel

Eks membru tal-Kunsill Suprem taċ-Ċiberspazju. Eks President tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) (2014-2016). Eks Kap ta’ IRIB World Service u Press TV, responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha ta’ programmazzjoni. Assoċjat mill-qrib mal-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-istat. Taħt it-tmexxija tiegħu, Press TV, flimkien ma’ IRIB, ħadem mas-servizzi tas-sigurtà u l-prosekuturi Iranjani biex ixandar konfessjonijiet furzati mid-detenuti, inkluż dawk tal-ġurnalist u l-produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari, fil-programm ta’ kull ġimgħa “Iran Today”. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil Press TV fir-Renju Unit ta’ GBP 100 000 talli xandar il-konfessjoni ta’ Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. Sarafraz huwa għalhekk assoċjat mal-ksur tad-dritt ta’ proċess korrett u smigħ ġust.

12.3.2013

84.

EMADI, Hamid Reza (magħruf ukoll bħala: Hamidreza Emadi)

Post tat-twelid: Hamedan (Iran)

Data tat-twelid: madwar 1973

Post tar-residenza: Tehran

Post tax-xogħol: Press TV HQ, Tehran

Sess: raġel

Direttur ta’ Press TV Newsroom. Eks Produttur Għoli ta’ Press TV.

Responsabbli għall-produzzjoni u x-xandir tal-konfessjonijiet furzati tad-detenuti, inkluż il-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi Kurdi u Għarab, il-ksur ta’ drittijiet internazzjonali rikonoxxuti għal smigħ ġust u proċess korrett. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil Press TV fir-Renju Unit ta’ GBP 100 000 talli xandar il-konfessjoni furzata mill-ġurnalist u produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. L-NGOs irrapportaw aktar eżempji ta’ konfessjonijiet furzati fuq it-TV minn Press TV. Emadi għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt għal proċess korrett u smigħ ġust.

12.3.2013

86.

MUSAVI-TABAR, Seyyed Reza

Post tat-twelid: Jahrom (Iran)

Data tat-twelid: 1964

Sess: raġel

Eks kap tal-Prosekuzzjoni Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz. Responsabbli mill-arresti illegali u t-trattament ħażin ta’ attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni Baha’i u priġunieri tat-twemmin, li ġew molestati, ittorturati, interrogati u rrifjutati aċċess għal avukati u proċess korrett. Musavi-Tabar iffirma ordnijiet ġudizzjarji fil-famuż Ċentru ta’ Detenzjoni Nru 100 (ħabs għall-irġiel), inkluża ordni biex tinżamm priġuniera mara Baha’i Raha Sabet għal tliet snin f’iżolament.

12.3.2013

87.

KHORAMABADI Abdolsamad

Sess: raġel

Viċi Direttur għas-Sorveljanza Ġudizzjarja (mit-13 ta’ Ottubru 2018). Eks Kap tal-“Kummissjoni għad-Determinazzjoni tal-Istanzi tal-Kontenut Kriminali”, organizzazzjoni governattiva inkarigata miċ-ċensura online u l-kriminalità ċibernetika. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Kummissjoni ddefiniet il-“kriminalità ċibernetika” permezz ta’ għadd ta’ kategoriji vagi li jikkriminalizzaw il-ħolqien u l-pubblikazzjoni ta’ kontenut meqjus bħala mhux adatt mir-reġim. Kien responsabbli mir-repressjoni u l-ibblukkar ta’ diversi siti elettroniċi tal-oppożizzjoni, gazzetti elettroniċi, blogs, siti elettroniċi ta’ NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ Google u Gmail minn Settembru 2012. Hu u l-Kummissjoni kkontribwew attivament għall-mewt f’detenzjoni tal-blogger Sattar Beheshti f’Novembru 2012. B’hekk il-Kummissjoni li kien qed imexxi hija direttament responsabbli għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari bil-projbizzjoni u l-iffiltrar tas-siti elettroniċi għall-pubbliku ġenerali, u okkażjonalment bid-diżattivazzjoni għalkollox tal-aċċess għall-Internet.

12.3.2013”;

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Pulizija Ċibernetika

Post: Tehran (Iran)

Sit web: http://www. cyberpolice.ir

Il-Pulizija Ċibernetika Iranjana, imwaqqfa f’Jannar 2011, hija taqsima tal-Pulizija tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, immexxija minn Vahid Majid. Mill-mument tal-bidu tagħha sal-bidu tal-2015 kienet immexxija minn Esmail Ahmadi-Moqaddam (elenkat). Ahmadi-Moqaddam enfasizza li l-Pulizija Ċibernetika ser tfittex lill-gruppi anti-rivoluzzjonarji u ta’ protesta li użaw in-networks soċjali bbażati fuq l-Internet fl-2009 biex jinħolqu protesti kontra l-elezzjoni mill-ġdid tal-President Mahmoud Ahmadinejad. F’Jannar 2012, il-Pulizija Ċibernetika ħarġet linji gwida ġodda għall-Internet cafés, li jeżiġu li l-utenti jipprovdu informazzjoni personali li tinżamm mis-sidien tal-café għal sitt xhur, kif ukoll rekord tas-siti elettroniċi li żaru. Ir-regoli jeħtieġu wkoll lis-sidien tal-café biex jinstallaw kameras tat-televixin b’ċirkwit magħluq u jżommu r-reġistrazzjonijiet għal sitt xhur. Dawn ir-regoli ġodda jistgħu joħolqu logbook li l-awtoritajiet jistgħu jużaw biex jintraċċaw attivisti jew kwalunkwe persuna li titqies bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali.

F’Ġunju 2012, il-mezzi ta’ komunikazzjoni Iranjani rrappurtaw li l-Pulizija Ċibernetika kienet ser tniedi repressjoni fuq in-netwerks privati virtwali (VPNs). Fit-30 ta’ Ottubru 2012, il-Pulizija Ċibernetika arrestat lill-blogger Sattar Beheshti mingħajr mandat għal “azzjonijiet kontra s-sigurtà nazzjonali fuq netwerks soċjali u Facebook”. Beheshti kien ikkritika l-gvern Iranjan fil-blog tiegħu. Beheshti nstab mejjet fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu fit-3 ta’ Novembru 2012, u huwa mifhum li dan ġie ttorturat għall-mewt mill-awtoritajiet tal-Pulizija Ċibernetika. Il-Pulizija Ċibernetika hija responsabbli għal ħafna arresti ta’ Telegram Group Administrators b’rabta mal-protesti nazzjonali ta’ Novembru 2019.

12.3.2013”.