12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/580

tal-1 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/1366 fir-rigward tal-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja fis-settur tal-apikultura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 56(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 (2) jistabbilixxi l-bażi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri għall-programmi tal-apikultura tagħhom. Din għandha tiġi allokata fi proporzjon mal-għadd ta’ doqqajs innotifikat mill-Istati Membri matul is-sentejn kalendarji ta’ qabel in-notifika lill-Kummissjoni tal-programmi tal-apikultura.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (3)jistabbilixxi l-limitu massimu annwali għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija(‘FAEG’). F’dak il-limitu massimu, dak il-fond se jiffinanzja l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura, b’effett mill-2021. L-ammont totali previst fil-qafas finanzjarju pluriennali fir-rigward tal-FAEG jinkludi żieda għal EUR 60 miljun fis-sena għall-programmi tal-apikultura.

(3)

Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni miżjuda tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura kif stabbilit fl-Anness VIII tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għal pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri fl-ambitu tal-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(4)

Il-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni lill-Istati Membri stabbilita fil-proposta tal-Kummissjoni COM(2018) 392 final kienet l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura għall-perjodu 2017-2019, li min naħa tagħha saret abbażi tan-numru ta’ doqqajs li ġew ikkomunikati fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura tagħhom għall-perjodu 2014-2016, aġġustata abbażi tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri għall-allokazzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2017-2019.

(5)

Il-kontribuzzjoni miżjuda tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura għandha tkun effettiva mill-2021, filwaqt li l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri x’aktarx li japplikaw biss fl-2023.

(6)

Għall-finijiet ta’ konsistenza mal-proposta tal-Kummissjoni COM(2018) 392 final, u sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-allokazzjonijiet għall-programmi tal-apikultura għas-snin 2021 u 2022 u mill-2023 ’il quddiem, jenħtieġ li l-allokazzjonijiet għall-programmi tal-apikultura għas-snin 2021 u 2022 jiġu kkalkulati abbażi tal-għadd ta’ doqqajs li ġie kkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom għall-perjodu 2014-2016, aġġustati abbażi tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri għall-allokazzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2017-2019.

(7)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2015/1366 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-ewwel paragrafu, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura fis-snin 2021 u 2022 għandha tiġi allokata lill-Istati Membri bi programmi tal-apikultura abbażi tal-għadd ta’ doqqajs li ġie kkomunikat fl-2013 minn dawk l-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom għall-perjodu 2014-2016, aġġustati abbażi tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri għall-allokazzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2017-2019. Il-limitu minimu ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 25 000 għal kull programm tal-apikultura.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 tal-11 ta’ Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna fis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 3).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).