29.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/540

tas-26 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta’ ċerti obbligi ta’ notifika, il-verifiki fuq il-post relatati mal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem u mat-talbiet għall-ħlas fil-kuntest ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, u dwar is-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62(2) u l-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 78 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (2), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju ta’ kull sena b'rapport fir-rigward tal-miżuri li jkunu ħadu għall-amministrazzjoni u l-kontroll tal-appoġġ akkoppjat volontarju tul is-sena kalendarja preċedenti. L-esperjenza wriet li r-rekwiżit eżistenti ta’ notifika annwali ta’ dawk il-miżuri sar obsolet fil-kuntest tas-sistema integrata attwali ta’ amministrazzjoni u kontroll. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, dak ir-rekwiżit jeħtieġ li jitħassar.

(2)

Meta jitwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ, skont l-Artikolu 40a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jiksbu informazzjoni li tista’ tindika potenzjal ta' nuqqasijiet ta’ konformità anki għall-iskemi ta’ għajnuna u għall-miżuri ta’ appoġġ soġġetti għall-verifiki klassiċi fuq il-post. Dik l-informazzjoni jeħtieġ li tintuża biex tinduċi l-konformità u ttejjeb il-preċiżjoni tad-data fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll. Barra minn hekk, il-benefiċjarji jeħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jemendaw l-applikazzjoni unika tagħhom, l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-ħlas sabiex jirranġaw l-ineżattezzi u jevitaw il-penali. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjonijiet u żieda fl-assigurazzjoni, dan jenħtieġ li jiġi rifless fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

(3)

L-esperjenza wriet li l-Istati Membri jeħtieġ li jingħataw aktar flessibbiltà fl-iffissar tad-dati finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas imsemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 sabiex jitqiesu aħjar iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet klimatiċi u tat-temp li qed jinbidlu. Jenħtieġ li dak l-approċċ japplika wkoll għad-dati li fihom iridu jitressqu l-emendi msemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Meta Stat Membru japplika s-sistema mingħajr talbiet, il-benefiċjarji jeħtieġ ikunu konxji li biex jiġi kkalkulat l-appoġġ u biex jiġu applikati l-penali amministrattivi jeħtieġ li jitqiesu n-nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini, ovini u kaprini tal-annimali kollha potenzjalment eliġibbli. Madankollu, il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jenħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl tar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (3), u f’konformità mal-Artikolu 31 ta’ dak ir-Regolament għall-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi.

(5)

Minħabba li l-verifiki ta’ segwitu meħtieġa mill-Artikolu 33a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistgħu jikkonċernaw ammonti żgħar ħafna filwaqt li jikkawżaw piż amministrattiv sproporzjonat, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jillimitaw il-popolazzjoni tal-bdiewa li jkunu soġġetti għal dawk il-verifiki ta’ segwitu. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jintuża l-limitu biex l-irkupri ma jiġux segwiti previst fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bħala punt ta’ riferiment trasparenti u mhux diskriminatorju.

(6)

L-esperjenza wriet li l-introduzzjoni gradwali tal-kontrolli permezz tal-monitoraġġ imwettaq skont l-Artikolu 40a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 tista’ tieħu aktar minn sentejn, skont id-daqs taż-żona kkonċernata jew il-kumplessitajiet tal-proċess. Għalhekk, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw żmien itwal biex gradwalment jimxu lejn l-implimentazzjoni ta’ dawk il-kontrolli fit-territorju sħiħ tagħhom.

(7)

Sabiex l-Istati Membri jiġu assistiti aħjar fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-kontrolli permezz tal-monitoraġġ, huwa meħtieġ żmien addizzjonali għat-tħejjija tan-notifiki rilevanti. Għalhekk, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ dawk in-notifiki jenħtieġ li tiġi estiża, kemm fir-rigward tal-kontrolli dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonalità.

(8)

Biex il-verifiki fuq il-post ikunu effettivi fir-rigward ta’ skemi relatati mal-annimali, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li, fejn Stat Membru ma japplikax perjodu taż-żamma jew fejn il-perjodu taż-żamma ma jkunx jista' jiġi ffissat minn qabel jew fejn il-perjodu taż-żamma jibda qabel ma tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas, dawk il-verifiki jitwettqu matul il-perjodu li fih l-annimali jistgħu jikkwalifikaw għal pagament jew appoġġ. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ċċarat fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 li dan l-obbligu japplika wkoll għall-verifiki fuq il-post imwettqa bħala riżultat ta’ żieda fir-rata ta’ kontroll kif stabbilit fl-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament, fejn rilevanti.

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(10)

Biex tiġi żgurata effiċjenza massima tar-regoli previsti f’dan ir-Regolament, jeħtieġ li dan japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ u tat-talbiet għall-pagament sottomessi għas-snin tat-talba jew għall-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, jitħassar il-paragrafu 3;

(2)

fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(4), it-tieni u t-tielet sentenzi jinbidlu b’dan li ġej:

“Ir-riżultati għandhom jiġu nnotifikati lill-benefiċjarji fil-ħin sabiex jappoġġawhom biex jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u l-obbligi l-oħra. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżultati provviżorji fil-livell tal-irqajja’ msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40a(1) bħala informazzjoni rilevanti għal verifiki preliminari għal skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ appoġġ li mhumiex soġġetti għal verifiki permezz ta’ monitoraġġ. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel dan, l-Artikolu 40a(4) ma għandux japplika fir-rigward tal-informazzjoni nnotifikata lill-benefiċjarji fil-qafas tal-verifiki preliminari.”;

(3)

fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1), it-tieni u t-tielet sentenzi jitħassru;

(4)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit bis-segwenti:

“L-emendi magħmula skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sad-data finali ffissata mill-Istat Membru.”;

(b)

fit-tieni subparagrafu, titħassar it-tieni sentenza;

(5)

fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(4), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

il-benefiċjarju jaf li kwalunkwe annimal li huwa potenzjalment eliġibbli li jinstab li ma jkunx identifikat jew irreġistrat b’mod korrett fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali għandu jgħodd mal-annimali mhux stabbiliti skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014, sakemm ma jkunux koperti minn regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 30(4) ta’ dak ir-Regolament.”;

(6)

Fl-Artikolu 33 a(1), jiżdied is-sottoparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu minn dawk il-verifiki fuq il-post ta’ segwitu benefiċjarji li l-penali amministrattiva mnaqqsa tagħhom tkun tikkorrispondi għall-ammonti li għalihom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux irkupru skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”;

(7)

fl-Artikolu 40a(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tapplika verifiki permezz ta’ monitoraġġ lill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ f’żoni magħżula abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. L-awtorità kompetenti għandha testendi dawk iż-żoni b’mod sostanzjali f’kull sena konsekuttiva.”;

(8)

L-Artikolu 40b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 40b

Notifiki

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Frar ta’ kull sena kalendarja bid-deċiżjoni tagħhom li jagħżlu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ f’dik is-sena kalendarja, u għandhom jindikaw l-iskemi jew il-miżuri jew it-tipi kollha ta’ operazzjonijiet u ż-żoni kollha soġġetti għal verifiki permezz tal-monitoraġġ.

Sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena kalendarja, il-Kummissjoni għandha tipprovdi mudell għat-tressiq tan-notifiki li jkun fih l-elementi li jridu jiddaħħlu fit-tali notifika.”;

(9)

fl-Artikolu 42(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn l-Istat Membru jkun stabbilixxa perjodu skont l-Artikolu 21(1)(d), tal-inqas 50 % tar-rata minima tal-verifiki fuq il-post previsti fl-Artikoli 32, 33 u 35, rispettivament, għandhom jitqassmu matul dak il-perjodu għall-iskema tal-għajnuna relatata mal-annimali jew għall-miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali rispettiva. Madankollu, meta ma jiġi applikat l-ebda perjodu ta’ żamma, meta l-perjodu ta' żamma ma jkunx jista’ jiġi stabbilit bil-quddiem jew meta l-perjodu ta' żamma jibda qabel ma tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-ħlas, il-verifiki kollha fuq il-post imsemmija fl-Artikoli 32, 33 u 35 għandhom jitqassmu matul dak il-perjodu li fih annimal jista’ jikkwalifika għall-pagament jew għall-appoġġ.”;

(10)

L-Artikolu 70b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 70b

Notifiki

Sal-1 ta’ Frar tas-sena kalendarja li fiha jibdew iwettqu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħżlu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 70a.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ tat-talbiet għall-ħlas sottomessi għas-snin tat-talba jew għall-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).