|
15.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 87/29 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/447
tat-12 ta’ Marzu 2021
li jiddetermina l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2021 sal-2025 skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b'mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2) ddeterminat 54 parametru referenzjarju li jservu bħala bażi għall-allokazzjoni bla ħlas (il-“parametri referenzjarji”) u l-valuri għal dawk il-parametri referenzjarji għall-perjodu mill-2013 sal-2020. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/331 (3) ħassar u ssostitwixxa d-Deċiżjoni 2011/278/UE mill-1 ta’ Jannar 2021 u stabbilixxa punti ta’ tluq identiċi għad-determinazzjoni tar-rati ta’ tnaqqis annwali għal kull aġġornament tal-valur tal-parametru referenzjarju għall-perjodu mill-2021 sal-2030. |
|
(2) |
Sa fejn ikun fattibbli, il-54 valur tal-parametri referenzjarji fid-Deċiżjoni 2011/278/UE ġew iddeterminati abbażi tad-data dwar l-effiċjenza tal-gassijiet serra ta’ installazzjonijiet individwali pprovduta mill-assoċjazzjonijiet settorjali Ewropej rispettivi skont ir-regoli ddefiniti mill-Kummissjoni permezz ta’ dokument ta’ gwida u l-hekk imsejħa “kotba tar-regoli settorjali”. Minħabba n-natura volontarja tal-ġbir tad-data, is-sett tad-data ma kopriex l-installazzjonijiet kollha kkonċernati. L-14-il valur tal-parametri referenzjarji tal-prodotti kienu bbażati fuq data minn installazzjonijiet ta’ prodott wieħed, peress li l-assenjazzjoni tal-emissjonijiet lil prodotti individwali fl-installazzjonijiet ta’ diversi prodotti kkonċernati ma kinitx meqjusa fattibbli fil-perjodu ta’ żmien partikolari. Minħabba nuqqas ta’ data minn installazzjonijiet individwali, ħames valuri ta’ parametri referenzjarji ta’ prodott kif ukoll il-valuri tal-parametru referenzjarju tas-sħana u tal-fjuwil kienu bbażati fuq informazzjoni mid-Dokumenti ta’ Referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli (BREFs) jew letteratura oħra. Erba’ valuri ta’ parametri referenzjarji ta’ prodott kienu bbażati fuq valuri oħra ta’ parametri referenzjarji ta’ prodott biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi tal-istess prodotti jew prodotti simili. |
|
(3) |
Il-valuri tal-parametri referenzjarji riveduti għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ informazzjoni vverifikata dwar l-effiċjenza tal-gassijiet serra tal-installazzjonijiet irrapportati skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE għas-snin 2016 u 2017. Għal kull parametru referenzjarju, għandha tiġi kkalkulata l-prestazzjoni medja fl-2016 u fl-2017 tal-aktar 10 % installazzjonijiet effiċjenti. Abbażi ta’ tqabbil ta’ dawk il-valuri mal-parametri referenzjarji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/278/UE li kienu bbażati fuq data tal-prestazzjoni għas-snin 2007 u 2008, ir-rati ta’ tnaqqis annwali għandhom jiġu ddeterminati għal kull parametru referenzjarju għall-perjodu ta’ disa’ (9) snin mill-2007/2008 sal-2016/2017. Dawk ir-rati ta’ tnaqqis annwali mbagħad jintużaw biex jiġi kkalkulat, permezz ta’ estrapolazzjoni, it-tnaqqis korrispondenti tal-valuri tal-parametri referenzjarji għall-perjodu ta’ 15-il sena mill-2007/2008 sal-2022/2023. F’konformità mal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, it-tnaqqis applikat tul il-perjodu ta’ 15-il sena jenħtieġ li ma jkunx inqas minn 3 % u ma jkunx ogħla minn 24 %. Dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw għall-aġġornament tal-valuri tal-parametri referenzjarji għall-aromatiċi, l-idroġenu, il-gass sintetiku u l-metall jaħraq. |
|
(4) |
Il-lista ta’ installazzjonijiet li fihom informazzjoni rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri sat-30 ta’ Settembru 2019 f’konformità mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi żgurat li l-valuri tal-parametri referenzjarji jkunu bbażati fuq data korretta, il-Kummissjoni wettqet kontrolli fil-fond tal-kompletezza u l-konsistenza tad-data rilevanti għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, bl-użu wkoll ta’ għodod awtomatizzati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għal kjarifiki u korrezzjonijiet. Bħala riżultat ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni kisbet sett preċiż, konsistenti u komparabbli ta’ data dwar l-effiċjenzi tal-gassijiet serra tal-installazzjonijiet stazzjonarji kollha koperti mid-Direttiva 2003/87/KE. Dak is-sett ta’ data ta’ kwalità għolja ntuża biex jiġu ddeterminati l-valuri tal-parametri referenzjarji riveduti għall-perjodu mill-2021 sal-2025 għal kull wieħed mill-54 parametru referenzjarju. Id-data mis-subinstallazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ parametru referenzjarju speċifiku, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, intużat biex tiġi ddeterminata l-prestazzjoni medja tal-aktar 10 % installazzjonijiet effiċjenti fis-snin 2016 u 2017, kif stabbilit fl-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u fil-premessa (11) tad-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(5) |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi li l-Istati Membri huma permessi taħt ċerti kundizzjonijiet li jeskludu mill-EU ETS installazzjonijiet li rrappurtaw emissjonijiet ta’ inqas minn 25 000 tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju u, fejn iwettqu attivitajiet ta’ kombustjoni, għandhom kapaċità termali kklassifikata ta’ inqas minn 35 MW, esklużi l-emissjonijiet mill-bijomassa. L-Artikolu 27a tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu mill-EU ETS installazzjonijiet li rrappurtaw emissjonijiet ta’ inqas minn 2 500 tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju, mingħajr ma jitqiesu l-emissjonijiet mill-bijomassa. Diversi Stati Membri ddeċidew li jeskludu installazzjonijiet mill-EU ETS għall-perjodu mill-2021 sal-2025 abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Jenħtieġ li dawk l-installazzjonijiet ma jitqisux meta jiġu ddeterminati l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji. |
|
(6) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/331 jinkludi regoli għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet fil-livell tas-subinstallazzjoni biex jiġi żgurat it-trattament konsistenti tal-emissjonijiet relatati mal-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-produzzjoni interna ta’ sħana li titkejjel, ta’ gassijiet ta’ skart li fihom il-karbonju u ta’ CO2 ittrasferit. Għal dak il-għan, il-fatturi ta’ emissjoni rilevanti ġew iddeterminati bl-użu tal-valuri referenzjarji tas-sħana u tal-fjuwil li min-naħa tagħhom kienu ġew aġġornati billi ġew applikati r-rati ta’ tnaqqis annwali ddeterminati. Għall-importazzjonijiet tas-sħana b’fatturi ta’ emissjoni mhux magħrufa jew mhux definiti b’mod ċar u għall-esportazzjonijiet tas-sħana, intuża valur ta’ 53.3 t ekwivalenti ta’ CO2/TJ. Dak il-valur inkiseb bl-applikazzjoni ta’ rata annwali ta’ tnaqqis ta’ 1.6 % għall-valur referenzjarju tas-sħana għall-perjodu ta’ disa’ (9) snin mill-2007/2008 sal-2016/2017. Għall-esportazzjonijiet tal-gass ta’ skart, il-valur ta’ 37.4 t ta’ ekwivalenti ta’ CO2/TJ tnaqqas mill-fattur attwali ta’ emissjoni tal-gass ta’ skart. Dak il-valur jikkorrispondi għall-fattur ta’ emissjoni tal-gass naturali (56.1 t ekwivalenti ta’ CO2/TJ) immultiplikat b’fattur ta’ 0,667 li jirrappreżenta d-differenza fl-effiċjenza bejn l-użu tal-gass ta’ skart u l-użu tal-gass naturali tal-fjuwil ta’ referenza. Għall-importazzjonijiet tal-gass ta’ skart, intuża valur ta’ 48.0 t ta’ ekwivalenti ta’ CO2/TJ. Dak il-valur inkiseb bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ tnaqqis annwali ta’ 1.6 % għall-valur referenzjarju tal-fjuwil għall-perjodu ta’ disa’ (9) snin mill-2007/2008 sal-2016/2017. |
|
(7) |
Fil-każ ta’ subinstallazzjonijiet li jimportaw prodotti intermedji li l-produzzjoni tagħhom hija koperta mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti u fejn ma kienx fattibbli li jiġu ddeterminati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti intermedji abbażi tad-data ppreżentata, jenħtieġ li l-effiċjenzi tal-gassijiet serra tas-subinstallazzjonijiet ikkonċernati ma jiġux ikkunsidrati meta jiġu ddeterminati l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji. Dan jikkonċerna l-aġġornamenti tal-valur referenzjarju għall-prodotti tar-raffineriji, il-metall jaħraq, il-ġir dolomitiku sinterizzat, l-ammonijaka, l-idroġenu u l-karbonat tas-sodju. Fil-każ ta’ subinstallazzjonijiet li jesportaw prodotti intermedji u fejn ma kienx fattibbli li jiġu ddeterminati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati mal-proċessi sussegwenti abbażi tad-data ppreżentata, jenħtieġ li l-effiċjenzi tal-gassijiet serra tas-subinstallazzjonijiet ikkonċernati ma jiġux ikkunsidrati meta jiġu ddeterminati l-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji. Dan jikkonċerna l-aġġornament tal-valur referenzjarju għall-prodotti tar-raffineriji u l-metalli jaħarqu. |
|
(8) |
Il-metodoloġija għall-attribuzzjoni tal-emissjonijiet lil subinstallazzjonijiet differenti li hija stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2019/331 tista’ twassal għal effiċjenzi negattivi tal-gassijiet serra f’każijiet fejn is-sħana prodotta bl-użu ta’ fjuwil b’fattur ta’ emissjoni baxx tiġi esportata lejn subinstallazzjonijiet jew installazzjonijiet oħra. F’każijiet bħal dawn, l-effiċjenza tal-gassijiet serra tas-subinstallazzjoni kkonċernata jenħtieġ li tiġi stabbilita għal żero għall-fini tad-determinazzjoni tal-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-valuri riveduti tal-parametri referenzjarji elenkati fl-Anness għandhom japplikaw għall-allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2021 sal-2025.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 59, 27.2.2019, p. 8).
(4) Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).
ANNESS
Parametri referenzjarji
Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-prodotti koperti u tal-proċessi u tal-emissjonijiet koperti (il-limiti tas-sistema) stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331.
1. Parametri referenzjarji tal-prodott mingħajr kunsiderazzjoni ta’ skambjabbiltà tal-fjuwil u l-elettriku
|
Parametru referenzjarju tal-prodott |
Valur medju tal-aktar 10 % installazzjonijiet effiċjenti fl-2016 u l-2017 (tunnellati ekwivalenti ta’ CO2 /t) |
Valur tal-parametru referenzjarju (kwoti/t) għall-2021-2025 |
|
Kokk |
0,144 |
0,217 |
|
Minerali sinterizzati |
0,163 |
0,157 |
|
Metall jaħraq |
1,331 |
1,288 |
|
Anodu ta’ qabel il-ħami |
0,317 |
0,312 |
|
Aluminju |
1,484 |
1,464 |
|
Klinker tas-siment griż |
0,722 |
0,693 |
|
Klinker tas-siment abjad |
0,973 |
0,957 |
|
Ġir |
0,746 |
0,725 |
|
Ġir dolomitiku |
0,881 |
0,815 |
|
Ġir dolomitiku sinterizzat |
1,441 |
1,406 |
|
Ħġieġ float |
0,421 |
0,399 |
|
Fliexken u vażetti tal-ħġieġ bla kulur |
0,323 |
0,290 |
|
Fliexken u vażetti tal-ħġieġ ikkulurit |
0,265 |
0,237 |
|
Prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu |
0,290 |
0,309 |
|
Brikks tal-faċċata |
0,094 |
0,106 |
|
Brikks għall-ippavimentar |
0,140 |
0,146 |
|
Madum għat-tisqif |
0,130 |
0,120 |
|
Trab imnixxef bl-isprejjar |
0,050 |
0,058 |
|
Ġibs |
0,048 |
0,047 |
|
Ġipsum sekondarju mnixxef |
0,008 |
0,013 |
|
Polpa kraft ta’ fibra qasira |
0,000 |
0,091 |
|
Polpa kraft ta’ fibra twila |
0,001 |
0,046 |
|
Polpa tas-sulfit, polpa termomekkanika u mekkanika |
0,000 |
0,015 |
|
Polpa tal-karta rkuprata |
0,000 |
0,030 |
|
Karta tal-gazzetti |
0,007 |
0,226 |
|
Karta fina mhux miksija |
0,011 |
0,242 |
|
Karta fina miksija |
0,043 |
0,242 |
|
Tixju |
0,139 |
0,254 |
|
Testliner u fluting |
0,071 |
0,188 |
|
Kartun mhux miksi |
0,009 |
0,180 |
|
Kartun miksi |
0,011 |
0,207 |
|
Aċidu nitriku |
0,038 |
0,230 |
|
Aċidu adipiku |
0,32 |
2,12 |
|
Monomer tal-klorur tal-vinil (VCM) |
0,171 |
0,155 |
|
Fenol/aċeton |
0,244 |
0,230 |
|
S-PVC |
0,073 |
0,066 |
|
E-PVC |
0,103 |
0,181 |
|
Irmied tas-soda |
0,789 |
0,753 |
2. Parametri referenzjarji tal-prodott b’kunsiderazzjoni ta’ skambjabbiltà tal-fjuwil u l-elettriku
|
Parametru referenzjarju tal-prodott |
Valur medju tal-aktar 10 % installazzjonijiet effiċjenti fl-2016 u l-2017 (tunnellati ekwivalenti ta’ CO2 /t) |
Parametru referenzjarju (kwoti/t) għall-2021-2025 |
|
Prodotti tar-raffinerija |
0,0255 |
0,0228 |
|
Azzar tal-karbonju EAF |
0,209 |
0,215 |
|
Azzar illigat ħafna EAF |
0,266 |
0,268 |
|
Ħadid fondut |
0,299 |
0,282 |
|
Suf minerali |
0,595 |
0,536 |
|
Bord tal-ġibs |
0,119 |
0,110 |
|
Iswed tal-karbonju |
1,141 |
1,485 |
|
Ammonijaka |
1,604 |
1,570 |
|
Krekkjar bil-fwar |
0,693 |
0,681 |
|
Aromatiċi |
0,0072 |
0,0228 |
|
Stiren |
0,419 |
0,401 |
|
Idroġenu |
4,09 |
6,84 |
|
Gass sintetiku (syngas) |
0,009 |
0,187 |
|
Ossidu tal-etilen/glikoli tal-etilen |
0,314 |
0,389 |
3. Parametri referenzjarji tas-sħana u l-fjuwil
|
Parametru referenzjarju |
Valur medju tal-aktar 10 % installazzjonijiet effiċjenti fl-2016 u l-2017 (tunnellati ekwivalenti ta’ CO2/TJ) |
Valur tal-parametru referenzjarju (kwoti/TJ) għall-2021-2025 |
|
Parametru referenzjarju tas-sħana |
1,6 |
47,3 |
|
Parametru referenzjarju tal-fjuwil |
34,3 |
42,6 |